IS-SITT HADD TAL-GHID (2018) KRISTU JURINA LI HU MHABBA, FERH, HELSIEN |
Written by Frans Galea | ||
Saturday, 05 May 2018 | ||
Din hija il- Liturgija tas-Sitt Hadd ta' l-Ghid (2018 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Liturġija qaddisa tal-Knisja turina bħal f’mera min hu n-Nisrani, x’inhu n-Nisrani, fejn jinsab in-Nisrani. Ir-Randan kien żmien ta’ Mixja għax in-Nisrani jinsab f’Mixja; Mixja lejn l-għarfien tiegħu nnifsu u, bħala konsegwenza ta’ dan, l-għarfien tal-bżonn li l-bniedem għandu li jkun salvat. Ir-Randan ġie biex jgħinna ngħarfu d-dnub tagħna, il-limitazzjoni tal-bniedem il-qadim li bih twelidna, l-egoiżmu tagħna li, mingħajr ma rridu, huwa mkaħħal magħna, il-faqar ta’ kapaċità li dan il-bniedem għandu li jħobb lil hemm mill-Imħabba lejn min iħobbu. Dan l-għarfien tal-“Jien” li jiddominana bħal argużin li jfaqqa’ l-frosta u aħna nobdu u nidinbu, jimbuttana lejn Dak ix-Xi Ħadd li rebaħ dan kollu, Dak ix-Xi Ħadd li rebaħ il-Mewt u li għandu s-setgħa jkaxkarna miegħu lejn Ħajja Ġdida, Natura Ġdida, Twelid Ġdid – Ġesù ta’ Nazaret, il-Kristu ta’ Alla.
L-Għid, imbagħad, ixandar din ir-rebħa ta’ Kristu fuq dak kollu li jillimitana, jbeżżagħna, jagħlaqna fina nfusna. Kristu ġie magħmul Spirtu ħieles li jinagħta lin-nies, lil dawk li wara li għarfu l-qagħda miskina tagħhom jitkarrbu għalih bħala l-unika soluzzjoni għall-problemi kollha tal-Ħajja. Dan huwa ż-żmien li fih int mistieden tiskopri din il-Qawwa meraviljuża li teħilsek, tagħti sens lil Ħajtek u timlik bil-ferħ. Għalhekk, waqt li n-Nisrani jagħraf il-miżerja tiegħu, fi Kristu jagħraf ukoll li hu mimli Glorja, li hu kbir tassew, li hu għandu min-natura ta’ Alla għax ġie adottat minn Alla.
Għalhekk il-Knisja għandha raġun tiċċelebra l-Għid għal ħamsin jum sħaħ u tkompli tgħixu bħal b’nostalġija matul is-sena kollha fil-Ħdud tagħha. Din hija l-Liturġija li turina aħna min aħna u fejn kapaċi jwassalna Alla. Ma nħarusx lejn żokkritna u d-dgħufija tagħna imma lejn ir-Rebħa ta’ Kristu f’isimna. Ma nħarsux b’rasna baxxuta lejn il-ħamà tal-art u ngħidu “Kif jista’ jkun dan?” imma nħarsu lejn Dak li għamlilna l-Wegħda, lejn is-sema, bħal Abraham, fejn hemm naraw il-kwiekeb flok it-tajn, il-meravilja ta’ Dawl li bih irid iżejjinna Alla.
L-Ewwel Qari
Luqa niżżel il-ġrajja tal-konverżjoni ta’ Kornelju ċ-ċenturjun u taha mportanza kbira għax għalih dan ma kienx kas individwali, storja ħelwa li affettwat lil familja pagana Rumana li inzertat tgħammar fl-Art Imqaddsa dak iż-żmien. Għal Luqa, u għall-Knisja li Luqa kien jagħmel parti minnha, din il-ġrajja tindika ħaġa enormi: il-Messija, ir-Rebbieħ fuq il-mewt u l-inkwiet kollu tal-bniedem, ma ġiex mibgħut biss għall-poplu ta’ Iżrael, kif kienet tgħid il-mentalità Lhudija, imma, x’waħda din, għad-dinja kollha! Għal-Lhud reliġjużi, u għall-barranin pagani wkoll. Hawn infetħet tieqa fuq il-Knisja li minnha daħal riefnu, ir-riefnu tal-Ispirtu s-Santu. Għall-Knisja ma kienx hemm iktar nies li kienu “mniġġsa” u oħrajn “puri”. Indunat il-Knisja, li Alla nnifsu kien qed jgħidilha li kull min jemmen tassew fi Kristu u fl-opra tal-Għid li wettaq, dan hu qaddis ġa minn hawn, hu min hu, u ġej mnejn hu ġej. Kristu kapaċi jsalva lil kull bniedem li jdur lejH bil-Fidi. Kif se jgħid dan il-qari: “Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ.”
Iktar minn hekk, Alla jħares lejn il-bniedem mhux kif inħarsu lejh aħna, b’sens moralista u b’ġudizzju u billi ngħadduh mill-għarbiel strett tal-opinjoni tagħna, imma Alla jara fil-bniedem ħlejqa kkundizzjonata minn ħafna ċirkostanzi li m’għandux sertgħa fuqhom. Għal Alla, il-bniedem huwa msejken u fi bżonn urġenti ta’ Salvazzjoni.
Imma Alla hu marbut quddiem din il-qagħda għax ma jistax jisforza lil ħadd. Alla hu Mħabba u l-Imħabba dejjem hi ħielsa, tħalli lill-bniedem fil-ħelsien li jagħżel lil Alla bħala alla tiegħu jew lil xi bniedem, lil xi idolu. L-Imħabba tistenna, umli, hemm barra l-bieb ta’ qalbna. Tistenna anke ħafna snin waqt li aħna nintefgħu nagħtu qima lill-“allat” li ħlaqna aħna, “allat” li huma bnedmin jew ħwejjeġ maħluqa mill-bnedmin li se jmutu bħalna. Kif se jsalvawk mill-mewt dawn, meta anke huma bnedmin jew ħwejjeġ maħluqa mill-bnedmin li għandhom fihom is-susa tat-tmiem??
Kornelju u l-familja tiegħu, marbutin fil-paganiżmu tagħhom, raw Dawl. Feġġgħet fuqhom il-Grazzja. Ħatfuha fil-liberta li tagħtihom l-Imħabba, u ġew mimlija, imburġati bl-Ispirtu s-Santu. Dan kien sinjal għall-Appostli ta’ dak li kellu jwettaq Alla permezz tagħhom: l-imxija tal-Knisja mad-dinja kollha.
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli. 10, 25-26. 34-35. 44-48
Xħin daħal Pietru, Kornelju mar jilqgħu u ntefa' f'riġlejh jagħtih qima. Imma Pietru qajjmu u qallu: "Qum. Jien bniedem ukoll."
Pietru qabad jitkellem u qal: "Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqa' lil kull min għandu l-biża' tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun. Meta Pietru kien għadu qiegħed jgħid dan, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq dawk kollha li kienu jisimgħuh. Dawk li kienu marru ma' Pietru, Lhud li kienu emmnu, stagħġbu kif Alla sawwab id-don ta' l-Ispirtu s-Santu fuq il-pagani wkoll. Għax semgħuhom jitkellmu bl-ilsna u jfaħħru l-kobor ta' Alla.
Mbagħad Pietru qal: "Jista' xi ħadd jiċħad l-ilma tal-magħmudija lil dawn in-nies, li ħadu l-Ispirtu s-Santu bħalma ħadnieh aħna wkoll?" U ordna li jitgħammdu fl-isem ta' Kristu. Mbagħad huma talbuh jibqa' għal ftit jiem magħhom.
Salm Responsorjali
Salm 98 huwa Salm ferrieħi ta’ poplu li għamel esperjenza tas-Salvazzjoni li Alla biss jista’ jagħti. Għax wieħed jista’ jiftaħar kemm irid bil-ħelsien materjali u « minn barra » li jkun kiseb, li jinkiseb anke bl-għaraq u d-demm ta’ gwerer u taqbid ieħor, imma l-veru ħelsien huwa minn ġewwa. Għax bniedem marbut bil-ktajjen jista’ jkollu ħelsien fil-ġewwieni tiegħu li sultan m’għandux għax marbut bil-vizzju, bil-kilba, bl-egoiżmu u bil-biża’ li jitlef dak li akkwista.
Tant hu veru dan, li fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, meta l-jasar, l-iskjavitù, kienet tant parti mill-kultura u aċċettata minn kulħadd li l-Appostli, Pawlu nkluż, ma kinux jippriedkaw il-ħelsien tal-ilsiera. Anzi għarfu, (u dan hu tqil ħafna għalina biex nifhmu) li lsir jista’ jkun ħieles tassew fl-ispirtu u m’għandux għalfejn jipprova jibdel xortih għax la emmen fi Kristu u ħaddan lil Kristu bħala s-Salvatur tiegħu, hu għandu għana fih, l-Ispirtu s-Santu, li jimlih kompletament.
Din hija esperjenza kbira, tafux, li aħna, mdorrijin kif aħna bl-affarijiet « tal-Knisja » u li minn dejjem għamilna kompromessi u ħallatna l-inbid ferrieħa tal-Aħbar ta’ Kristu bl-ilma tal-kompromessi tagħna, ma tantx kellna bħalha. Esperjenza enormi ta’ ħelsien totali minn dak kollu li qabel kien itella’ kuljum is-sħab li jgħattielna x-xemx.
Dan is-Salm jista’ jitkanta biss minn dawk li għandhom dan il-ħelsien. Huma nies « Ġodda » għalhekk jgħannu għanjiet « Ġodda » għax « il-Mulej għamel l-għeġubijiet magħna » (v.1). Huma li kienu dejjem magħkusa fil-qagħda midinba tagħhom ; dejjem ifittxu l-ferħ fid-dnub, fl-egoiżmu, fil-ħwejjeġ tad-dinja li ma tistax tagħti ferħ għax qegħda tmut ; huma saru jafu x’inhi r-rebħa ta’ Kristu fuq il-Mewt : « Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu u d-driegħ imqaddes tiegħu. » (v.1).
Din ir-Rebħa ta’ Kristu mhix sempliċement il-Qawmien tiegħu mill-qabar dak in-nhar filgħodu tal-ewwel Għid. Jekk naħsbu dan inkunu qed infaqqru tassew il-messaġġ tal-Għid. Għax wara kollox, il-midneb mifxul u mħawwad quddiem il-miżerja tiegħu, x’jimpurtah minn dan. Tajjeb, Kristu qam mill-Mewt… u jien ? Fejn nidħol jien f’dan kollu ? għandu raġun jew m’għandux jagħmel dawn il-mistoqsijiet ?
Ir-Rebħa vera ta’ Krsitu hi li hu jqajjem lin-nies mejta mill-Mewt tagħhom. Dawn mhumiex fantasiji. Dawn huma l-esperjenzi ta’ miljuni ta’ nies fl-Istorja li daqu r-Rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt. Bil-Qawmien tiegħu, Kristu ġie mlibbes bil-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn, u huwa jidħol fil-qalb tal-« ilsira » u jagħtihom din il-« Ħajja Ġdida ». Dan hu tassew l-« Għaġeb » ta’ Alla, il-Miraklu Morali ta’ barra minn hawn.
Jista’ jkun li aħna qatt ma ltqajna ma’, jew smajna l-esperjenza ta’ xi ħadd jew xi wħud li għaddew minn din il-bidla tal-għaġeb. Huwa dan li jżomm ħajja lill-Knsija u xejn iktar. Huwa l-Ispirtu s-Santu ta’ Kristu li jinfiltra fin-nies u jagħtihom natura ġdida li jżomm il-Knisja ħajja minn ġenerazzjoni għall-oħra. Il-kulturi, id-drawwiet, il-folklor, il-modi ta’ arti jew ta’ kif titwassal il-Bxara t-Tajba jistgħu jinbidlu, imma hi l-azzjoni tal-Ispirtu tal-Ħajja fil-bniedem li hi dejjem kostanti u żżomm ħajja l-Knisja.
Ritornell : Il-Mulej wera l-ġustizzja tiegħu lill-ġnus.
Salm 98
Għannu lill-Mulej għanja ġdida, għax għamel ħwejjeġ ta' l-għaġeb. Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu, u d-driegħ imqaddes tiegħu.
Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu, f'għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu. Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu mal-poplu ta' Iżrael.
L-art kollha, minn tarf għall-ieħor, rat is-salvazzjoni ta' Alla tagħna. Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha, infexxu fil-hena, ifirħu u għannu!
It-Tieni Qari
Min għaraf lil Alla u r-Rebħa tiegħu fuq il-Mewt fi Kristu, dan iħobb. Min għadu m’għarafx lil Alla u l-Kristu tiegħu, dan ma jistax iħobb. B’Imħabba, San Ġwann mhux qed jirreferi għall-affetti u l-ġibdiet normali tal-bnedmin. Anzi għal Alla dawn mhuma Mħabba xejn. Huma l-emozzjonijiet, il-passjonijiet, il-ġibda fiżika… kollha ħwejjeġ tajba li jgħinu n-nies jersqu lejn xulxin u jitwaħħdu fiż-żwieġ. Imma dawn l-affarijiet ftit idumu, u dawn l-affetti jekk ma jimmaturawx f’xi ħaġa inqas fiżika u iktar profonda, ftit għandhom ħajja u sikwiet jistgħu jinbidlu f’mibegħda u sens ta’ nġustizzja kbira u tradimenti.
Meta Alla jitkellem fuq l-Imħabba, jitkellem fuq l-Imħabba fil-qies tas-salib, dik l-Imħabba li wera Kristu lejna meta ħalla li jkun imsallab Hu minflokna. Hu miet għall-għedewwa tiegħu. Mela l-Imħabba hi l-Imħabba lejn l-għadu. L-“imħabbiet” l-oħra, anke l-pagani u l-ateji jkollhom. Li kieku l-imħabbiet tal-bniedem kienu biżżejjed biex jeħilsu lill-bniedem u jagħtu sens lil ħajtu, Kristu ma kienx ikollu għalfejn jinżel jgħammar mal-bnedmin u jidħol fil-Misteru tal-Għid għalihom. Dawk kollha li jaħsbu li l-imħabbiet naturali li għandhom huma biżżejjed, qatt u qatt ma jaslu biex jemmnu fi Kristu.
Min ma jħobbx kif ħabb Kristu għadu ma għarafx lil Kristu, se tgħidilna b’mod anke goff imma veru l-Kelma li ġejja. Hu ċar li dawn l-affarijiet ħadd minnha m’għandu l-ħila jilħaqhom bl-isforzi tiegħu. Din l-Imħabba hija Grazzja, purament Grazzja. Hi xogħol l-Ispirtu s-Santu fina. Imma aħna jista’ jkun li dan it-tip ta’ Mħabba ma rriduhx u għalhekk niġġieldu lill-Ispirtu s-Santu u nagħlqulu l-bieb f’wiċċu, anke jekk aħna reliġjużi ħafna.
Imma hemm triq ħafifa! Din il-Kelma se tgħidilna li jekk induqu l-Imħabba ta’ Kristu, kollox hu possibbli. Jekk ngħarfu kemm tassew aħna maħbubin, li din l-Imħabba mhux se tħallina mmutu għax hi aqwa mill-mewt… jekk din l-Imħabba tfejjaqna minn ġewwa, aħna nistgħu ma nibqgħux egoisti, ma nibqgħux nibżgħu mill-għedewwa, anzi nagħdruh, niskużawh, inħossu għalih, inħobbuh. Min iduq l-imħabba ta’ Kristu biss jasal għal dan.
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu. 4, 7-10
Għeżież, ejjew inħobbu 'l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba.
B'dan dehret l-imħabba ta' Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna 'l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta' tpattija għal dnubietna.
Evanġelju
Ġesù l-ħin kollu jitkellem miegħi u miegħek fuq l-Imħabba, l-Imħabba vera, l-Imħabba għall-għadu. Fid-dnub, aħna għedewwa tiegħu. fid-dnub aħna nduru lejn l-idoli, lejn ix-xjaten tagħna u nfittxu l-Imħabba, il-Ħajja mingħandhom u nopponu s-sejħa ta’ Ġesù. Dan jagħmilna għedewwa tiegħu għax inkunu qegħdin ingiddbuH. Imma lilna jħobbna anke meta nkunu għedewwa tiegħu. Hu miet għall-għedewwa biex isalva lil xi wħud minnhom. Għalhekk, Huwa hu l-Imħabba dejjem fidila.
U dawk li fihom tikber il-Magħmudija li tidfnilhom il-bniedem il-qadim qarrieq u twelled fihom il-Bniedem il-Ġdid li hu Kristu, dawn l-aħwa jħobbu bħal Kristu. Mhux għax huma supermen, lanqas huma minnhom infushom aħjar mill-oħrajn, iżda rċivew id-don tal-Fidi u ħattfuh għax indunaw li hawn qegħda l-Verità u mkien iktar, hawn qegħda l-Imħabba. Huma jħobbu bħal Kristu għax kien Kristu li ħabbhom l-ewwel u fejjaqhom mill-ġrieħi li jnixxu l-Ħajja. Imfejqin minn dawn il-ġrieħi nterni, huma bil-mod il mod ħelsu mill-egoiżmu tagħhom u setgħu jinagħtaw għal ħaddieħor. U hawn skoprew Misteru kbir. Meta inti tinagħta ssib l-Imħabba, issib il-Ferħ, issib il-Ħelsien, issib is-Sliem u s-serħan il-moħħ. F’kelma waħda dak li qabel konna nfittxu fil-flus, fis-suċċess, fil-fama, fil-familja, fis-saħħa, fil-passatempi, fix-xalar, fil-vizzji u d-dnub... ħaġa tal-għaġeb sibnihom in-naħa l-oħra, għand Kristu.
Versett: Hallelujah. Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, igħid il-Mulej; u Missieri jħobbu, u aħna niġu għadu. Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. 15, 9-17
Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta' Missieri u qiegħed f'imħabbtu.
"Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ. Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x'jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.
Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa', ħalli kull ma titolbu lill-Missier f'ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin.
|