IT-TIENI HADD MATUL IS-SENA (2018) IL-MULEJ QED ISEJJAHLEK G&AL XI HAGA
Written by Frans Galea   
Saturday, 13 January 2018

Din hija il- Liturgija  tat-Tieni Hadd matul is-Sena ( 2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

stdas0374-1.jpg

 

Il-Magħmudija li rċivejna ta’ żgħar hija xhieda, sinjal ta’ xi ħaġa kbira fl-eżistenza tagħna, dejjem jekk neħduha bis-serjetà.  Il-Magħmudija ma kinitx sempliċi rit soċjali, merħba lit-tarbija fid-daħla tagħha fil-familja tal-bnedmin.  Għal ħafna dan il-mument tant importanti ġie ridott għal dan: mument ta’ ferħ u ta’ ċelebrazzjoni għax għandna membru ġdid fil-familja.  Iktar minn dan, u wisq iktar minn dan, hu l-fatt misterjuż li fil-Magħmudija, Alla nnifsu jidħol f’Patt mat-tarbija, Patt li kien iddestinat minn sa qabel ma nħalqet id-dinja (daqshekk hu mportanti!).  Il-Magħmudija hija xhieda ta’ Sejħa li Alla jkun qed jagħmel lill-bniedem.

 

Il-Magħmudija daħlitna mill-ewwel f’rejaltà misterjuża: it-taqbida li teżisti fl-univers bejn it-“tajjeb” u l-“ħażin”.  Alla jitqabad kontra l-qawwiet tad-dlam biex jeħles lill-bniedem, u jinqeda bil-bniedem biex jagħmel dan.  Fil-Magħmudija Alla sejjaħlek biex, b’għażla ħielsa, tieħu sehem f’din it-taqtigħa fuq in-naħa tas-sewwa, tat-tajjeb.

 

 

Din l-għażla hi mportanti li tkun ħielsa, għax Alla hu Mħabba u l-Imħabba ma tisforzax lill-maħbub.  Forsi wieħed jgħid f’qalbu li hi ħaġa faċli li wieħed jintefa’ biex jaqdi lill-Imħabba, imma r-rejaltà hi ferm differenti.  Il-bniedem jitwieled f’natura li ġiet miġruħa u feruta.  Mhux faċli li wieħed jara lil Alla bħala Mħabba.  Hemm bżonn il-Grazzja biex jinfetħu l-għajnejn morda tal-bniedem li bihom jitwieled. Għalhekk Alla jsejjaħ lill-bniedem biex jiskopri din is-sbuħija mmensa tal-Imħabba li tfejqu minn gewwa, tagħti d-dawl lil għajnejh, u titfgħu f’rejaltà għal kollox ġdida, tagħtih saħansitra “natura ġdida”, sehem min-natura ta’ Alla nnifsu.

 

Dan jimla lill-bniedem b’ferħ kbir u b’sens ta’ radd il-ħajr u żelu biex jaqdi lil min ħalqu u ħabbu tant.  Il-Missier juri ruħu lill-bniedem f’Ibnu Ġesù ta’ Nazaret u l-Imħabba ta’ Alla tintwera l-aktar fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Fi Kristu Alla juri ruħu bħala Aħbar Tajba għall-bniedem miġrugħ u mifni quddiem it-theddid tal-mewt ontika u fiżika.  Il-bniedem jibqa’ dejjem sorpriż u mmeraviljat b’dak li jirċievi mingħand il-Missier fi Kristu.  L-opra tal-Ispirtu s-Santu fil-bniedem hi tassew Miraklu Morali li tbiddel lilek u lili f’għodda favur is-sewwa.

 

L-Ewwel Qari

 

Samwel huwa xbiha tiegħi u tiegħek.  Kien għadu tfajjel imma kien ġa dara jisma l-ħsejjes u l-għajat tad-dinja.  Alla hu moħbi għall-bniedem; hu kbir wisq biex il-bniedem jiskoprih bil-ħila tiegħu.  Huwa Alla li jintervjeni u jidħol fil-ħajja tal-bniedem permezz ta’ xi predikazzjoni, xi ġrajja, xi esperjenza li tixxokkja l-bniedem li jagħraf mill-ewwel li l-Ħajja mhix sempliċement jiekol, jorqod, jagħmel karriera u jifforma familja.

 

Alla jidħol fil-Ħajja ta’ Samwel billi jsejjaħlu u jdewqu l-ħlewwa tas-Sbuħija mmensa tiegħu.  Imma dan għal skop, b’risq il-poplu tiegħu.  L-ewwel jidħol f’intimità miegħu imbagħad jibagħtu jwettaq missjoni urġenti.  Dan hu l-mod kif Alla jsawwar il-qaddejja tiegħu.  Huma jaqduh minn qalbhom wara li jiskopru Hu min hu.

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel.  3, 3b-10. 19

 

Samwel kien mindud fit-tempju tal-Mulej, fejn kien hemm l-arka ta' Alla.  Il-Mulej sejjaħ: “Samwel!” U dan wieġeb: “Hawn jien!”  U mar jiġri għand Għeli.  “Hawn jien,” qallu, “għalfejn sejjaħtli?” Ma sejjaħtlekx,” wieġeb,  “erġa’ mur imtedd.” U raġa’ mar jorqod.  U ssokta l-Mulej isejjaħ: “Samwel!” U Samwel qam u mar għand Għeli u qallu: “Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?” “Ma sejjaħtlekx, ibni,” wieġeb, “erġa’ mur orqod.”  Samwel kien għadu ma għarafx il-Mulej, u anqas kienet għadha ma ttgħarrfitlu l-kelma tal-Mulej.  

 

U ssokta l-Mulej isejjaħ: “Samwel!” għat-tielet darba. U dan qam, u mar għand Għeli, u qallu:  “Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?” U Għeli fehem li l-Mulej kien qiegħed isejjaħ iż-żagħżugħ.  U qal lil Samwel: “Mur orqod. Jekk jerġa’ jsejjaħlek, wieġeb: Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.” U Samwel mar jorqod f'postu.

 

U l-Mulej ġie, waqaf ħdejh, u sejjaħ bħal drabi oħra: “Samwel! Samwel!” U Samwel wieġeb: “Tkellem, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.”

 

 Samwel kiber, u l-Mulej kien miegħu, u ma ħalla ebda kelma milli qal tmur fix-xejn.

 

Salm Responsorjali

 

Is-Salmi kollha huma poeżiji, talbiet meraviljużi spirati mill-Għerf ta’ Alla. Huma l-għodda ta’ tifħir u talb li Iżrael kellu biex bihom jersaq lejn Alla, u l-istess tagħmel il-Knisja.  Huma l-kliem li Alla nnifsu għażel biex il-bniedem jidħol f’intimità ħelwa miegħU.  Il-Ktieb tas-Salmi huwa teżor, rigal ta’ Alla u tkun tagħmel ġid enormi lilek innifsek jekk tiskoprih u tagħmlu parti mill-ġurnata tiegħek.

 

Salm 40 huwa meravilja!  Hawn għandna parti minnu.  Il-bniedem li jiltaqa’ mas-sorpriża li hu Alla, jilħaq il-milja tal-Ħajja fit-tifħir tiegħu lil min ħalqu.  Dan hu tassew l-eliżir li kull bniedem ifittex fuq din l-art, imma jfittixha f’tant ħmerijiet.  Li tkun f’qagħda fejn ma tistax issib kliem biex tfaħħar u tirringrazzja lill-Mulej, dan hu l-mument li tibqa’ tiftakar. 

 

Dan is-Salmista ittama fil-Mulej u ma baqax iddiżappuntat... anzi!  Ġarrab l-esperjenza ta’ barra minn hawn, u li hu biss jafha, li “ra” lil Alla jmil lejh u jaħtfu minn ġol-mewġ tal-ħajja.  Min se jsib kliem biex jiddiskrivi lil ħaddieħor dak li jkun għadda minnu f’Memorjal bħal dan?  Hu jrid kieku jxandar u jgħajjat minn fuq il-bjut dak li għamel miegħu l-Mulej... isib ruħu jitkellem man-nies u ma jissaportix ma jdawwarx id-diskors fuq il-Mulej li ħjieħ u ħelsu.  Hu jgħid: “Qegħidli fuq fommi għanja ġdida, għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna.”  (v. 4).  Qabel kellu l-krib fuq fommu;  suppliki waħda wara l-oħra biex jinħeles mit-tiġrib.  Imma issa hu mimli ferħ u radd il-ħajr.  In-nies li jafuh jindunaw bl-għaġeb ta’ din il-bidla u jitgħallmu jafdaw anke huma fil-Mulej.

 

L-ikbar Grazzja li Alla jista’ jagħti lili u lilek mhix xi Grazzja materjali, għalkemm Hu jista’ jinqeda b’dan biex jurina l-Imħabba tiegħU.  Il-Grazzja l-kbira ta’ Alla hu li quddiem id-dnubiet gravi tagħna Hu jidher mhux bħala mħallef li jiġġudikana, imma jissorprendina billi jurina li anke fid-dnub Hu jibqa’ jħobbna.  Hu l-Waħdieni li jagħdirna hekk kif aħna, bid-dgħufijat u l-iżbalji tagħna.  Dan, id-dinja ma tagħmlux żgur.  Il-bniedem iħoss li għandu joffri sagrifiċċji ta’ tpattija.  X’nista’ nagħmel biex inħassar id-dnub tiegħi, biex intaffi l-ħażen ta’ għemili?  Imma r-risposta ta’ Alla tissorprendini.  Bħala risposta għad-dnub tiegħi Hu jibgħat lil Ibnu biex jieħu fuqu l-konsegwenzi kollha tad-dnub tiegħi.  Kristu tela’ fuq is-Salib minħabba dnubi, biex jien inkun nista’ naħrab “scott free”, bla bżonn li npatti għal xejn għax patta Hu! 

 

F’dan is-Salm is-Salmista kellu ntuwizzjoni ta’ dak li kien se jwettaq il-Mulej bis-sagrfiċċju tal-Għid ta’ Ġesù Ibnu.  “Sagrifiċċji u offerta int ma tgħaxxaqtx bihom; imma widnejja inti ftaħtli.”  (v. 7).  Jien sirt ġust mingħajr sagrifiċċju jew merti minn tiegħi, għax wettaq dan kollu għalija l-Iben ta’ Alla li ħabbni sal-mewt!  Hu għalhekk li jien nista’ ngħid mas-Salmista: “Imbagħad jien għidt: ‘Hawn jien ġej’.”  (v. 8).  Ġej għal x’hiex?  Biex inwettaq dak li jgħidli.  Alla ma jisforza lil ħadd, imma hu jtiehem Imħabbtu lill-bniedem li mbagħad jinagħtu b’ruħu u ġismu għaliH.

 

Ritornell: Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.

 

Salm 40

 

 Ittamajt b'tama qawwija fil-Mulej;

hu niżel ħdejja u sama'  l-għajta tiegħi.

Minn bir waħxi tellagħni,

minn qalb il-ħama u t-tajn;

fuq il-blat qegħedli riġlejja,

u saħħaħli l-mixi tiegħi.

 

Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,

għanja ta' tifħir lil Alla tagħna.

Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża' tiegħu,

u jittamaw fil-Mulej.

 

 Int ma titgħaxxaqx b'sagrifiċċji u offerti;

imma widnejja inti ftaħtli;

ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.

Mbagħad jien għedt: "Hawn jien, ġej.

 

Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi

li nagħmel ir-rieda tiegħek.

Alla tiegħi, dan jogħġobni;

il-liġi tiegħek ġewwa qalbi."

 

Xandart il-ġustizzja f'ġemgħa kbira;

xufftejja ma żammejthomx magħluqa.

Mulej, dan inti tafu.

 

It-Tieni Qari

 

Il-qari li ġej, f’daqqa waħda bħal donnu jibdel ir-rotta tat-tema tal-lum; donnu joħroġ mill-esperjenza tal-għarfien ta’ Alla u tas-Sejħa tiegħU u jiffoka fuq il-kundanna taż-żina, tal-użu ħażin tas-sesswalità.  Il-Knisja qegħda tippreżentalna dan il-qari propju hawn biex tpoġġi quddiemna ż-żina bħala idolatrija.  Is-sesswalità hija rigal ta’ Alla, imma bħal tant rigali oħra, l-bniedem għandu manija jibdel ir-rigal f’alla minflok Alla li jkun tah dan ir-rigal.  Din l-idolatrija hi l-kontra tas-sejba tal-Imħabba ta’ Alla u l-għarfien tal-Sejħa li qed jagħmlilna.  L-idolatrija hi l-ikbar dnub għax tagħti qima lil xi ħaġa li mhix Alla u titlobha l-Ħajja meta l-Ħajja jista’ jagħtihielek Alla biss.  Iż-żina mhix l-unika idolu, naturalment.  Anzi l-Bibbja tpoġġi l-flus bħala l-idolu prinċipali li kapaċi jisraqni minn idejn Alla l-veru.  Pawlu jwissina biex, jekk doqna kemm hu ħelu l-Mulej, inpoġġu lilu fl-ewwel post, għax inkella taħwid u straġi jkollna f’ħajjitna.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  6, 13-15.  17-20.

 

Ħuti: Il-ġisem m'huwiex għaż-żína iżda għall-Mulej, u l-Mulej huwa għall-ġisem.  U Alla qajjem il-Mulej u jqajjem lilna wkoll bil-qawwa tiegħu.  Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta' Kristu? Min jingħaqad mal-Mulej hu ruħ waħda miegħu. 

 

Aħarbu ż-żína! Kull dnub li wieħed jagħmel hu 'l barra minn ġismu, iżda min jagħmel iż-żína jkun qiegħed jidneb kontra ġismu stess.  Jew ma tafux li ġisimkom hu tempju ta' l-Ispirtu s-Santu, li jinsab jgħammar fikom, li għandkom minn Alla? Ma tafux li intom m'intomx tagħkom infuskom?   Bil-għoli kontu mixtrija! Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta' ġisimkom.

 

Evanġelju

 

Ġwanni l-Prekursur tal-Mulej wettaq is-Sejħa li kellu li jħejji t-triq lill-Mulej, mill-aħjar li seta’.  Imma barra li ħejja poplu, hu ħejja aħwa, dixxipli, individwi.  Xprunahom u għamilhom lesti u mimlijin tensjoni ta’ stennija li se jkollhom laqgħa ma’ Alla dalwaqt. Fost dawn kien hemm Indri.

 

Ix-xogħol ta’ Ġwanni kien ta’ mportanza kbira: kellu juri lill-poplu d-dnub tiegħu.  Hawn għandna problema.  Ma tistax tiltaqa’ mas-sorpriża li hu Kristu jekk qabel ma tkunx iltqajt mad-dnub tiegħek, mal-kapaċità li għandek li tagħmel il-ħażen.  Fi kliem sempliċi, jiltaqa’ mal-Imħabba gratis ta’ Alla dak biss li skopra d-dnub tiegħu u ddispjaċih bil-kbir minħabba fih.  Din il-biċċa xogħol ta’ Ġwanni ma kinitx faċli, u lanqas mhi faċli għalina.  Imma, mingħajr l-għarfien tad-dnub tagħna u tat-toqol tiegħu li jagħfas bħal madmad fuq spallejna, tidher bla sens il-missjoni ta’ Kristu, speċjalment l-fatt misterjuż li hu tela’ fuq is-salib minħabba d-dnub tiegħek.

 

Indri u sieħbu kienu nies niedma għax kienu ltaqgħu ma’ Ġwanni.  Huma sabu lil Kristu u fih sabu l-enormità tal-Imħabba tal-Missier lejn il-midneb. Skoprew xi tfisser il-frażi: “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla.”  Mur għidilhom li dan il-mument kellu jibdlilhom ħajjithom għal kollox.

 

Versett:  Hallelujah.  Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’:  inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  1, 35-42

 

F’dak iż-żmien: Ġwanni raġa' kien hemm ma' tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: "Araw il-Ħaruf ta' Alla."  Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.  

 

Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: "Xi tridu?" Iżda huma staqsewh: "Fejn toqgħod, Rabbi?" - li tfisser Mgħallem.  Hu weġibhom: "Ejjew u taraw." U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dak in-nhar baqgħu miegħu. Kien ħabta ta' l-għaxar siegħa.  

 

Wieħed mit-tnejn li semgħu x'kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru.  L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: "Sibna l-Messija" - li tfisser Kristu.  U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: "Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa" - jew Pietru.