IL-HAMES HADD MATUL IS-SENA (2018) IR-RISPOSTA TA’ ALLA GHALL-QAGHDA MSEJKNA TAL-BNIEDEM
Written by Frans Galea   
Saturday, 03 February 2018

 gesu_jippridka.jpg

Din hija il- Liturgija  tal-Hames Hadd matul is-Sena ( 2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.Biex wieħed jifhem il-Missjoni tal-għaġeb li l-Missier bagħat lil Ibnu biex iwettaq meta waslet il-milja taż-żminijiet, trid l-ewwel nett tpoġġi lill-bniedem fil-verità, fil-qagħda propja tiegħu.  Il-bniedem, speċjalment il-bniedem modern, iħobb jaħrab mir-rejaltà tiegħu, iħobb ikun “politically correct”, jiġifieri ma jgħidx il-verità li tweġġa’, biex hekk jibqa’ fejn hu.  Bħal dak l-iblah li jħossu ma jiflaħx imma meta jmur għand it-tabib jurih subgħajh ta’ saqajh li kien tajru ma’ ġebla.  It-tabib jagħtix xi ‘spray’ u jibagħtu ’l barra.  Marid kien u marid baqa’ għax ma kellux kuraġġ jgħid lit-tabib il-verità ta’ kif kien qiegħed iħossu.

 

Dwar il-bniedem, il-verità hi din: qiegħed jgħix taħt saħta!  Dan hu li tgħid l-Iskrittura.  Meta tiddiskrivi l-Missjoni ta’ Kristu, l-Bibbja tgħid li Hu tgħabba bis-saħta tal-bniedem għax misħut hu dak li jkun imdendel ma’ salib.  U x’inhi din is-saħta li lkoll neżistu taħtha, bħal taħt sema iswed bis-sħab tax-xitwa?  Is-saħta hi l-mewt.  Int bniedem li trid tmut.  Jien u int, aħna bnedmin li nbatu l-uġigħ, l-iskumdità, it-tensjoni tal-inkwiet, id-dieqa, il-mard u finalment, il-mewt.  U din il-mewt hi bla ħniena u ma taħfirha lil ħadd.  Din hija s-saħta li ma tħalliniex nifirħu tassew bil-ħajja.  Hija rejaltà fis-subkonxju tal-bniedem li taffettwah f’kollox anke jekk għandu manija kif jaljena ruħu minnha.  Ħadd ma jrid joqgħod jaħseb li se jmut!  Għalhekk nivvintaw festi, passatempi, logħob, suċċessi... kollox, barra naħsbu fuq is-saħta li hemm imdendla fuqna.

 

 

 

Imma dan id-dell jimmarkana, irridu u ma rridux.  Il-biża’ tal-mewt tagħmel minn kull bniedem, egoista, jaħseb fih innifsu.  U dan hu naturali: is-“survival instinct”.  Il-bniedem żewwaq ħafna liġijiet għaqlin għax jaf li jekk ma jikkontrollax ruħu jeqred lilu nnifsu.  Il-mewt iġġiegħel lill-bniedem jidneb u l-biża’ tagħha tagħmlu inkapaċi jħobb u jobdi lil Alla.  Immaġina li kieku nkunu ċerti, bla dubju, li m’aħniex se mmutu... tista’ tgħid l-inkwiet kollu tal-ħajja jisparixxi.  X’jimpurtani li m’għandix flus, m’għandix xogħol, imradt... jekk ma jien se mmut qatt.

 

X’kienet ir-risposta ta’ Alla għal din il-qagħda prekarja tal-bniedem?  Hu bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bir-rebħa tiegħu fuq il-mewt jeqred il-mewt, ineħħilha n-niggieża.  Kien ġisem bħal tagħna, ġisem ta’ bniedem, li l-Missier qajjem mill-qabar.  Kien ġisem bħal tagħna li l-Missier għamlu rebbieħ fuq il-mewt.  Lil Ibnu, l-Missier għamlu Spirtu li jinagħta lil dawk li tassew jemmnu fiH biex huma wkoll ikollhom rebħa fuq il-mewt ġa minn hawn.  Dawk li tassew jemmnu f’Ġesù jibdew jgħixu l-Ħajja ta’ Dejjem u għalihom il-mewt hi biss passaġġ mogħdija lejn it-tkomplija tal-Ħajja għall-eternità.  Mhux ta’ b’xejn Franġisku ta’ Assisi, u bħalu kull Nisrani adult, isejjaħ lill-mewt, “Oħti l-Mewt”.  M’għadhiex iktar it-terrur ta’ qabel, imma rigal.  Il-mewt tiġi biex tħaddanna magħha u teħlisna mill-inkwiet u l-mard ta’ hawn u ddaħħalna hemm fejn se nsibu ħafna iktar milli qatt ħlomna.  Ma tiġix għalina f’forma ta’ skeletru jew ta’ xi waħx.  Il-Mewt mhix karnivalata.  Tiġi bħal anġlu sabiħ li tifrex ġwenħajha fuqna u sserraħna għal dejjem.  U dan kollu kisbu Kristu għalina bil-merti tiegħU.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Kelma ta’ Alla tpoġġielna quddiemna lil Ġob bħala xbieha tal-bniedem li jbati.  Ġob huwa l-bniedem universali.  Jgħid x’jgħid il-bniedem tal-lum, u jivvinta kemm jivvinta ħwejjeġ sbieħ biex itaffi l-iskumdità u l-mard u anke biex jaljena ruħu u jgawdi iktar il-ħajja, il-verità hi li t-tbatija ma jistax isolviha, aħseb u ara l-mewt.  Il-bniedem ikompli jinkwieta; anzi donnu li llum il-bniedem hu iktar stressjat, qed jaħdem sigħat itwal, idaħħal ħafna iktar flus minn qabel, imma jonfoq iktar ukoll.  L-għawġ donnu jiġri warajh.  Qed jipprova jtawwal il-ħajja biex idum jinkwieta u jitħasseb iktar.  Jiġri wara dik ix-xi ħaġa li jemmen li se tferrħu, u meta jakkwistha jitwebbel għal xi ħaġa oħra.  Dan hu jasar.

 

Ġob ukoll kien imjassar; kien ilsir ta’ Storja li ma setax jifhimha. Ħajtu tilfet is-sens għal kollox u d-dipressjoni milli jidher ħakmitu sew għax jgħid: “Jekk nimtedd ngħid: ‘Meta se nqum?’  U meta nqum, ngħid: ‘Meta se jidlam?’”  (v. 4).  Din hi dehra negattiva għall-aħħar dwar il-ħajja, imma hi rejaltà u li kieku mhux għax nippruvaw ninsew u naljenaw ruħna bix-xejxi li jgħaddi, malajr naqblu ma’ dan il-bniedem.

 

Imma Ġob huwa wkoll xbiha tal-bidla, tat-trasformazzjoni, tal-mogħdija tal-Għid li Alla jrid jaħdem ma’ kull wieħed u waħda minna.  Hu mportanti li naraw sens fl-esperjenza ta’ Ġob għax kien f’din il-ġrajja negattiva li hu ltaqa’ ma’ Alla u rebaħ it-traġedja ta’ ħajtu.  Fl-aħħar seta jgħid: “Kont naf dwarek għax smajt fuqek; imma issa nafek għax iltqajt miegħek.”  (Ġob. 42, 5).  Huwa fl-Istorja li tidher negattiva li aħna niltaqgħu ma’ Alla li jdawwalna u jagħtina li naraw kollox b’għajnejn ġodda.

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob.  7, 1-4, 6-7

 

"Ħajjet il-bniedem m'hix forsi xogħol bilfors fuq l-art?

u għomru m'hux bħal jiem il-ħaddiem mikri?

Bħalma lsir jixxennaq għad-dell,

u bħalma l-mikri jistenna l-ħlas,

hekk xhur fiergħa kienu sehmi,

u ljieli dwejjaq messew lili.

 

Jekk nimtedd, ngħid: "Meta se nqum?"

u meta nqum, ngħid: "Meta se jidlam?"

u hekk nixba' nhewden sa ma jidlam.

 

Eħfef minn mekkuk għaddew jiemi,

u bla tama ntemmu.

Ftakar li ħajti buffura riħ,

u għajnejja ma jerġgħux jaraw ir-riżq.

 

Salm Responsorjali

 

Dan huwa Salm ta’ tifħir lil Alla li għandu setgħa fuq dak kollu li jbeżża’ u joqtol lill-bniedem.  Fuq kollox, is-Salm irodd ħajr lil Alla li jfejjaq il-ġrieħi tal-qalb u jferraħ lil dawk li qabel kellhom qalbhom maqsuma.  Huwa jibni mill-ġdid lil Ġerusalemm li tħottiet mill-mibegħda tal-għedewwa u jiġbor lura lill-poplu tiegħu li ġie mtajjar refuġjat tal-gwerra ’l hemm u ’l hawn f’pajjiżi ’l bogħod.

 

Huwa mportanti ħafna li dwar Alla mhux nisimgħu biss imma li nsiru nafuH mill-qrib għax ikollna laqgħa ħajja miegħu. Din isseħħ fl-Istorja.  Għalhekk, jekk int tinsab għaddej minn żmien iebes f’ħajtek, kuraġġ, għax huwa f’din l-Istorja li l-Mulej qiegħed jistenniek biex ifejqek ħafna iktar milli taħseb.  Għax min ikollu laqgħa mal-meravilja li hu Alla ma jinsa qatt dan il-Memorjal.  U jekk xi ħadd jistaqsiħ għaliex jemmen f’Alla, mhux se jwieġbu bil-Katekiżmu, u lanqas b’xi “cliché” tas-soltu, imma jirrispondi b’konvinzjoni billi jirrakkonta l-Istorja, l-esperjenza tal-laqgħa tiegħu ma’ Alla.  Din hi l-Fidi Bibblika.  Din hija d-differenza bejn reliġjożità naturali u l-Fidi Nisranija adulta.

 

Ritornell:  Faħħru lill-Mulej li jfejjaq ’il dawk ta’ qalbhom maqsuma. 

 

Salm 147

 

Faħħru l-Mulej, għax tajjeb li tgħanni lil Alla tagħna;

għax ħelu u xieraq it-tifħir tiegħu.

Jibni 'l Ġerusalemm il-Mulej,

jiġma' l-imxerrdin ta' Iżrael.

Hu jfejjaq il-qlub maqsuma,

hu jorbot il-ġrieħi tagħhom.

 

Hu jgħodd in-numru tal-kwiekeb;

kollha jsejjħilhom b'isimhom.

Kbir Sidna l-Mulej, u ta' qawwa kbira;

bla tarf id-dehen tiegħu.

 

Jerfa' l-imsejknin il-Mulej,

u jniżżel sa l-art il-ħżiena.

 

It-Tieni Qari

 

‘Euangelion’ hija kelma Griega li tfisser ‘Aħbar Tajba’.  Mill-waqt li San Pawl kellu laqgħa ħajja ma’ Kristu sal-aħħar jum ta’ ħajtu, huwa ħaraq l-enerġija tiegħu għat-tixrid tal-Aħbar it-Tajba, l’ ‘Euangelion’, fost il-ġnus.  L-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù, jiġifieri x’għamel għalina l-Iben ta’ Alla bil-Misteru tal-Mewt u l-Qawmien tiegħu, kienet bomba mmensa li qalbitlu ħajtu ta’ taħt fuq!  F’dan il-bniedem għandna xempju ta’ x’kapaċi jagħmel il-Mulej fil-ħajja tal-bniedem.

 

Għalih, l-Evanġelju kien Sorpriża ta’ barra minn hawn.  Huwa kien ġa qatta’ ħajtu jistudju l-Kotba Mqaddsa u jisma’ l-għorrief biex jagħraf min hu Alla.  Imma dan ma kienx lestih għal dak li ġie lilu rrivelat.  Alla mhux Liġi imma Mħabba u Kristu hu Aħbar Tajba għal kull midneb.  Din l-Aħbar ħelsitu mill-inkubu dejjaq tiegħu u minn dak il-ħin ’il quddiem kellu biss xewqa waħda: li jxandar il-verità ma’ kull min jiltaqa’: lil gvernaturi u nies sempliċi, fis-sinagogi, pjazez, palazzi jew ħabsijiet fejn sab ruħu.  Bil-fomm jew bil-kitba.  Saħansitra fuq xini se jegħreq insibuh ixandar lil Ġesù Kristu!

 

U din l-Aħbar ta’ Kristu tant għamlitu midjun ma’ Alla li hu dejjem ta b’xejn dak li kien irċieva b’xejn.  U l-Aħbar it-Tajba hija din: li l-bniedem m’għandux għalfejn jintilef għal dejjem minħabba t-taħsir tad-“Dnub” għax dejnu ġie mifdi, imħallas bil-merti tal-ubbidjenza ta’ Kristu fuq is-salib u l-qawmien tiegħu fuq il-mewt.  Il-ħlas għad-“Dnub” huwa l-mewt, imma l-mewt issa ntrebħet għal dejjem għax il-Ħaruf patta Hu għad-“Dnub”. 

 

Dan kollu huwa teorija mejta sakemm jasal dak il-mument imbierek li għadda minnu San Pawl u tant u tant miljuni ta’ nies, meta l-Ispirtu s-Santu jmisslek il-qalb tiegħek u din l-Aħbar hekk sempliċi ssir Ħuġġieġa Nar Qaddis f’qalbek li ma jista’ jitfihulek jew jisraqulek ħadd!  Dan hu l-Kristjaneżmu. Mhux liġijiet jew preċetti, imma Aħbar ta’ xi ħaġa li ġrat elfejn sena ilu u qegħda tistenna li tilħaq lilek illum.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  9, 16-19, 22-23

 

Ħuti: Jekk jiena nxandar l-Evanġelju ma għandix biex niftaħar; jien obbligat nagħmlu dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju.   Jekk dan nagħmlu minn rajja, ikolli dritt għall-ħlas; imma jekk nagħmlu għax obbligat, dan ifisser li qiegħed nagħmel ix-xogħol li Alla fdali f'idejja.   X'inhu mela l-ħlas tiegħi? Li meta nxandar l-Evanġelju, nxandru b'xejn, bla ma nfittex id-dritt li jagħtini l-Evanġelju stess.  Għax għad li ma jiena marbut ma' ħadd, jien għamilt lili nnifsi lsir ta' kulħadd biex nirbaħ lil ħafna.

 

Sirt dgħajjef  mad-dgħajfin, biex nirbaħ id-dgħajfin. Sirt kollox ma' kulħadd, biex insalva lil kulħadd.  Nagħmel dan kollu minħabba l-Evanġelju biex ikolli sehem minnu.

 

Evanġelju

 

Il-Vanġelu tal-lum, bħal dawk tal-aħħar Ħdud li għaddew, ixandru l-qawwa setagħna li Kristu kellu fuq dak kollu li jisraq il-ferħ lill-bniedem.  Hawn narawh ifejjaq bosta morda u jkeċċi x-xjaten li malli kienu jarawh kienu jaħarbu mwerwra minnu.

 

Imma rridu nżommu f’moħħna li l-Missjoni primarja ta’ Kristu ma kinitx dik li jfejjaq il-mard, lanqas li jgħallem. Għax fl-aħħar mill-aħħar il-problema l-kbira tal-bniedem hija l-mewt li minnha joħorġu t-tbatijiet kollha.  Biex jitqabad ma’ dan il-mostru ġie l-Iben ta’ Alla.  Hu tqabad magħha billi ħalliha tirbħu imma Hu sar il-velenu tagħha li qeridha.  Jekk il-ġisem jitħassar u jmut, imma hi ma baqagħlhiex iktar setgħa fuq l-ispirtu ta’ min jemmen.  Din hija r-rebħa vera.  Hu veru li aħna nitolbu ħafna għall-fejqan mill-mard u l-Mulej japprezza ħafna dan it-talb.  Imma tfiq illum u tfiq għada, fl-aħħar mill-aħħar mill-istess xorti rridu ngħaddu.  Huwa hemm li Kristu wettaq ir-rebħa tiegħu.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  1, 29-39

 

F’dak iż-żmien: Ġesù u d-dixxipli ħarġu mis-sinagoga u baqa' sejjer ma' Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì.    Issa omm il-mara ta' Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha.  Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom.

 Fil-għaxija, mbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan.  U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha.  U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta' mard, u ħareġ għadd kbir ta' xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.

  

L-għada fil-għodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f'post imwarrab u qagħad hemm jitlob.  Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh.  Kif sabuh, qalulu: "Kulħadd jistaqsi għalik."  U qalilhom: "Ejjew immorru band'oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt."  U dar il-Galilija kollha, jippriedka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten.

 

Last Updated ( Saturday, 10 February 2018 )