IT-TIELET HADD TAR-RANDAN (2019) KONVEZ{JONI ISSA: M’HEMMX ZMIEN X’JINTILEF!
Written by Frans Galea   
Saturday, 23 March 2019

Din hija il- Liturgija tat-Tielet Hadd tar-Randan (2019) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

figtreejesusparable.jpg

 

Meta nitkellmu fuq Kristu u fuq dak kollu li għandu x’jaqsam miegħU, hu veru li nispiċċaw nitkellmu fuq morali, kif wieħed jgħix, x’tajjeb għandu jagħmel u x’ħażin għandu jevita.  Il-morali hi parti mit-twemmin fi Kristu, anzi, biex nitkellmu aħjar, hija l-frott tat-twemmin fi Kristu.  Kif jista’ wieħed jgħid li jemmen fi Kristu u ma jgħixx kif jixtiequ Kristu?  Isir bħas-siġra tat-tin fil-Vanġelu tal-lum, li kibret u mtliet bil-weraq, imma fl-aħħar tellfet il-paċenzja lil sidha għax tin m’għamlet qatt.  Din it-tina tixbah lilna jekk nikbru fiżikament u nsiru rġiel u nisa maturi f’kollox barra fil-Magħmudija tagħna li baqgħet mhux biss ma mmaturatx imma forsi għadha żerriegħa bħal meta żergħuha fina ta’ trabi.

 

Imma Kristu mhux dan biss.  Il-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba li hija Kristu ma titkellimx biss fuq kif wieħed jgħix, imma fuq kollox, il-ħin kollu titkellem fuq Mewt u Ħajja.  Kristu huwa kwistjoni ta’ Mewt jew Ħajja għalija, għalik u għal kull maħluq.  Mhux ċajta!  Int, li moħħok biss fil-business, jew fl-isport, jew fil-karriera, jew fil-politika, jew ma nafx f’hiex... ieqaf u aħseb ftit!  Trid tgħix għal dejjem jew tmut għal dejjem?  Daqshekk serja l-biċċa!  Kollha kemm aħna gergirna, min ftit u min ħafna għax ħsibna li Alla hu dak li dejjem jitlob mingħandna.  Anke Mosè gerger għax meta sejjaħlu Alla biex jibagħtu ħalli joħroġ lil Iżrael mill-jasar tal-Eġittu, beża’ u ppanikkja, u beda jġib elf skuża biex jiskappa.

 

Aħna lkoll boloh.  Għomja u boloh.  Alla joffirlna l-Ħajja, u arana nitgerrxu minnU, u nfittux l-Ħajja f’affarijiet materjali li jmutu bħalna.  Iżrael terraq minn art il-forġa tal-jasar tiegħu, iżda ftit jiem wara reġa’ bdielu u ried imur lura.  Il-poplu ħaseb li kien qed jagħmel pjaċir lil Alla u lil Mosè.  L-eżistenza tal-bniedem hi kontinwament tellieqa bejn il-Mewt u l-Ħajja.  Min se jirbaħ lili fl-aħħar tal-ġirja?  Min se jirbaħ lilek?

 

Hu mportanti li fir-Randan, (almenu fir-Randan, għax in-Nisrani suppost li dawn il-mistoqsijiet jagħilhom dejjem), nistaqsu: “Għalfejn qed ngħix?  X’sens għandha l-ħajja tiegħi?  Minn fejn ġejt u fejn sejjer?  Min hu Alla għalija?  Min hu Kristu?  Naf x’inhi l-Knisja?  L-iktar ħaġa mportanti għall-bniedem hi l-Ħajja, u l-Bibbja titkellem fuq dan il-ħin kollu. Infatti, Kristu ma ntbagħatx mill-Missier fid-dinja biex jivvinta reliġjon oħra, jew biex jagħti xi Liġi oħra, jew biex joqgħod jagħmel il-mirakli u jsolvi l-problemi tal-mument.  Hu ġie biex jirbaħ l-ikbar għadu tal-bniedem li hi l-Mewt.  Din hi l-problema vera ta’ kull bniedem.  Hu hawn li jidħlu l-ħelsien u s-salvazzjoni li ġabilna Kristu.  Hu ġie biex jgħix il-Misteru tal-Għid, u t-tletin sena f’dar ommu u t-tliet snin jiġri madwar il-pajjiż, kien tħejjija għas-siegħa li kienet dejjem riesqa: il-waqt tat-taqbida mal-Mewt li għamlet mill-bniedem egoista u midneb.

 

Il-Bxara ta’ Kristu tgħidilna li Hu daħal fil-Mewt biex ikun il-velenu tagħha.  Liema Mewt?  Il-Mewt tiegħi, tiegħek u ta’ kull bniedem.  Dan hu li d-dinja tixtieq, imma d-dinja ma temminx li dan seħħ fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Qiesna xi ħadd iffortunat li wiret somma enormi, imma meta tawh l-aħbar mar riedx jemmen, jew ma sabx is-saħħa jemmen, u għalhekk baqa’ jgħix il-ħajja miskina tiegħu bla ma qatt ma mar il-bank jiġbed  ġidu.  Aħna lkoll għonja mmens, għax għandna b’wirt il-Ħajja ta’ Dejjem u dan mhux b’mertu tagħna imma bil-merti tal-Ubbidjenza ta’ Kristu f’isimna.  Imma aħna dan ma nemmnuhx.  Naħsbu li l-muntanja rridu nitilgħuha aħna, meta telagħha b’tant tbatija Kristu għalina.  San Pawl isejħilna “għedewwa tas-Salib ta’ Kristu” (ara Fil. 3, 18), għax qed inġibu fix-xejn dak li għamel Hu għalina.  Aħna lkoll għonja, ulied is-Sultan, werrieta tal-Ħajja ta’ Dejjem, għax Kristu tqabad mal-Mewt u ġie mqajjem rebbieħ fuqha b’risq tagħna.  Hija din il-Fidi li tagħmilna nies ħielsa biżżejjed biex ngħixu l-Imħabba lejn kulħadd.

 

Aħna lkoll dgħajfa u naqgħu, u nerġgħu naqgħu, għax għandna l-biża’ tal-Mewt jiġri fil-vini tagħna.  “Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?”  (Rum. 7, 24).  Min se jagħtina ċ-ċertezza ta’ Ħajja għal dejjem?  Huwa Kristu l-uniku li miet għalija.  Imma dan mhux bil-paroli imma bil-Fidi.  San Bernard jgħid, f’katekeżi meraviljuża: “Min hu dgħajjef fejn jista’ jsib ħarsien żgur u mistrieħ jekk mhux fil-pjagi tal-Mulej is-Salvatur?  Għamilt dnub kbir u ninsab imħawwad, imma ma niddisprax, għax niftakar fil-pjagi tal-Mulej.  Għax ‘hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna’ (Is. 53, 5). Liema dnub hemm li jista’ jwasslek għall-mewt ta’ dejjem, li minnu ma tħollokx il-mewt ta’ Kristu?  Ħadd ma għandu tjieba aqwa minn din: li jgħati ħajtu għal min hu mejjet u mitluf!  Il-merti tiegħi huma l-ħniena tal-Mulej; ma jonqsu qatt il-merti tiegħi sakemm ma tonqosx il-ħniena tiegħu.  Daqskemm hi kbira t-tjieba tal-Mulej, daqshekk huma kbar il-merti tiegħi. U x’jiġri jekk jien naf li mimli dnubiet?  Xejn, għax ‘fejn kotor id-dnub kotrot fuq li kotrot il-grazzja’ (Rum. 5, 20).”  (Mid-diskors dwar l-Għanja tal-Għanjiet” ta’ San Bernard, Abbati).

 

X’meravilja ta’ kliem!  Kristu huwa teżor li jitkarrab biex jinstab mill-bniedem fqir, fqir mhux mill-flus, imma fqir mit-tjieba, mill-virtu, mill-merti.  Għax il-merti ta’ Kristu saru l-merti tagħna; il-qdusija tiegħU saret il-qdusija tagħna, l-ubbidjenza tiegħU saret l-ubbidjenza tagħna, ir-rebħa fuq il-Mewt tiegħU saret ir-rebħa fuq il-Mewt tagħna.  Din hi l-Glorja tan-Nisrani.  Il-Fidi hi kollox.  Wieħed iħares u jara din il-meravilja kollha, u ieħor iħares u ma jara xejn... X’misteru!

 

Għandu raġun is-Salmista jgħid: “Kull ma hu ġo fija, bierek l-isem qaddis tiegħu, u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.”  (S. 103, 2). Għax jeżisti Alla!  U lil Mosè jgħidlu: “Jiena Hu dak li Hu!”  (Eżod. 3, 14).    Jiena Hu l-Ħaj.  Jien neżisti.  Jien biss Ħaj u kull ħaġa Ħajja tieħu l-Ħajja minni.  Jiena Hu Dak Li Jgħaddi.  Jiena Hu Dak li l-ħin kollu naħdem fl-Istorja.

 

Alla jistedinna biex nikkonvertu lejn il-Grazzja, lejn ir-Rigal mogħti b’xejn li hu l-Għarfien tal-Imħabba mpossibbli li Hu għandu lejna u li ntweriet fi Kristu Ibnu. Saret ħaġa ta’ urġenza kbira li nikkonvertu lejn l-Imħabba qabel ikun tard wisq.  “Int ħaliha, sinjur, għal din is-sena sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel.  Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.” (Lq. 13, 9).  Kollox hu kwistjoni ta’ Mewt jew Ħajja.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tat-Tielet Ħadd tar-Randan.

 

L-Ewwel Qari: Eżodu 3, 1-8a, 13-15.

 

 F’dak  iż-żmien: Mosè kien jirgħa l-merħla ta' ħatnu Ġetru, qassis ta' Midjan, u ħa l-merħla 'l hemm fid-deżert, u wasal sa ħdejn Ħoreb, il-muntanja ta' Alla.  Hawn deherlu l-anġlu tal-Mulej f'ħuġġieġa nar qalb l-għollieq. Mosè ħares u ra l-għollieq jaqbad bin-nar bla ma jintemm.  Mosè qal: “Ħa nersaq u nara din id-dehra ta' l-għaġeb għala m'hux jinħaraq l-għollieq.” 

 

Il-Mulej rah riesaq biex jara, u Alla sejjaħlu minn qalb l-għollieq u qallu: “Mosè, Mosè!” U Mosè wieġeb: “Hawn jien!”  U l-Mulej qallu: “La tersaqx 'l hawn. Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art qaddisa.” U ssokta jgħidlu: “Jien hu Alla ta' missirijietek: Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk u Alla ta' Ġakobb.” Mosè għatta wiċċu, għax beża' jħares lejn Alla.

 

U l-Mulej qallu: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom.  Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani.  

 

Mosè reġa' wieġeb: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom: 'Alla ta' missirijietkom bagħatni għandkom,' u huma jistaqsuni, 'X'jismu?' Jiena xi ngħidilhom?”  Alla wieġbu: “JIEN LI JIEN.” U kompla jgħidlu: “Hekk għidilhom lil ulied Iżrael, 'JIENA-HU bagħatni għandkom.’ ”  U Alla kompla jgħidlu: “Hekk għandek tgħidilhom lil ulied Iżrael: 'Jahweh, Alla ta' missirijietkom, Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk, Alla ta' Ġakobb, bagħatni għandkom.' Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel.

 

Salm Responsorjali: Salm 103

 

Ritornell: Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej.

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B'qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena;

 

Il-Mulej jagħmel is-sewwa,

u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.

Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu,

l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael.

 

Ħanin u twajjeb il-Mulej,

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

 

 Daqskemm huma s-smewwiet 'il fuq mill-art,

hekk hi kbira tjubitu ma' min jibża' minnu.

 

It-Tieni Qari: 1 Korintin 10, 1-6,  10-12.

 

Ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti: missirijietna lkoll kienu taħt is-sħaba, lkoll qasmu l-baħar, lkoll kienu mgħammda f'Mosè fis-sħaba u fil-baħar,  lkoll kielu mill-istess ikel spiritwali,  xorbu tassew mill-blata spiritwali li kienet timxi magħhom, u din il-blata kienet Kristu. Madankollu l-biċċa l-kbira minnhom lil Alla ma għoġbuhx għax ilkoll waqgħu mejta fid-deżert.   Dan ġara b'eżempju għalina, biex ma nixxennqux għal ħwejjeġ ħżiena, bħalma xxennqu huma. 

 

Anqas ma għandkom tgergru, kif għamlu xi wħud minnhom, u qeridhom il-qerried.  Dan kollu ġralhom b'eżempju, u nkiteb bi twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem iż-żminijiet.  Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax.

 

Evanġelju: Luqa 13, 1-9.

 

 

F’dak iż-żmien : Ġew xi wħud u qalulu b'dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom.  U Ġesù qabad u qalilhom: "Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu?  Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom.  Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa' t-torri ta' Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta' Ġerusalemm ?  Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda."

 

U qalilhom din il-parabbola: "Wieħed kellu siġra tat-tin imħawwla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx.  Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa, 'Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f'din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa' tkidd l-art?  Iżda dak wieġbu, 'Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel.  Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.' "