IS-SITTA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2018) L-EKUMENIZMU
Written by Frans Galea   
Saturday, 29 September 2018

Din hija il- Liturgija tas-Sitta u Ghoxrin il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

mose.jpg

 

 

Kristu kien jaf x’inhu jgħid meta lid-dixxipli tiegħu kien jgħidilhom li fid-dinja jbatu jkollhom, u meta bi kliem San Pietru l-Ispirtu s-Santu qal lill-Knisja li x-xitan qisu ljun idur u jgħarrex madwar il-Knisja biex jaħtaf iċ-ċans li jiblagħha.  Kull Nisrani li hu xbiha ta’ Kristu qisu qiegħed jilgħab “away”, ’il bogħod minn daru minn pajjiżu meta għadu hawn f’din id-dinja. 

 

Il-Knisja hi mqegħda minn Alla fid-dinja biex tkun Dawl, Melħ u Ħmira b’risq id-dinja li hi għadu tagħha, għax Alla jħobb lill-għedewwa tiegħu.  Imma kemm id-Dawl, kemm il-Melħ u kemm il-Ħmira jisparixxu u jinħlew biex jagħtu dawl lill-ambjent mudlam, togħma lill-borma u forma lill-ħobża.  Il-Knisja tmut għad-dinja bħalma Kristu miet għaliha.  Din hi l-Imħabba Waħdanija li teżisti. Barra minn dan, frugħa, passjonijiet u ġibdiet tal-ġisem li kapaċi jinbidlulek f’mibegħda f’sekonda.

 

Għalhekk il-Knisja tikkumbatti matul iż-żminijiet.  Illum għandha kumbattimenti serjissimi. Mhux wieħed, imma ħafna.  Dejjem hekk kien.  Fil-bidu bdew jidhru l-ereżiji, opinjonijiet dwar minn hu Kristu, u dawn kienu theddida kbira li ġew mirbuħa bil-mod il-mod, għalkemm l-influwenza ta’ dawn l-ereżiji għadhom jgħammru fil-Knisja bħalma s-susa tgħix moħbija fl-injam, fit-toqba mudlama tagħha.

 

Il-qilla tal-maltemp laqat bil-qawwa kollha tiegħu lill-Knisja bix-xiżmi l-kbar li kellha, li kienu tnejn, prinċipalment. Xiżma tfisser qasma, firda.  Fejn qabel kellek Knisja waħda, bix-xiżma jkollok tnejn jew iktar.  L-ewwel xiżma kbira kienet il-firda tal-Knisja Ortodossa tal-Lvant mill-Knisja ta’ Ruma fis-sena 1054, waqt li t-tieni xiżma kienet dik Protestanta fl-1517.  Mill-moviment Protestant, imbagħad, tnisslu numru bla għadd ta’ Knejjes u setet li llum jgħoddu l-eluf!  Dan kollu jmur kontra l-għamar ta’ Ġesu li lill-Appostli tiegħu kien qalilhom li huma jintagħrfu li huma tiegħu mill-Għaqda ta’ aħwa ta’ bejniethom u mill-Imħabba lejn l-għadu.  Dawn huma ż-żewġ sinjali li jsalvaw, jiġbdu u jimpressjonaw lid-dinja dejjem, anke fiż-żminijiet tal-lum.  Imma l-firda hi skandlu u thedded li tirriduċi l-Knisja f’moviment ieħor tad-dinja.

 

Bħala reazzjoni ta’ dan il-gwaj, l-Ispirtu s-Santu qajjem fil-Knejjes kollha Nsara ħerqat għal proċess ta’ għaqda mill-ġdid... moviment li jissejjah “l-Ekumeniżmu”.  Dan jitlaq mill-bażi li nsibu dak li jgħaqqadna l-ewwel biex imbagħad nimxu biex niddiskutu bi spirtu ġenwin dak li jifridna.  Dak li jgħaqqadna flimkien u jagħmilna aħwa f’għajnejn il-Missier huwa li l-Knejjes kollha jemmnu fi Kristu bħala Alla u Feddej tal-bniedem li bil-Misteru tal-Għid tiegħU, il-Mewt u l-Qawmien tiegħU, rebaħ merti għad-dinja kollha biex, jekk temmen, issalva.  Meta Kristu huwa fiċ-ċentru, kollox hu possibbli.  Huwa meta flok Kristu, l-bniedem ipoġġi lilu nnifsu fiċ-ċentru ta’ kollox, l-idejat tiegħu, il-kburija tiegħu, il-passjonijiet tiegħu, li jinagħlaq il-bieb għall-għaqda u jitwebbsu l-qlub.

 

L-Ewwel Qari

 

Hi ħaġa naturali għall-bniedem li jingħaqad fi grupp.  Il-bniedem huwa soċjali u ma jissaportix jgħix waħdu.  Fil-grupp isib identità, sigurtà, solidarjetà u għaqda f’għan wieħed.  Imma l-ideja tal-grupp, bla ma trid, twelled mill-ewwel il-firda mill-gruppi l-oħra. Aħna, u l-oħrajn li mhumiex magħna.  Dan ukoll hu żvilupp naturali.  Min iħobb il-grupp tiegħu iħossu mhedded mill-oħrajn li qegħdin fi grupp ieħor.  Dan kollu ġej mill-biża’ tal-Mewt li hu frott id-“Dnub” li beda jgħammar fil-bniedem ftit wara l-ħolqien tiegħu.  It-Torri ta’ Babel beda proċess ta’ firda terribbli li għadu jimmultiplika sal-lum.  Għalhekk il-Knisja, li twaqqfet mis-sagrifiċċju tal-għaġeb ta’ Kristu, għandha tkun sinjal il-kontra ta’ dan; għandha tkun il-qawwa li żżomm il-“break” lil umanità dejjem f’ġirja lejn it-telfien.

 

Il-Ktieb tan-Numru jurina kif Alla għaqqad poplu għalih minn tnax-il tribù jew razez li kienu kollha mnisslin minn Abraham.  Hu tahom Liġi u użanzi biex iktar jgħaqqadhom u jagħtihom identità komuni, u għażel minnhom nies li poġġihom f’ġerarkija ta’ tmexxija.  Dan kollu għall-ġid komuni. 

 

Imma għalkemm il-bniedem għandu bżonn ir-regoli u l-parametri li jikkontrollawh u jiddixxiplinawh, l-Ispirtu s-Santu hu dejjem ħieles u ħafna drabi jissorprendina bil-mod kif jaħdem.  Dan il-qari se jurina li l-bniedem għaqli u matur fil-Fidi, bħalma kien Mosè, hu kapaċi jagħraf il-ħidma tal-Ispirtu anke meta dan jidher li hu kontra dak li jidher sewwa f’għajnejn il-bniedem.  Għandna bżonn dixxerniment, għerf biex ngħarfu dak li jkun ġej minn Alla u dak li mhux.

 

Qari mill-Ktieb tan-Numru.  11, 25-29

 

 F’dak iż-żmien, il-Mulej niżel fi sħaba jkellem lil Mosè, u ħa mill-ispirtu li kellu fih, u tah lis-sebgħin xiħ; u ġara li, hekk kif l-ispirtu qagħad fuqhom, bdew jipprofetizzaw, imma ma ssuktawx.  

 

Issa fil-kamp kien baqa' żewġt irġiel, wieħed jismu Eldad u l-ieħor Medad, u fuqhom ukoll niżel l-ispirtu. Hekk dawn ġew magħduda mal-magħżulin għax, għalkemm ma marrux fit-tinda, bdew jipprofetizzaw fil-kamp.  Dlonk mar wieħed żagħżugħ jgħarraf b'dan lil Mosè, u qallu: Eldad u Medad qegħdin jipprofetizzaw fil-kamp.”  U Ġożwè bin Nun, li minn ċkunitu kien qaddej ta' Mosè, qabad u qal: Sidi Mosè, tħallihomx aktar.”  

 

Iżda Mosè wieġbu: Jaqaw qiegħed tgħir minħabba fija? Jalla l-poplu tal-Mulej ikun kollu profeti, u jalla l-Mulej iqiegħed fuqhom l-ispirtu tiegħu!”

 

Salm Responsorjali

 

Il-ġerarkija fil-Knisja hija mportanti u kapaċi tgħaqqad flimkien meta hi umli u tħares dejjem lejn Kristu bħala ċ-ċentru ta’ kollox.  Fejn ġiet attakkata l-ġerarkija, bħalma ġara fir-riforma Protestanta, għabet l-għaqda u twieldu numru kbir ta’ knejjes żgħar; kull min kien jaħseb li hu xi ħaġa beda jwaqqaf il-knisja tiegħu, u dan għadu jseħħ kuljum sal-lum.

 

Il-Knisja Kattolika dejjem kienet imħarsa mil-ġerarkija tagħha, mil-Papa, Isqfijiet, Presbiteri, Djakni…  Anke meta l-ġerarkija daħlet fi kriżi għax kienet magħmula minn nies li ma kinux Insara tassew, imma fettxew li, flok li jirgħu il-merħla jirgħu lilhom infushom, il-ġerarkija dejjem irriformat lilha nnifisha u reġgħet lura biex taqdi l-Knisja ta’ Kristu b’mod mil-aqwa.

 

Fil-Knisja nibtu l-għedewwa minn ġewwa kull meta għeb il-biża’ ta’ Alla u kibret il-kburija.  Is-Salm li għandna llum jitlob għall-biża’ tal-Mulej li mhux biża’ kif soltu nafuh aħna.  Mhux biża’ minn xi kastig jew biża’ superstizjuż, iżda biża’ safi ta’ dak li jaf li hu dgħajjef u għalhekk kapaċi jitlef it-teżor li hu l-Imħabba ta’ Alla.  Mhux għax Alla ma jibqax iħobbu imma l-bniedem ġust jibża’ li jinġibed lejn l-idoli u jħalli l-Ħajja taħrablu minn idejh biex jiżżewweġ il-Mewt ta’ dejjem.  Din ir-rejaltà tant hi tremenda għal min għandu għajnejn biex jara, li bniedem ġenwin bil-fors li jibża’ li jitlef il-wirt glorjuż tiegħu imwiegħed lilu minn Alla.

 

Dan l-ispirtu jagħmel minn Nisrani bniedem umli li jagħraf id-dgħufija tiegħu u l-kobor tas-sbuħija ta’ Alla.  Il-kontra ta’ dan hi l-kburija ta’ dawk li jilħqu xi ħaġa u jħarsu ’l isfel lejn l-oħrajn bħala iċken u agħar minnhom.

 

Ritornell:  Il-preċetti tal-Mulej iferrħu l-qalb.

 

Salm 19

 

Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti l-ħajja;

ix-xhieda tal-Mulej  hi sewwa,

u tgħallem lil min ma jafx.

 

Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb;

il-kmandament tal-Mulej safi, u jdawwal l-għajnejn.

Il-biża' tal-Mulej sinċier, u jibqa' għal dejjem;

il-ġudizzji tal-Mulej sewwa, u mseddqa għalkollox.

 

Għeżeż mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin,

oħla mill-għasel u mill-qtar tax-xehda.

Fehemhom sewwa l-qaddej tiegħek;

ħlas tajjeb għandu min iħarishom.

 

In-nuqqas min jista' jagħrfu?

Minn dak li ma nafx bih saffini.

U mill-kburija wkoll ħares il-qaddej tiegħek,

tħalliha qatt taħkimni.

Mbagħad inkun bla ħtija

u ħieles minn dnub kbir.

 

It-Tieni Qari

 

Inkompli nirriflettu fuq il-kitba ta’ San Ġakbu fl-Ittra tiegħu.  Ġakbu jisħaq ħafna fuq l-umiltà, jattakka dejjem il-kburija għax jaf li fejn m’hemmx umiltà u sempliċità hemm issib l-ambizzjoni u t-tinwir tal-materjaliżmu li fih riħa ta’ mewt.  Hu jwiddeb il-komunità li lilha kiteb, speċjalment lill-għonja u lil dawk li rnexxew fid-dinja, biex joqogħdu attenti għax dak li jidher ilellex f’għajenjn il-ġisem aktarx li jifred mit-tħannin safi għas-Saltna ta’ Alla.

 

F’dan il-qari Ġakbu jitkellem bl-istess Spirtu ta’ Kristu meta l-Mulej kien qal: “X’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha, imbagħad jitlef Ħajtu?”  Il-bniedem f’sensih jagħraf malajr li l-problema numru wieħed ta’ kull min jgħix hija l-Mewt, u għalhekk l-unika soluzzjoni li tagħmel sens hi l-ħelsien minn din il-qerda ta’ dejjem.  Issa l-flus ma jixtrulekx il-Ħajja għal dejjem.  Kollox jispiċċa u jgħaddi.  Anke l-fama li tkun ħraqt ħajtek kollha biex tibni.  Kollox jinbela’ mill-qabar. 

 

Kollox hu frugħa u bluha ħlief li int issib it-triq li tieħdok lejn il-Ħajja vera li tmur lil hemm mill-qabar.  Ladarba tkun sibtha, ħmar u stupidu tkun jekk tibdilha mal-landi u ċ-ċraret tad-dinja.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu.  5, 1-6

 

Ejjew issa, intom l-għonja, ibku u ixhru fuq l-għawġ li ġej fuqkom!  Ġidkom tħassar, ħwejjiġkom kilithomlkom il-kamla.  Id-deheb u l-fidda tagħkom rabbew is-sadid, u s-sadid tagħkom għad jixhed kontra tagħkom u jiklilkom ġisimkom bħan-nar. Ħżintu l-ġid fl-aħħar jiem! 

 

Ara, il-ħlas tal-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom - ħlas li intom żammejtuhulhom bil-qerq - qiegħed jgħajjat kontra tagħkom, u l-biki ta' dawk li ħasdu wasal f'widnejn il-Mulej ta' l-eżerċti.  Fuq l-art għextu fix-xalar u l-lussu; qgħadtu tissemmnu għall-jum tal-qatla.  Intom ikkundannajtu l-ġust, qtiltuh għax ma jistax jiqfilkom!

 

Evanġelju

 

Gwaj għall-Knisja li tinagħlaq fl-istituzjonijiet u d-drawwiet tagħha bla ma tħalli lilha nfisha miftuħa għaż-żiffa ħielsa tal-Ispirtu s-Santu.  Dan l-Ispirtu hu ħieles u imprevedibbli… ma tafx biex se joħroġlok u b’min se jinqeda.  Il-Knisja ma tistax tindifen f’dak li kien jiswa ħafna qabel u ħadem tajjeb qabel, bla ma tiftaħ il-bibien u t-twieqi għal dak li jista’ jivvinta l-Ispirtu s-Santu. 

 

Il-Knisja ma taffordjax, f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi ta’ Fidi, li ma tħallix lilha nnifisha tiġi invaduta minn Spirtu ta’ tiġdid.  Ma nistgħux ngħalqu l-bieb għall-Ispirtu s-Santu u nafdaw biss fil-proġetti tagħna. Il-Knisja ma tistax tibqa’ tibża’ minn dak kollu li ma jitwilidx minn ġol-qalba, imma tiftaħ beraħ dirgħajja għal dak kollu li jista’ jkun ġej minn Alla, anke jekk għall-ewwel dan ma jkunx ċar f’għajnejha.  Iż-żmien jiċċara kollox għax, kif qal Gamaliel, “Dak li mhux ġej minn Alla jispiċċa fix-xejn.”  (Atti 5, 38).

 

Meta l-Knisja ma tagħtix ċans lil kull min irid jaħdem għal Kristu, imma tibża’ taħdem b’għodda differenti minn dawk li hi mdorrija bihom, allura dan ifisser li hemm kriżi ta’ Fidi.  Nagħmlu u nħaddmu l-proġetti tagħna, mela le, imma nħallu l-Ispirtu jaħdem ukoll.  J’Alla l-poplu kollu jkun poplu ta’ profeti!  Mhux li kien!  Id-difett tal-ġerarkija jkun meta tafda lilha nnifisha iktar mill-Ispirtu s-Santu li dejjem jissorprendi.

 

Min irid jaħdem għall-Knisja, merħba bih!  Il-ġerarkija għandha tgħin, tinkoraġġixxi u tiftaħ it-triq għal kull għajnuna li jibgħatilha l-Mulej.  Ma jimpurtax jekk fil-parroċċa jkollok għad kbir ta’ rejaltajiet.  L-importanti hu li kollha jkunu jaħdmu għal Kristu. 

 

Versett:  Hallelujah. Il-preċetti tiegħek, Mulej, ta’ min joqgħod fuqhom, imwettqin għal dejjem ta’ dejjem. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  9, 38-43.  45.  47-48

 

F’dak iż-żmien: “Mgħallem,” qallu Ġwanni lil Ġesù, "wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f'ismek u ridna nżommuh, għax hu m'huwiex wieħed minn tagħna."

 

Imma Ġesù qal: "La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f'ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi.  Għax min m'huwiex kontra tagħna, huwa magħna.