L-EPIFANIJA TAL-MULEJ TFITTXIJA U SEJBA |
Written by Frans Galea | ||
Friday, 05 January 2018 | ||
Din hija il- Liturgija ta' L-Eppifanija tal-Mulej bi hsibijiet min Joe Rapa.
Alla wera ruħu lill-bniedem f’Ġesù ta’ Nazaret, il-Kristu, il-Midluk, f’Dak li sa mill-ewwel paġni tal-Bibbja Hu wiegħed li jibgħat. Alla ma baqagħlux iktar x’juri lill-bniedem. Min isib lill-Iben isib lill-Missier. Il-Ħajja ta’ Dejjem, is-sens kollu tal-Istorja li kull wieħed jgħaddi minnha, l-għan tagħha hu li niskopru l-Missier. LejH jinsab miexi l-ħolqien kollu, lejn il-Missier li hu l-għajn ta’ kollox. U l-Missier jinsab fi Kristu. Lanqas irridu nieqfu fuq Kristu, għax Kristu jiġi għandna biex jurina lill-Missier; Missieru u Missierna. Kristu huwa t-Triq, imma d-destinazzjoni tagħna huwa l-Missier. Ħajjin huma biss dawk li sabuH. L-oħrajn għadhom iltiema u mhux veru li għandhom il-Ħajja u s-sliem.
In-Nisrani hu dak li sab lil Kristu, imma jibqa’ jifittxu xorta waħda, għax Kristu huwa Misteru. Meta taħseb li doqtu u skirt bih, jaqbdek l-għatx għal aktar, u tkompli tterraq lejn il-qalba tad-Dawl, u l-qalba tad-Dawl huwa l-Missier. Henjin huma dawk li jinsabu f’dan il-vjaġġ. Henjin huma dawk li rikbu l-ġemel u qed iterrqu fid-deżert. Henjin huma dawk li fid-dlam tas-solitudni, meta kulħadd jgħidlek li inti ffissat, titla’ għalik kewkba; għax il-kewkba tidher biss bil-lejl. Int tgħix bil-lejl; l-oħrajn bin-nhar. Int qed tfittex; l-oħrajn jaħsbu li sabu dak li kellhom isibu. Inti fqir, imma għani; l-oħrajn huma għonja, imma fqar.
Epifanija, Wirja, Rivelazzjoni. Waħda mill-eqdem ċelebrazzjoni liturġika tal-Knisja. Il-Knisja tgħix ir-rejaltà li Alla, il-Missier li minnu ħareġ kollox, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx... u dak li ma jidhirx hu ferm ikbar minn dak li jidher..., dan il-Missier, dan il-Bidu ta’ kollox, dan il-Misteru mkebbeb fid-dlamijiet, wera ruħu, għamel Wirja, Rivelazzjoni, Epifanija tiegħu nnifsu f’tarbija.
Tlieta min-nies li kienu jafu ‘jaħsbu’, li kellhom kollox imma kienu vojta, bħal tant nies, telqu l-ġid u l-għana tagħhom, lill-pajjiżhom, lill-għanqbut kollu li kien ixejħilhom moħħhom... u saru żgħażagħ mill-ġdid. Telgħet kewkba f’qalbhom, qabel ma rawha b’għajnejhom. Il-vojt tagħhom imtela b’għan. Forsi lil kull bniedem jiġri dan. Kulħadd għandu l-Istorja tiegħu x’jirrakkonta. Xi wħud, xettiċi, ħonqu d-Dawl li twieled fihom. Oħrajn telqu jfittxu ħwejjeġ oħra u l-kewkba l-vera qatt ma rawha. Anke t-tlieta tal-festa tagħna, infixlu quddiem it-tul taż-żmien, l-għejja, id-delużjoni. Bdew jaħsbu b’moħħhom; u malli bdew jaħsbu b’moħħhom, il-kewkba għebet u sabu ruħhom fil-palazz tad-dinja fejn jgħammru l-għedewwa ta’ Dak li kienu qegħdin ifittxu.
Imma sabuH. Sejba mpossibli għall-moħħ biex jifhem. Dak li ħalaq it-trajja tal-kwiekeb, li jħalli l-imperi u l-kulturi jikbru sakemm inissel fihom is-susa tal-qerda, dak li hu Sid ir-riefnu u l-ħalel tal-ibħra li jibilgħu d-dinja... dan kien f’tarbija tibki għal ftit ħalib mingħand il-bnedmin. Il-kotra ddawwar dahra u titlaq. Il-kotra tfittex salvatur ieħor. Dawn it-tlieta jintefgħu fl-art, bħalma għamlu r-rgħajja qabilhom, u jagħtuh dak li kien għad baqagħlhom, il-‘kollox’ li kellhom.
Huma l-umli li jsibu. Huma l-umli li jissemmgħu għat-taħbita tal-qalb iktar milli għall-ġenn tal-moħħ. Huma l-umli li jafu xi jfisser ikollok l-intuwizzjoni li hi aqwa mill-intelliġenża. Huma l-umli li bla ma jaraw sinjali li jimpressjonaw, jintefgħu, għax f’qalbhom telgħet kewkba, intuwizzjoni... “għandi x’jgħidli” ngħidu bil-Malti. Noè sema’ f’qalbu dan il-leħen, din l-intuwizzjoni, u bena arka. Abraham, semagħha wkoll, u xiħ, telaq pajjiżu, jimxi. Mosè ra x-xewk jaqbad u ħass li hemm kien hemm moħbi l-‘għaġeb’, il-meravilja ta’ kollox. Tant nies; anke tant minna, f’mument ta’ skiet stramb, ħassejna l-intuwizzjoni, l-leħen moħbi ġo fina, “ħassejna x’jgħidilna”: intefa’ hawn, terraq f’din it-triq. Lil Marija imbuttatha biex tgħid: “Hawn jien il-Qaddejja tal-Mulej!”. Melchior, Gaspar u Balthassar ħallew kollox u telqu. Għax il-leħen ta’ Alla hu aqwa minn dak kollu li għandu l-bniedem. Huwa f’dan il-mument solitarju li jseħħu l-konverżjonijiet.
L-Ewwel Qari
Alla hu dejjem Aħbar Tajba. Id-dinja togħxa bl-aħbarijiet ħżiena. Nies id-dlam jippreferu jisimgħu l-ikrah, il-ħażin, il-fallimenti tal-oħrajn. Hekk hi d-dinja. Dawk li jiġru wara l-istejjer jippreferu jindagaw xi skandlu jew xi rejat, milli jistaqsu lil wieħed sempliċi, li m’għandu xejn, għaliex hu ferħan. Id-dinja miġnuna bid-dlam. Ma tridx titilqu. San Ġwann jgħid: “Id-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl.” (Ġw. 3, 19).
Se nisimgħu qari minn Isaija, li ħafna se jisimgħuh fil-quddiesa u mhumiex se jagħtu kasu. Ħafna ma jemmnux li l-Kelma tiġi mxandra biex tkellimhom fuq id-dlam tagħhom, fuq l-esperjenza li jkunu għaddejjin minnha. Din il-Kelma hija Dawl għal dawk li xebgħu jgħixu fid-dlam. “Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal!” (v. 1). Liema dawl? Hawn hi l-problema tagħna. Liema dawl? Il-maġi telqu jfittxu. X’se jsibu? X’dawl hu dan? Tgħid se nirbaħ lotterija u nsolvi l-problemi li joħonquni kuljum malli nistenbaħ? Tgħid se nfiq? Tgħid se ngħaddi? Tgħid se niżżewweġ? Dak ix-xogħol, għalija?
Anke l-Appostli. “X’se nieħdu?” darba staqsih Pietru. U t-tnejn l-oħra riedu joqogħdu maġenbu, wieħed kull naħa, fis-Saltna, deputati-kapijiet, bħalma għandhom il-partiti tagħna. U x’Saltna hi din? Is-Salib gerrex lil kulħadd. X’dawl hu dan li Alla qed iwiegħed? Għaliex għandha tifraħ Ġerusalemm, post it-taħbit, it-tilwim, it-twegħir mill-bidu sal-lum?
Hemm Dawl li ma jdawwalx lill-bniedem minn barra imma minn ġewwa. Il-profond tal-bniedem, is-subkonxju tiegħu, il-ġewwieni tal-bniedem hu ferm ikbar minn dak li naraw minn barra. Huwa d-Dawl li jinfed s’hemm ġew li hu l-veru Dawl. Huwa dan id-Dawl li jferraħ lill-bniedem. U x’jurih lill-bniedem dan id-Dawl? Li Alla jeżisti. Li Alla jħobbu. Li hu se jgħix għal dejjem, għax Alla jħobb għal dejjem. Dan hu d-Dawl li ġab Kristu. Dan hu li qalilna dwar il-Missier. Il-problemi jkomplu jduru madwarna minn barra, imma min iġorr id-Dawl fih, dan ma jinħaraqx.
U fuq Ġerusalemm, li hi l-Knisja, Isaija jgħid ħwejjeġ meraviljużi li diġa ġraw, imma li għad iridu jiġru, għax il-Kelma ta’ Alla hi dejjem misterjuża... isseħħ f’kull ġenerazzjoni. Hawn nies li qalbhom imnikkta għax qed jaraw iż-żminijiet jinbidulu u jħossu f’laħamhom it-theddid kontra l-Knisja. M’għandhomx għalfejn isewdu qalbhom, lanqas jisfar wiċċhom bl-inkwiet, għax ara x’jgħid il-Profeta: “Il-ġnus għad jimxu fid-Dawl tiegħek u s-slaten fid-dija ta’ sebħek. Imbagħad tħares u wiċċek jiddi, u tħabbat u timtela qalbek.” (vv. 3 u 5). Mhux il-Knisja d-Dawl, imma hi ġġorr id-Dawl fl-irkejjen kollha tal-art, u dan id-Dawl huwa Kristu. U f’kull ġenerazzjoni l-ġnus jindunaw li Dak li tradew hu d-Dawl waħdieni. L-għedewwa tal-Knisja jinġemgħu tassew, imma Dak li hu Sid l-Istorja jdawwar kollox għall-ġid tal-Għarusa tiegħu.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. 60, 1-6
Qum! Ħa jiddi wiċċek, Ġerusalemm! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!
Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli: iżda fuqek jiddi l-Mulej, u sebħu jfiġġ fuqek.
Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek, u s-slaten fid-dija ta' sbiħek. Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara: lkoll miġbura ġejjin għandek. Uliedek ġejjin mill-bogħod, u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.
Mbagħad tħares u wiċċek jiddi, u tħabbat u timtela qalbek, għax fuqek taqa' l-kotra tal-ġid ta' l-ibħra, u l-għana tal-ġnus jiġi għandek. Mrieħel ta' iġmla għad jgħattuk, l-iġmla żgħar ta' Midjan u Għefa; lkoll minn Seba jiġu, mgħobbija bid-deheb u l-inċens, u jxandru t-tifħir tal-Mulej.
Salm Responsorjali
Jekk Kristu huwa d-Dawl li l-Knisja ġġorr bix-xhieda awtentika tagħha, Huwa jiġġudika li kull bniedem bis-sewwa. B’liema Ħaqq jiġġudikana l-Mulej? Mistoqsija mportanti, għax dan hu d-Dawl li Kristu jġib fid-dinja. Għax dehru ħafna personaġġi li kien qishom Dawl imma ħallew dlam iktar sfieq minn dak li sabu. B’liema Ħaqq jiġġudika lill-midneb, il-Mulej Ġesù? Billi jmut għalih! Dan hu l-għaġeb tal-Ġustizzja tal-Missier! Dan hu li jkexkex lil satana bis-sorpriża mmensa tiegħU.
Kristu ma ġiex biex iwaqqaf xi liġi ġdida, iktar perfetta u iktar diffiċli minn dik ta’ Mosè. Hu ġie biex iħallas id-dejn ta’ kull wieħed minna; Hu ġie biex dak li titlob il-liġi tal-Qdusija li jseħħ fuqna, jieħdu Hu biex jiffrankah lilna; Hu ġie biex imut Hu ħalli aħna, midinbin di natura, jkollna l-“jedd”, iva l-“jedd” li ngħixu għal dejjem, ġusti u safja quddiem Alla. Minn fejn ġiena dan il-“jedd”? Mill-ubbidjenza tal-Iben t’Alla. Mid-Demm tiegħu mormi fl-art tal-Kalvarju; id-Demm ta’ Alla nnifsu. Kbar huma l-merti tagħna! Mhux dawk li naħsbu li niksbu aħna bl-opri msejkna tagħna, imma dak li kiseb Alla nnifsu f’isimna. Imbierek ikun Ismu!
Imma din l-opra ta’ Ħniena li tibqa’ taħsad kull ġenerazzjoni, titlob minna li nqimuha u nirrispettawha almenu billi nemnuha. Aħħħ x’dieqa meta naraw li anke mill-Kristjaneżmu, anke mill-Aħbar it-Tajba, għamilna “reliġjon” oħra meta r-“reliġjon” qegħda f’irtirata fis-soċjetà tagħna. Ħafna nies ma jemmnux fil-Grazzja tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu għax ġew mitmuha ħajjithom kollha l-messaġġ “faċli” u naturali tar-reliġjożità u tal-Liġi li tpoġġi lill-bniedem u l-imġieba tiegħu fiċ-ċentru tal-opra tas-Salvazzjoni. Int trid tkun, jgħidu. Skont kif tgħix issib wara.
Jekk dan hu veru, inkunu sinċiera u nistaqsu: x’ċans għandna aħna? Ilkoll gdibna; ilkoll stmerrejna; ilkoll żnejna; ilkoll qtilna b’ilsienna; ilkoll xlejna lil Alla quddiem l-Istorja; ilkoll tradejna l-ġenituri tagħna meta ħassejna li kienu nġusti magħna; ilkoll sraqna; ilkoll tajna l-qima li tixraq lil Alla waħdu lill-idoli tad-dinja; ilkoll bagħadna lil min għamlilna d-deni; ilkoll għirna u xtaqna għalina dak li hu tal-proxxmu; iva, ilkoll għamilnih dan! Id-differenza bejna u bejn il-midneb li kien imsallab ma’ Kristu u li salva mhux bl-opri tiegħu imma bil-Fidi tiegħu fi Kristu, hija li dan l-imsejken kien jaf il-għoli, il-fond u l-wisgħa ta’ dnub, waqt li aħna naħsbu li aħna ġusti.
Is-Salm li ġej iħabbar minn qabel, li l-ġnus jinġibdu lejn Kristu, il-Mibgħut tal-Missier. Il-ġnus kollha, mhux Iżrael biss. Dan iseħħ mhux għax Kristu hu “reliġjon” oħra, Liġi oħra, imma għax hu Aħbar Tajba. Id-Dawl ġdid ta’ Kristu hu dan: li hu lilek iħobbok hekk kif int, midneb. Imma Hu jobgħod id-dnub li lilek qed joqtlok. Iħobbok hekk kif int biex int ma tibqax hekk kif int imma ssir ħolqien ġdid, għax trid int u mhux bil-fors, kif dejjem pridkat ir-reliġjon.
U għaliex int tkun trid li ssir ġdid u tagħmel ir-Rieda tal-Missier f’kollox? Għax tkun ġejt mgħaddas fl-ilmijiet tal-Ħajja li hi l-Imħabba. X’għatx kbir għandna biex inkunu maħbuba! Dan kollu jinqata’ bi Kristu. L-ewwel il-Fidi fil-Ħaruf li miet minflokok, imbagħad wara l-opri morali tajbin. L-ewwel iż-żiemel, imbagħad il-karru. Mhux l-opri Ii jsalvawk, imma l-opri huma l-frott tal-fatt li int diġa salv, li int diġa fil-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn.
F’dan ix-xenarju, il-Ħaqq fl-aħħar jum ikun jekk int tajtx importanza lid-Demm ta’ Kristu jew inkella ħsibt li l-isforżi tiegħek, il-qdusija tiegħek, l-opri tiegħek huma aqwa minnu. Fi kliem sempliċi, il-ġudizzju jkun dwar jekk int emmintx fi Kristu jew fik innifsek.
Is-Salm jgħid: “Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken bla għajnuna ta’ ħadd. Iħoss għall-magħkus u għall-fqir, u l-ħajja tal-fqar isalva.” (vv. 12 u 13). Il-fqir u l-magħkus huwa l-midneb li jaf hu min hu u m’għandu l-ebda tama oħra ħlief fis-sagrifiċċju li Kristu wettaq għalih. Għal dan twieled Ġesù, u għal dan ġie muri lill-ġnus.
Ritornell: Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej.
Salm 72
O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek, il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan, biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja, u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek.
Tħaddar f'jiemu l-ġustizzja, u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar. Isaltan minn baħar sa baħar, u mix-Xmara sa truf l-art.
Is-slaten ta' Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali, is-slaten ta' Seba u ta' Saba għotjiet iġibulu. Iqimuh is-slaten kollha, il-ġnus kollha lilu jaqdu.
Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken li m'għandux min jgħinu. Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; il-ħajja tal-fqajrin isalva.
It-Tieni Qari
San Pawl kien il-ħin kollu jitkellem fuq Kristu Dawl għall-ġnus minħabba l-Aħbar it-Tajba li l-Missier tana biH. Il-Kerigma kienet il-mod tal-predikazzjoni tiegħu, kull fejn mar. U mhux tiegħu biss imma tal-Appostli kollha, tant li fil-bidu, tela’ Ġerusalemm ifittex lil Pietru u l-mexxejja tal-Knisja biex jaċċerta ruħu li dak li bih kien imnebbaħ minn Kristu nnifsu kienx dak li qed ixxandar il-Knisja, jew inkella xi ġennata ta’ moħħu.
Din l-Aħbar it-Tajba ma teskludix dak li tipproponi l-Liġi u lanqas l-opri tajba, għax hi mhix Aħbar sterili li ma tagħtix frott. L-Aħbar ta’ Kristu tgħidilna li ħadd ma jista’ jagħmel l-Opri ta’ Alla ħlief min jemmen tassew li Alla ħabbu fil-qies tas-Salib ta’ Ibnu. U dawn l-Opri mhux li wieħed jagħmel xi karità ’l hemm u ’l hawn, jew ikun benefattur u kulħadd jitkellem tajjeb fuqu. Dan anke l-pagani jagħmluh. L-opri tassew qaddisa li n-Nisrani veru biss għandu l-Ispirtu li jagħmel issibhom imniżżla fid-Diskors tal-Muntanja. Aqrawh tajjeb, imbagħad naraw min minna jaħseb li minnu nnifsu għandu s-saħħa li jwettqu!
Il-Grazzja hi kollox. San Pawl se jgħid li Kristu hu Misteru moħbi f’kull ġenerazzjoni, imma li jiġi muri, jinkixef għal dawk li jixtiquH tassew. Din l-Aħbar hi dejjem Epifanija, Rivelazzjoni, Wirja. Mhux għax jgħidilek xi ħadd. Inti ma temminx fil-Misteru tal-Għid għax tisma’ b’widnejk lil xi ħadd jitkellem fuqu. Inti temmen għax l-Ispirtu s-Santu jmisslek qalbek u int tiddawwal, u dak li qabel kien imdallam, dak li qabel kien biss gozz zkuk niexef ta’ tagħrif u tagħlim, f’daqqa waħda jsir Ħuġġieġa Nar iħeġġeġ f’qalbek. Kulħadd jinduna mill-ewwel meta l-Ispirtu s-Santu jmisslu qalbu. Din hi l-Grazzja l-Kbira tal-Missier. Għal din il-Grazzja jmissna nitolbu kuljum!
U dan kollu hu miftuħ għal kulħadd: tajbin u ħżiena; mgħammdin u pagani; suwed u bojod; Lhud u Griegi. Din hi l-Epifanija.
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin. 3, 2-6
Ħuti: jekk, kif tassew ġara, intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għall-ġid tagħkom, jiġifieri, li permezz ta' rivelazzjoni għarrafni l-misteru, bħalma ġa ktibtilkom fil-qosor, minn dak li qrajtu tistgħu tifhmu sewwa kemm jiena dħalt fil-qalb tal-misteru ta' Kristu. Dan hu l-misteru li fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa ġie rrivelat lill-appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri, li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri ta' l-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz ta' l-Evanġelju.
Evanġelju
Biex naqbad ma’ dak li għadna kif smajna minn San Pawl, dawn l-Efesin ma kienu għamlu xejn li xejn biex tistħoqqilhom il-Grazzja tal-Fidi fi Kristu. Inagħtat lilhom totalment bħala rigal gratis, b’xejn. Huma ma kinux Lhud li kienu jafu x’inhi l-Qdusija, ir-Rieda ta’ Alla u kienu sfurżaw u ppruvaw jobduha. Huma kienu minn twelidhom, pagani, imdorrijin fit-tajn u l-oxxenitajiet tas-soċjetà pagana tagħhom. Biex insemmu fatt li qed jibda jċaqċaq f’pajjiżna: kienet soċjetà abortiva. Kienu jwettqu l-abort bl-addoċċ. U iktar minn hekk, il-liġi u d-drawwiet tagħhom kienu jippermettulhom li t-tarbija li titwieled setgħet tintrema’ fir-raba’ mat-twelid jekk tinstab li kellha xi difett, jew agħar, minħabba l-ġeneru tagħha, l-aktar jekk tkun tifla u l-ġenituri riedu tifel għall-bżonnijiet tal-finanżi tal-famija. Meta soċjetà tidħol fil-paganiżmu, għal kollox tasal, bħalma qed naslu, bil-mod il-mod, aħna wkoll.
Minn dawn kienu n-nies li saru Qaddisin f’Efesu, f’Korintu, f’Tessalonika, f’Kolossi, f’Ruma... u anke f’Malta. Ma kellhom l-ebda merti minn tagħhom, anzi. Imma d-dnub ovvju tagħhom tefagħhom f’riġlejn Kristu mxandar lilhom bħala tpattija u fidwa mill-jasar tagħhom. Huma emmnu li d-Demm ta’ Kristu kien prezzjuż biżżejjed biex imqar qatra waħda tnaddaf id-dinja kollha! Huma ggranfaw ma’ dan u twieldu mill-ġdid għax bdew jgħixu moralità Nisranija li qabel kienu jitqażżu minnha. Mill-ġdid intennu: iż-żiemel quddiem il-karru u mhux il-karru quddiem iż-żiemel.
Baltassar, Melkjor u Gaspar lemħu dan kollu fit-tarbija meta fl-aħħar sabu dak li kienu jfittxu? Ma nafux. Jista’ jkun, għax kollox hu Grazzja. Imma quddiem it-tarbija, id-dinja kollha, pagana u mhix, inxteħtet tqim il-Misteru tas-Salvazzjoni fil-persuna ta’ dawn it-tliet barranin. Kellhom Storja ferm interessanti, dawn it-tlieta. Hija l-Istorja ta’ kull wieħed minna, jekk nifluha sew.
Lili tolqotni ħafna l-aħħar frażi tar-rakkont tagħhom: “u reġgħu lura lejn arthom minn triq oħra.” (v. 12). Dawn is-seba’, tmien kelmiet kienu jsewduli qalbi, għax donnu li l-Milied kien jagħlaq bihom, għadda kollox, inżarmaw kollox, spiċċaw il-vaganżi... “u reġgħu lura lejn arthom minn triq oħra.” Anke Marija u Ġużeppi telqu mill-għar bit-tarbija tagħhom, u telqu f’daqqa, maħruba. U l-għar reġa lura għal li kien, fil-kwiet u bla mportanza, kenn għal xi ragħaj waqt ix-xita.
Imma din id-dieqa ġejja mill-ispirtu pagan li hu mkaħħal magħna lkoll, bħas-sikrana fl-għalqa tal-Mulej. J’Alla dis-sena l-Milied jimlina b’ferħ ġewwieni li joktor u mhux jonqos u hekk ikun tassew esperjenza Nisranija awtentika.
Versett: Hallelujah. Rajna l-kewkba tiegħu fil-Lvant, u ġejna nqimu l-Mulej. Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. 2, 1-12
Meta twieled Ġesù f'Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: "Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh." Is-sultan Erodi sama' bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: "F'Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta:
'U int, Betlehem, art ta' Ġuda, le, m'intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta' Ġuda għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.'
Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: "Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu."
Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b'ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma' ommu Marija, nxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra.
Mbagħad, billi kienu mwissijin f'ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra. |