GHID IL-HAMSIN (PENTEKOSTE) TITWIELED IL-KNISJA
Written by Frans Galea   
Saturday, 19 May 2018

Din hija il- Liturgija ta' Ghid il-Hamsin ( Pentekoste )(2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 pentekoste_18.jpg

 

Alla huwa Mħabba, imma min se jgħarrafulna dan jekk mhux l-Ispirtu s-Santu?  Kristu bata u miet u qam mill-Imwiet, imma min se jdawwalna li dan il-Misteru huwa tiegħi, għandu x’jaqsam miegħi, huwa dak li jagħti sens lil ħajti iktar mill-familja, iktar mis-saħħa, iktar mill-għomor, iktar mill-ħbiberiji, iktar minn kollox, jekk mhux l-Ispirtu s-Santu?  Kristu wettaq kollox.  Wettaq dak kollu li bagħtu jagħmel il-Missier. Il-Fidwa tħallset.  Id-dnub tad-dinja tpatta.  Imma min jemmnu dan tassew, jekk mhux min intmess mill-Ispirtu s-Santu?

 

Min se jqajjem mill-qabar tant nies li huma mejta anke jekk jgħixu, jaħdmu, jilagħbu, jorqdu, iħobbu, jobogħdu, ifaddlu, jonfqu, jekk mhux l-Ispirtu s-Santu?  Jekk dan l-Ispirtu Qaddis ma jaħdimx fina, aħna lkoll mejtin, u lanqas biss nindunaw li aħna mejtin.  Aħna naħsbu li tkun ħaj meta tkun ferħan bil-ġuġarelli; meta xi ħadd jgħidlek li jħobbok; meta xi ħadd jagħtik il-prosit; meta tirċievi aħbar tajba; meta jitweldulek it-tfal.  Dawn kollha jgħibu quddiem il-biża’ tal-mewt.  Min se jeħlisni minn dan il-ġisem ikkundannat li jispiċċa fit-trab?  Min se jagħtini l-garanzija, il-kapparra, iċ-ċertezza li l-Ħajja vera hi għal dejjem, li l-Imħabba ta’ Alla għalija hi eterna bħalU?  Min se jagħtini r-rigal b’xejn, bla ħlas, li ma jistax jitħallas, li nitfejjaq minn ġewwa u nkun nista’ ngħaddi mingħajr l-egoiżmu u li nsib il-ferħ f’li ngħin lill-imsejken li qiegħed maġenbi?  Min se jagħmel miegħi dan il-Miraklu li ħadd ma jemmen fih, jekk mhux l-Ispirtu Qaddis li Hu biss ħaj, li Hu biss għandu l-Ħajja, li hu biss huwa balzmu għall-ġrieħi ta’ qalbi?  Min se jagħti l-Ħajja lill-Kelma ta’ Alla biex ma tibqax ittra mejta imma ssir riefnu f’Ħajti?

Min se jagħtini r-rigal tal-Fidi?  Dawn l-affarijiet stupendi kollha rebaħhom għalija Kristu bil-Mewt u l-Qawmien tiegħu, imma jibqgħu imkebbin taħt velu fuq velu.  Dan il-wirt ta’ aktar, ħafna aktar minn eluf ta’ biljuni ta’ ma nafx xhiex, qiegħed hemm fuq ismi l-bank.  Huwa tiegħi.  Kristu obda l-Missier f’ismi biex l-Ubbidjenza tiegħu sal-mewt issir l-Ubbidjenza tiegħi, jekk nemmen.  Min se jiftaħli dan il-bank biex inkun nista’ niġbed il-Ħajja bla tmiem?  Huwa l-Ispirtu s-Santu.

 

L-Appostli raw lil Kristu mqajjem mill-mewt u baqgħu bħalma kienu: stupidi, egoisti, beżżiegħa, kollhom kalkoli, jibżgħu iħarsu minn wara l-kantuniera għax mimlijin insigurtà. Min bidel dawn is-sajjieda li wara ġrew bħar-riħ li ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer mad-dinja kollha, il-Punent, il-Lvant, fil-kesħa tat-Tramuntana u d-deżert tan-Nofs in-nhar biex ixandru ħaġa sempliċi: Kristu qam mill-Mewt u issa inti salv għal dejjem? 

 

Mingħajr il-Pentekoste mhux biss mhemmx Knisja imma lanqas hemm Għid.  L-Għid jieħu l-Ħajja fil-Pentekoste.  Min hu bil-għatx ħa jittama f’dan l-Ispirtu li jrid jidħol fih u jifqgħu bl-ilmijiet friski tiegħu.  Min għandu id kiesħa tagħfas madwar qalbu u ma jistax iħobb, lanqas jekk jipprova, ħa jittama fin-Nar, fil-Ħuġġieġa Qaddisa li l-Ispirtu ta’ Dak li rebaħ il-mewt kapaċi, iva kapaċi jqabbad f’qalbu.

 

Alla għandu appuntament magħna.  Dan il-Ħadd mhux Ħadd normali.  Lanqas m’aħna se nagħmlu “Tifkira”.  Dan il-Ħadd ġej l-Ispirtu s-Santu biex iġorrna miegħU. “Ejja Spirtu s-Santu.  Imla l-qlub imsejkna tagħna bl-Imħabba tiegħek.  Nixxef il-ġrieħi tagħna.  Fejjaqna mid-dnub u l-biża’ tal-Mewt.  Ġenninna bil-Grazzja tiegħek!”

 

L-Ewwel Qari

 

Dawk li jemmnu fl-Għid ta’ Kristu jsiru ġisem wieħed fiH.  Din hija l-unika tama għad-dinja.  Mhux jekk il-President tal-Istati Uniti jiltaqa’ ma’ dak tal-Korea ta’ Fuq, jew il-Lhud u l-Palestinjani jiftehmu...  l-unika tama għad-dinja hi li sseħħ l-għaqda jekk id-dinja ssir ġisem wieħed fil-Fidi ħajja fi Kristu.  In-nies li qegħdin jagħmlu l-vera politika huma dawk li jxandru lil Kristu.  L-oħrajn  jagħmlu li jistgħu biex jirranġaw l-affarijiet minn barra, imma l-problema tal-bniedem hija qalbu minn fejn, kif qal Kristu, joħroġ il-ħażen u d-deni kollu tad-dinja.

 

Min għadu ma sabx lil Kristu u għadu mhux imburġat bl-Ispirtu tiegħu għadu taħt il-ħakma tal-biża’ tal-mewt.  Għadu jitqabad biex jgħix u jiddefendi ruħu l-ħin kollu biex l-“ieħor” ma jisraqlux il-ftit Ħajja li għandu. Friedrich Nietzsche, pagan, wieħed mill-kotra tal-mejtin li jieħdu n-nifs kien qal: “L-‘ieħor’ huwa l-infern!”  Mela aħarbu; attent għalih għax jagħmilhielek; aħseb dejjem għal rasek; attakka qabel ma jattakkawk; aħseb ħażin għax tagħli wara...  Din hija d-dinja.  Dan hu normali, le? 

 

In-Nisrani “veru” jgħid: l-“ieħor” huwa Kristu!  In-Nisrani “veru” għandu Spirtu ieħor jgħammar fih.  Hu maħbub, u għalhekk iħobb.  Alla baqa’ jafdaħ, u għalhekk hu jafda lil kulħadd.  L-għana tiegħu hu l-Ispirtu ħaj ġewwa fih, u għalhekk ma jibżax li jisirquh għax l-għana tiegħu ma jistax jinsteraq. Huwa dan l-Ispirtu li tassew jgħammar fin-nies li kapaċi jġib l-għaqda fid-dinja.

 

In-nies ta’ Babel għamlu allejanza bejniethom, kif jagħmlu n-nies tad-dinja.  Huma kienu mbuttati biex jingħaqdu flimkien mhux mill-Ispirtu tal-Ħajja iżda mill-biża’ tal-mewt.  Kellhom il-Memorja tad-dilluvju u kien il-biża’ li għaqqadhom flimkien.  Beda tiela t-torri, imma waqaf f’nofsu għax mingħajr Alla kollox hu artifiċjali, anke l-ftehim għall-paci.  Tafu li l-bini tal-Parlament Ewropew huwa ppjantat fuq it-torri ta’ Babel?  Tal-għaġeb!

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  11, 1-9

 

 U l-art kollha kienet ilsien wieħed u kliem wieħed. Meta l-bnedmin telqu mil-lvant sabu wita f'art Singħar u baqgħu hemm. U qalu wieħed lil ieħor: “Ejjew nagħmlu l-madum  u naħmuh sewwa!” U l-madum kienu jużawh flok il-ġebel, u l-qatran flok it-tajn. U reġgħu qalu: “Ejjew nibnu belt għalina, u torri, bil-quċċata tiegħu tilħaq is-smewwiet, u nagħmlu isem għalina, ħalli ma nixterdux mal-wiċċ kollu ta' l-art.”

 

U l-Mulej niżel jara l-belt u t-torri li kienu qegħdin jibnu l-bnedmin. U l-Mulej qal: “Arahom, poplu wieħed u lsien wieħed għalihom ilkoll. U dan għadu l-bidu ta' xogħolhom; issa kull ma jiġihom f'rashom xejn ma jaqtgħalhom qalbhom! [ Ejja, ħa ninżlu u nħabblulhom ilsienhom, ħalli ma jifhmux ilsien xulxin.”

 

 U l-Mulej xerridhom minn hemm għal fuq wiċċ l-art kollha, u waqfu mill-bini tal-belt. Għalhekk bdew isejjħulha Babel, għax hemm ħawwad il-Mulej ilsien l-art, u minn hemm xerridhom il-Mulej mal-wiċċ kollu ta' l-art.

 

Salm Responsorjali

 

Il-bniedem li hu għani fl-Ispirtu, il-Bniedem il-Ġdid imwieled fl-ilmijiet tal-Magħmudija, xbieha ta’ Ġesù Kristu, dan il-bniedem kollox ikellmu fuq Alla, kollox jieħu s-sens b’Alla, anke dawk l-affarijiet li aħna nistmelluhom u jġibulna dubji fuq il-Mulej.  Il-ħolqien ikellmu fuq Alla;  l-Istorja kollha tkellmu fuq Alla; is-Salib ikellmu fuq Alla.  Kollox hu mdawwal għalih u dan id-dawl, dawn il-kuluri sbieħ għandhom isem: l-Ispirtu s-Santu.

 

Is-Salmista f’Salm 104 ifaħħar lil Alla ta’ kollox.  Jara l-ġmiel f’kollox għax kollox hu espressjoni tal-Imħabba ta’ Alla. L-istaġuni, it-temp, l-art għammiela u d-deżerti wkoll.  Kollox iqanqlu biex jgħid: “Bierek ruħ tiegħi lill-Mulej!” (v.1).  Huwa jaf li Alla huwa l-għajn tal-Ħajja u l-art tiġġedded bil-Ħajja li jagħtiha l-Ispirtu s-Santu.  Huwa jġedded mhux biss l-art bil-għatx u għajjiena... iġedded lilna wkoll.  Huwa fil-bniedem li l-kapulavuri ta’ Alla jilħqu l-quċċata tagħhom.  Bl-Ispirtu, huwa jħawwel fih il-Fidi u jwassal lill-bniedem biex isir Alla hu wkoll, parti minn Alla, bl-istess natura tiegħu, u bħalu jgħix għal dejjem.  Lill-bniedem jagħmlu ħieles minn kull biża’ għax l-Imħabba tkeċċi ’l barra l-biża’, u l-bniedem isir Barka.

 

Ritornell: Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

 

Salm 104

 

Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej!

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,

bid-dawl, bħal b'mantell, inti mkebbeb.

 

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!

 Kollha bl-għerf għamilthom;

Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

Bierek ruħ tiegħi lill-Mulej!

 

Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha

li tagħtihom ikilhom f'waqtu.

Inti tagħtihom, u huma jiġbru;

tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid.

 

Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu;

jekk teħdilhom nifishom, imutu,

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,

u inti ġġedded il-wiċċ ta' l-art.

 

It-Tieni Qari

 

Permezz tas-sagramenti, l-aktar tal-Magħmudija u tal-Konfermazzjoni mill-Isqof, aħna diġa għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, l-ewwel ħjiel tiegħu.  Min jaf kemm drabi kien Hu li ispirana, nebbaħna biex nagħmlu t-tajjeb bla ma biss indunajna li kien Hu l-qawwa warajna.  Aktarx li ħadna l-prosit kollu aħna…  Dan l-ewwel frott tal-Ispirtu jimliena b’dieqa u tensjoni.  Għaliex?  Għax min daq kemm hu tajjeb il-Mulej jixtiequ li  jduq aktar, li jkollu sehem akbar, ferm akbar mill-Ispirtu Qaddis tiegħu.  Għax l-ewwel frott tal-Ispirtu jnissel fina dawl qawwi biżżejjed biex nindunaw li l-vera Ħajja, l-veru Ferħ, il-vera Mħabba jikbru fina fil-qies li jikber l-Ispirtu s-Santu.

 

Il-Knisja miġbura fiċ-Ċenaklu kienet qegħda titniehed għall-Ispirtu.  Id-dinja kollha titniehed.  Titniehed għal ħafna affarijiet, imma fil-fond hi tkun qed titniehed għall-Ispirtu s-Santu li m’għandhiex. Tfittxu fejn m’hemmx Hu: fid-dnub, fl-ambizzjoni, fil-qerq, fil-poter, fl-għana, fis-serq, fit-tpattija, fil-vjolenzi… f’elf ħaġa.  Anke f’affarjiet tajbin bħalma huma l-familja, l-imħabba tan-namur, l-ulied, ir-reliġjożità…  Imma l-Ħajja vera qegħda biss għand l-Ispirtu s-Santu li huwa l-Ispirtu ta’ Ġesù u tal-Missier flimkien.  Imbierka dawk l-aħwa li għandhom dan l-għatx, din id-dieqa, din it-tensjoni li dejjem qegħdin jistennew.  Huma jafu li min jixxennaq għal Alla, se jkollu lil Alla.

 

Sadanitant, aħna li doqna ftit ħafna x’inhu l-Ispirtu, ninsabu mitlfin u mgerfxin.  Id-dinja tidħaq bina u tinsulentana.  Uliedna ma jridux jafu bit-triq li qbadna.  Min jistagħna u għandu l-pjaċiri kollha lanqas biss irid li jintlemaħ fil-kumpanija tagħna.  Lilna Alla donnu poġġiena fl-aħħar post, kif igħid San Pawl, u kull meta nistiednu n-nies biex jiġu jisimgħu dak li għandna xi ngħidu dwar Alla, ma jiġi ħadd.  U f’dan id-deżert, aħna nitniehdu, għalkemm lanqas nafu nitolbu kif imiss (v. 26).  Imma f’dan it-tnehid tagħna jindaħal għalina l-Ispirtu s-Santu u jitlob Hu għalina quddiem il-Missier u quddiem l-Iben bi kliem li Hu biss jaf xi jfisser.  Għax l-Ispirtu jafna sa fil-fond ta’ qalbna u ħarstu tinfed l-abbissi tal-fond li hemm f’kull bniedem.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  8, 22-2

 

Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s'issa jitniehed  bl-uġigħ tal-ħlas;  u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott ta' l-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta' wlied, il-fidwa ta' ġisimna.  

 

Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista' wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra?  Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m'aħniex narawh, qed nistennewh bis-sabar.

 

Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta' ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem;  u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x'inhi x-xewqa ta' l-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skond ma jrid Alla.

 

Evanġelju

 

Kemm hu sabiħ il-Vanġelu li l-Knisja tipproponielna għall-Vġili ta’ din il-Festa tant kbira!  Kristu kien imdawwar b’dawk li kienu bil-ġuħ u bil-għatx għas-sewwa; dawk li kienu ġarrbu disfatta waħda wara l-oħra għax kienu ittamaw fil-Mulej; dawk li kienu twaqqgħu għaż-żuffjett għax kienu emmnu l-Kelma tal-Profeti dwar il-Messija.  Issa kienu madwar Ġesù iħarsu lejh, għatxana... tgħid Dan hu Dak li għandu jdaħħalna fis-Saltna?  Ġesù jħares lejhom; idawwar ħarstu minn fuq wieħed għal fuq l-ieħor.  Hu li kien jaf x’hemm ġo kull bniedem, għaraf il-miżerja tal-biża’ tal-mewt, tat-tbatijiet li jaqtgħu in-nifs, tal-mard li jifni l-ispirtu tal-bniedem.  U f’daqqa waħda Ġesù jqum bil-wieqfa u mbuttat mill-Ispirtu s-Santu jgħajjat:

 

”Intom li intom bil-għatx ejjew għandi u ixorbu, ixorbu u ixorbu l-inbid tal-festa sa ma tiskru! Ejjew aqtgħu l-għatx bl-ilma li għandi jien li ma jispiċċa qatt u intom tieħdu r-ruħ u tqumu fuq tagħkom u tħawdu lil dawk li ħawdu lilkom!  Anzi, intom stess issiru għajn tal-ilma ġieri, safi, frisk u intom tmorru tfittxu lil dawk li huma bil-għatx daqskemm kontu intom, u tisquhom u tkomplu tisquhom għax l-ilma tagħkom jiżdied iktar kemm jinagħta!”

 

X’eżempju stupend ġab Ġesù!  Min hu mejjet bil-għatx għad jisqi lill-oħrajn mill-ilma tiegħu għax ikollu iż-żejjed.  Hawn Ġesù kien qed jitkellem fuq l-Ispirtu s-Santu li jiġi jifqa’ d-deżert ta’ dawk li jemmnu fl-Iben.  Imma dan l-Ispirtu li jinagħta b’xejn u bla ma hu mistħoqq... (Alla ħares xi ħadd jgħid li hu kiseb l-Ispirtu s-Santu bit-tjieba tiegħu...!) dan l-Ispirtu ħelu, xi ħadd irid jiksibulna.  Għax l-Ispirtu s-Santu hu bħal diega kbira enormi li warajha qed iżżomm kwantitajiet bla għadd ta’ ilmijiet.  L-art hi deżert, mixwija u maħruqa mix-xemx, u b’dak l-ilma kapaċi ssir ġnien sabiħ imsoqqi tajjeb! 

 

Min se jifqa d-diega?  Jien m’inix kapaċi!  Lanqas int!  Lanqas l-ikbar qaddis!  Lanqas San Pawl, lanqas San Franġisk... Min se jifqa’ d-diega??  Il-Missier bagħat lill-Ibnu Kristu Ġesù biex bil-Passjoni u s-Salib tiegħu jifqa’ dan il-ħajt, u l-ilmijiet faqgħu id-deżert eżistenzjali tad-dinja.

 

Fuq l-Appostli dan l-Ispirtu ma ġiex qabel ma Ġesù għadda mill-Misteru tal-Għid.  Meta Hu ġie gglorifikat bil-qawmien tiegħU, u tbiegħed minn hawn l-Appostli ġew imfawra bl-Ispirtu s-Santu li kisbilhom Kristu bi tbatijietu.  Huma inbidlu fis-sens li mietet fihom in-natura l-qadima, marida, korrotta, minsusa bid-dudu tal-mewt, u ġew mogħtija n-natura ta’ Alla nifsu, natura li ma tmut qatt!  U l-kbira hi li dan l-għaġeb kollu għadu sal-lum merfugħ fil-Knisja u se jibqa’ merfugħ fiha għax Kristu qal: “U ara, jien magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.”  (Mt. 28, 20).

 

Dan ifisser li dawk kollha li jilqgħu il-predikazzjoni tal-Knisja, li hija l-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba tas-Salvazzjoni permezz ta’ Kristu, kull min jemmen lill-Knisja, minn ġol-Knisja stess jirċievi l-Ispirtu s-Santu fil-milja li jiflaħ jirċieviH.  Din hi l-Wegħda ta’ Kristu u li issa, wara tant żmien, hi mseddqa mix-xhieda ta’ tant nies li skoprew li l-Knisja ma qarrqitx bihom.

 

Versett: Hallelujah.  Ejja, Spirtu s-Santu, imla’ l-qlub tal-fidili tiegħek u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  7, 37-30

 

 Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam jgħid b'leħen għoli: "Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob.  Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta' ilma ħaj." 

 

Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih, għax l-Ispirtu kien għad ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat.