IT-TWELID TA’ SAN GWANN BATTISTA IL-FESTA TAL-PARROCCA (2019)
Written by Frans Galea   
Saturday, 22 June 2019

Din hija il- Liturgija tas-Sollenita' tat-Twellid ta' San Gwann Battista( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

san_gwann_21.jpg

 

Il-Profeta huwa l-bniedem predestinat biex ikun sinjal, imnissel għal dan ġa waqt li jkun qiegħed jintiseġ f’ġuf ommu.  Huwa l-bniedem ta’ Alla per eċċellenza, xhud tiegħu quddiem in-nies komuni imma anke quddiem is-slaten u n-nies setagħna.  Il-Profeta jgħix f’din id-dinja u jdur u jagħqad qalb in-nies, imma mhux tan-nies u lanqas ma hu tad-dinja. Il-missjoni tiegħu hi li jxandar il-Kelma ta’ Alla u hekk iħott is-saqaf tal-konkrit li l-bniedem dejjem jibni bejnu u bejn is-Sema, biex jagħmel preżenti l-ħwejjeġ li ma  jidhrux imma li huma eterni.

 

Huwa l-bniedem “differenti”, sinjal ta’ referenza, dak li malli jarawh in-nies, mill-ewwel jaħsbu dwar Alla.  Anke jekk jisket fommu, bħalma siket dak ta’ Eżekjel, huwa jitkellem bil-preżenza tiegħu.  Huwa dejjem “il-Qaddej ta’ Jahweh” li jinagħtalu wiċċ donnu miksi biż-żnied biex ma jiddejjaqx mill-bżieq tan-nies, li ma jmurx ifittex il-glorja mingħand in-nies u hekk jitnawwar minn ġewwa.  Huwa bniedem bħall-oħrajn... mhuwiex Alla, anke jekk hu mburġat bl-Ispirtu s-Santu li jagħtih dixxerniment, għarfien dwar dak kollu li jiġri madwaru u dak li hemm wara l-għajnejn ta’ min qed ikellmu.  Minħabba dan id-don tal-Ispirtu s-Santu, li huwa d-dixxerniment, huwa jaqra l-Istorja ta’ nies komuni, ta’ slaten u ta’ ġnus sħaħ u jara mill-bogħod il-ġrajja li tkun qegħda tinħema fil-preżent.

 

Imma huwa bniedem.  Hu suġġett għall-mumenti ta’ kriżi tiegħu.  Huwa kbir imma dgħajjef.  Huwa opra ta’ Alla, mhux bniedem-Alla.  Meta hu tassew Profeta, in-nies ifaħħru lil Alla, mhux lilu, meta jarawh.  Anzi meta hu ġenwin, hu jitwerwer quddiem it-tentazzjoni li jisraq il-Glorja lil Alla. Hu konvint li kollox hu frugħa barra Alla u jibki fuq il-kotra belha miġnuna bl-affarijiet li qed imutu.  Hu l-bniedem tal-paċi imma tal-qilla quddiem l-inġustizzja u l-iskandlu.  Hu l-bniedem ta’ qalb ħelwa u umli maċ-ċkejken imma sur tal-ħadid mal-kburi li jgħaffeġ fuq id-dgħajjef.  Hu jibni u jħawwel u jsaqqi u jsaħħaħ, imma wkoll jaqla’, iħott, iġarraf u jidres.

 

Huwa l-bniedem li jitniehed għall-kwiet imma li jagħmel ħafna għedewwa.  Fuq fommu għandu l-Kelma ħelwa li xxandar l-Imħabba ta’ Alla imma wkoll is-saħta quddiem “il-Ġuda” li dejjem jiċħad il-Pjan ta’ Alla.  Hu jixtieq li jwarrab, jinħeba, jfittex kenn fejn jistrieħ, jiskot, jitbiegħed, imma ma jistax jagħmel dan għax il-Kelma hi bħal nar taqbad f’għadmu li ma tħallihx kwiet lejl u nhar.  Huwa hu “il-Ferħan”, il-bniedem mimli bis-sliem ta’ Alla bħal xmara ħanina dejjem tfawwar ġewwa fih, imma arah dejjem dieħel fil-“Mewt”, dejjem fir-riskju, dejjem jgħix il-Misteru tal-Għid, mogħdija dejjiema minn Mewt għall-Ħajja, minn Fidi għal Fidi dejjem akbar.

 

Ġew ħafna Profeti u nies ġusti, li fihom kollha kien hemm dawn id-doni, imma l-akbar wieħed li qat twieled minn mara, skont Kristu, huwa Ġwanni l-Battista, il-Profeta l-Kbir, Elija li kellu jerġa’ jiġi, mimli bin-nar, l-aħħar wieħed iżda l-ewwel.  Hu qiegħed fin-nofs tal-Istorja tas-Salvazzjoni, bejn il-qadim u l-ġdid, la tal-qadim u lanqas tal-ġdid, imwieled fl-imgħoddi imma qed iħabbar il-ġejjieni, magħġun fl-esperjenza ta’ Iżrael imma qed iħabbar il-wasla tal-“Ġdid”, id-Dawl għall-ġnus kollha, ix-Xemx tielgħa, il-Messija li kellu jkeċċi d-dlamijiet u dell il-mewt minn moħħ il-bniedem.  (Lq. 1, 78-79).

 

L-ikbar mument ta’ Ġwanni kien wieħed sempliċi.  Kien qiegħed mad-dixxipli tiegħu ħdejn il-Ġordan, meta ra lil Ġesù riesaq. Għajnejh waqfu fuqU u mtela bid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu.  Mhux hu kien id-Dawl imma l-Ispirtu mlieh bid-Dawl biex jara dak li ħadd ma kien qed jara u, fuq kollox, jifhem dak li kien moħbi minn kulħadd.  Qam fuq tiegħu u waqt li wera b’sebgħu dritt u mimli tensjoni, huwa għajjat: “ArawH il-Ħaruf ta’ Alla, Dak li jneħħi d-dnub tad-dinja!”  (Ġw. 1, 29). 

 

Issa din, iva din, kienet l-ikbar Profezija li qatt intqalet.  F’sentenza waħda, il-Prekursur wettaq il-Missjoni tiegħu.  Lil Pietru Ġesù sejjaħlu “hieni!”; mela lil Ġwanni x’jgħidlu?  Hu wera lil Dak li kellu jiġi, li Iżrael kien ilu jistenna.  Ġwanni kien il-waħdieni li rċieva l-għarfien ta’ x’kellu jwettaq il-Messija.  Din kienet is-solitudni ta’ Ġwanni.  Hu kien il-waħdieni li ma rax iljun riesaq, gwerrier, ħakkiem, mexxej ta’ armati li għalih in-nies imutu, imma Ħaruf ġwejjed li flok imutu n-nies għalih imut hu għan-nies. 

 

Ġwanni ra li Dak li, sa fl-aħħar, kien bagħat il-Missier kien għal kollox Sorpriża, għax il-Missier hu dejjem oriġinali u jaħsad.  Hu ra li s-salvazzjoni ta’ Iżrael ma kinitx mill-poter tal-barrani, lanqas fil-politka, imma li flok qalb tal-ġebel jinagħta qalb tal-laħam.  (Eżek. 36, 26).  Induna Ġwanni bin Żakkarija li lill-bniedem hu għal xejn li tagħtih kollox minn barra jekk ma tbiddlux minn ġewwa.

 

Quddiem dan l-għerf qaddis, Ġwanni jgħajjat u jxandar li l-Messija hu l-Ħaruf li b’demmu kellu jifdi l-kotra bħalma fdiehom fl-aħħar lejl ġewwa l-Eġittu.  Il-Profeta ra kemm kbira kienet il-Grazzja riesqa fuq il-bniedem.  Quddiem il-Ħaruf, Ġwanni nduna li Iżrael kien issa wettaq is-sens tal-eżistenza tiegħu għax kien welled bi tqala kollha wġiegħ lill-Midluk, lill-Kristu ta’ Alla u li minn issa ’l quddiem m’hemmx iktar Lhudi jew Grieg, ilsir jew ħieles, raġel jew mara, imma kollox l-istess, għaqda waħda, poplu wieħed għax il-Ħaruf li kien jidher tant dgħajjef u manswet kellu jġarraf il-ħitan tal-firda bid-demm tiegħu imxerred.

 

U dan, wara kollox, hu l-mandat ta’ kull Nisrani.  Ġwanni jħares lejn in-Nisrani u jgħajjat: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla!”  Għax in-Nisrani hu xbieha ta’ Kristu.  In-Nisrani huwa wkoll Ġwanni, dak li jwitti t-triq għal Kristu.  Huwa  l-Profeta n-Nisrani, għax il-Magħmudija tagħmlu hekk, u jekk aħna qatt ma ħabbarna lil Kristu jfisser li l-Magħmudija tagħna għadha ċkejkna u midbiela. 

 

J’Alla l-Knisja tkun mimlija profeti, kif xtaq darba Mosè.  J’Alla l-Knisja tkun ġemgħa qaddisa ta’ nies li l-Kelma hi bħal nar jaqbad f’għadamha.  J’Alla t-talba ta’ Ġwanni quddiem il-Missier bħalissa tkun li l-Magħmudija ta’ kull wieħed minna, minn nixxiegħa ċkejkna kważi mnixxfa mill-qilla tax-xemx issir għarar ta’ ilmijiet li ħadd ma jista’ jikkontrollahom biex hekk nifqgħu l-għatx tant kbir għal Alla li hemm f’din id-dinja-deżert.

 

Imma dan kollu, inżommu f’moħħna tajjeb, huwa xogħol Alla. Huwa hu fiċ-ċentru u lejH jipponta b’sebgħu Ġwanni.  Huwa Hu l-“Kollox”.  Mhux ta’ b’xejn li s-Salm tal-lum jgħid: “Tal-għaġeb għamiltni.  Int sawwart il-ġewwieni tiegħi u f’ġuf ommi nsiġtni.”  (S. 139).  Ġwanni kien it-tafal, Alla l-Fuħħari.

 

Il-Liturġija tal-Kelma fil-Quddies tal-Jum.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  49, 1-6.

 

Isimgħuni, gżejjer,

agħtuni widen, popli mbiegħda!

Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli,

mill-ġewwieni ta' ommi ftakar f'ismi.

 

Għamilli fommi xabla misnuna,

taħt id-dell ta' idu ħbieni.

Għamel minni vleġġa maħtura,

fil-barżakka tiegħu ħbieni.

 

U qalli:

"Iżrael, inti l-qaddej tiegħi,

bik jiena nkun imfaħħar."

 

U jien għedt: "Għalxejn inkeddejt,

u fix-xejn ħlejt saħħti."

Imma f'idejn il-Mulej il-kawża tiegħi,

u l-ħlas tiegħi għand Alla tiegħi.

 

Issa tkellem il-Mulej,

li minn ġuf ommi għamilni qaddej tiegħu,

biex għandu nraġġa' lura 'l Ġakobb,

u biex Iżrael jinġabar miegħu mill-ġdid,

għax jien kont imfaħħar f'għajnejn il-Mulej,

u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi.

 

Hu qalli:

"Tkun ħaġa żgħira wisq għalik,

li inti tkun il-qaddej tiegħi,

biex tqajjem it-tribù ta' Ġakobb,

u traġġa' lura l-fdal ta' Iżrael.

 

Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus,

biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex."

 

Salm Responsorjali.  S. 139.

 

Ritornell: Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni.

 

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

int taf meta noqgħod u meta nqum,

int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom sewwa.

 

Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi,

u f'ġuf ommi inti nsiġtni.

Nroddlok ħajr, għax b'mod ta' l-għaġeb għamiltni:

ta' l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek.

U 'l ruħi inti tafha tajjeb.

 

Ma kienx moħbi għadmi minnek,

meta kont qiegħed insir fis-satra

u nintiseġ fil-qigħan ta' l-art.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  13, 22-26.

 

F’dak iż-żmien: Pawlu qal: ”Alla, lil missirijietna qiegħed bħala sultan tagħhom lil David, li għalih ta din ix-xhieda:

 

     ’Sibt lil David, bin Ġesse,

     raġel skond qalbi,

     li jagħmel dak kollu li rrid jien.’

 

Min-nisel ta' David, Alla, skond il-wegħda tiegħu, ġieb għal Iżrael salvatur, li hu Ġesù.  

 

Qabel il-miġja tiegħu, Ġwanni ħareġ ixandar magħmudija ta' ndiema lill-poplu kollu ta' Iżrael.  U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal, 'Jien m'iniex dak li intom taħsbu li jien. Imma, araw, warajja ġej wieħed li jien anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta' riġlejh.'

 

"Ħuti, ulied Abraham, u intom mill-ġnus li tibżgħu minn Alla, lilna bagħatha Alla l-aħbar ta' din is-salvazzjoni.”

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  1, 57-66,  80. 

 

Eliżabetta għalqilha ż-żmien biex teħles, u kellha tifel.  Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha.  Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel riedu jsemmuh Żakkarija għal missieru,  imma qabżet ommu u qalet: "Le, iżda Ġwanni jkun jismu."  Qalulha: "Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!" 

 

 Mbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x'ried isemmih,  u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: "Ismu huwa Ġwanni." U kulħadd baqa' mistagħġeb.

 

Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, lsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla.  U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biża', u bdew ixandru dawn il-ġrajjiet kollha ma' l-għoljiet kollha tal-Lhudija,  u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f'qalbu u jgħid: "Mela x'għad ikun dan it-tifel?" U tassew, id il-Mulej kienet miegħu.

 

It-tifel kiber u ssaħħaħ f'ruħu, u baqa' jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Iżrael.