IT-TNEJN U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2019) L-IMKABBRIN MA JISTGHU QATT “JARAW” LIL KRISTU
Written by Frans Galea   
Sunday, 01 September 2019

Din hija il- Liturgija tat-Tnejn u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 

22hadd.jpg

 

Id-dnubiet huma ħafna u xi wħud jirċievu pubbliċità ikbar minn oħrajn, bħad-dnub tas-sesswalità użata ħażin.  Imma dwar liema hu l-ikbar dnub, l-għorrief tal-Knisja, ibbekkjati mill-Iskrittura, dejjem qalu li dan huwa s-suppervja.  Kienet is-suppervja li biha waqa’ l-bniedem fl-Għeden u tilef il-Glorja tal-bidu u wiret il-Mewt.  Anzi nistgħu ngħidu li s-suppervja hi l-omm tad-dnubiet kollha, l-omm tal-irvell tal-bniedem kontra Alla, l-omm tal-flaġelli kollha li waqgħu fuq l-umanità minn Adam ’l hawn. 

 

Is-suppervja hi meta l-bniedem jidħol fl-ingann il-kbir dwaru nnifsu għax jaħseb li hu xi ħaġa meta mhu xejn, li hu aħjar mill-oħrajn meta mhux, li dejjem għandu raġun meta kulħadd għandu tort.  Is-suppervja tagħmel minna nies li naħsbu li m’aħna bżonn ħadd, lanqas ta’ Alla.  Il-bniedem supperv jiddejjaq immens meta xi ħadd jikkritikah, anke b’sens tajjeb biex jgħinu.  Huwa l-bniedem li jħossu qed jitbaxxa jekk ma jċapċaplux kulħadd.  L-ironija ta’ dan kollu hi li bla ma jaf, is-supperv hu “tallab” għax dejjem jitlob il-prosit ta’ kulħadd u hi ta’ mportanza kbira għalih li ma jitlifx wiċċu u li dejjem ifaħħruh. 

 

Dan il-bniedem mhu se jammetti qatt li l-kapaċitajiet tiegħu, li bihom hu jitma’ s-suppervja u l-ideja għolja tiegħu nnifsu, ma akkwistahomx hu bil-ħila tiegħu imma tahomlu Dak li ħalqu.  Qatt mhu rikonoxxenti u grat, la lejn Alla u lanqas lejn il-bnedmin u jekk xi ħadd inaqqaslu xi pens, jirvilla, jiddefendi ruħu, jitqabad “għal ismu”.  Anke bniedem kwiet u mistħi, jekk jifli sewwa għaliex ibati tant minn dawn l-affarijiet, aktarx isib li kollox ġej mis-suppervja li hi sidtu u twerwru li se jaqa’ għaċ-ċajt, li se jidħku bih, li hu inqas mill-oħrajn għax għandu “brain washing” li hu suppost ikun aħjar, jixraqlu jkun aħjar.

 

Issa dan il-bniedem, li jidher tant ikrah, mhux ’il bogħod minna!  Ilkoll għandna minnu.  Ilkoll writnih meta twilidna, min ħafna u min ftit inqas.  Hemm min qal li s-suppervja tagħna tmut kwarta warajna!  Allaħares hu hekk għax ilkoll ikollna problema... Huwa ċar li hawn tinsab il-gwerra qaddisa li kull min jieħu lil Kristu bis-serjetà irid jitqabad: il-gwerra kontra s-suppervja tiegħu innifsu!

 

Hemm ukoll suppervja reliġjuża, jew spiritwali.  Hawn jidħlu l-Fariżej, li għadhom jeżistu sal-lum!  Hawn ħafna li jaħsbu li huma jridu jkunu biex isalvaw lilhom infushom u jpoġġu l-isforzi tagħhom, it-“tjieba” tagħhom, l-opri “tajba” taghħom fiċ-ċentru tal-Istorja tas-Salvazzjoni tagħhom.  Jew huma jew xejn.  Din ukoll hi suppervja.  Kristu mhux il-bidu u t-tmiem ta’ kollox għal dawn in-nies, imma hi l-kapaċità tagħhom li jwettqu penitenzi u osservanzi reliġjużi;  u iktar kemm jaraw li ħaddieħor mhux kapaċi jasal sa fejn jaslu huma iktar jieħdu gost u jiġġudikaw lil dak li jkun biex ibaxxuh u hekk iħossuhom aħjar.  Hu mportanti li jħossu aħjar minn ħaddieħor, is-supperv.

 

L-oppost ta’ dan hu l-bniedem umli.  X’inhi l-Umiltà?  L-Umiltà = Verità.  Il-bniedem isir umli meta jagħraf ix-xejn tiegħu.  Il-Verità dwar kull wieħed minna hi li aħna lkoll niswew żero!!!  Il-bniedem jixxokkja ruħu quddiem il-Verità, imma meta jaċċettaha, u ma jirvillax kontriha, u ma jiddefendix ruħu kontriha, huwa jsir umli u jibdel l-atteġġjament dwaru nnifsu u dwar ħutu l-bnedmin.  Ħafna nies “reliġjużi” jaqgħu fin-nasba tas-suppervja li l-għadu jlestilhom, mingħajr lanqas biss jindunaw. Il-Fariżej qatlu lil Alla bla ma ndunaw, u l-istess jagħmel kull bniedem supperv. 

 

Il-kburija spiritwali hi għadu tas-Salib ta’ Kristu. Din il-kburija tiġi mit-twemmin li kollox jiddependi minna għas-Salvazzjoni tagħna.  Jekk dan hu veru, għalfejn bata Kristu?  Għalfejn is-Salib tiegħu?  Għalfejn il-Missier bagħat lil Ibnu u rħieħ f’idejn id-dlamijiet, jekk l-ubbidjenza lejn il-Liġi u l-kapaċità tal-bniedem kienet ġa biżżejjed?  Hu veru li mingħajr l-“Iva!” sħiħa tagħna u mingħajr il-koperazzjoni tagħna mal-Grazzja, lkoll nintilfu, imma l-awtur waħdieni tas-salvazzjoni tiegħi u tiegħek huwa Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla l-Ħaj li waħdu daħal għalija u għalik fl-esperjenza ħarxa u terribbli tas-Salib, waħdu bla ma sieħbu ħadd ġie mniżżel f’qabar u magħluq hemm taħt l-art, u waħdu u lilu l-Missier qajjem mill-Mewt u għamlu Spirtu li jagħti l-Ħajja ta’ Dejjem lil dawk li jemmnu fiH.  Din hija l-Fidi vera tan-Nisrani: Ġesù huwa l-awtur waħdieni tas-salvazzjoni ta’ kull bniedem.  Mingħajr Ġesù ma jsalva ħadd.  BiH u fiH isalva kulħadd.  U anke li nemmnu fiH hi Grazzja, rigal b’xejn bla ma hu mistħoqq.  Infatti l-Ħalliel it-“Tajjeb” (!) isejħulu “L-Ewwel Teologu Nisrani” għax għex f’laħmu xi jfisser li tiġi salvat billi temmen tassew fi Kristu anke jekk l-opri tiegħek kollha jixhdu kontrik.

 

Din il-Fidi tagħmel minna nies umli!  Tagħmel minna nies anti-Fariżej!  Għax jekk l-Umiltà = Verità, allura aħna nindunaw li n-natura li nġorru bħalissa hi natura mejta, midinba, bla saħħa li twettaq l-Opri Qaddisa tal-Ħajja vera.  Meta ma kellu ebda tama, Abraham ittama u emmen.  (Rum. 4, 18), u Meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena.  Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.  (Rum. 5, 6.8).

 

Jekk David għoġob lil Alla, dan seħħ għax hu kien umli mhux għax qatt ma dineb.  Hu kien jaf li kulma kellu kien Grazzja, kien mogħti lilu bla ma kien jistħoqqlu minn Alla.  Għalhekk meta l-profeta urih dnubu u qallu: “Inti hu dak il-bniedem!”  (2 Sam. 12, 7), hu mill-ewwel fehem u qal: “Jien dnibt kontra l-Mulej!”  (2 Sam. 12, 13).  Minn hawn jitlaq in-Nisrani: “Jien dnibt kontra l-Mulej!” u dan id-dnub kif se jitħassar?  Kif se jitpatta?  Alla ħassar dnub id-dinja billi niżel Hu nnifsu u patta Hu fi Kristu għalih biex jien u int inkunu nistgħu niskappaw mill-korla tal-Liġi li tgħid li min jidneb imut, anzi hu ġa mejjet.  Din hi l-Aħbar it-Tajba li l-Kristjaneżmu jxandar.

 

Min se jilqa’ din l-Aħbar tas-Salib ta’ Kristu?  Ħadd ħlief l-umli.  Fl-ewwel qari, Bin Sirak se jitkellem ċar fuq dan.  Aktar ma tikber fid-dinja, aktar għandek tiċċekken għax bi ftit ħsieb għandek tagħraf li kulma għandek ġie mogħti lilek.  Oqgħod attent, għax xitla ħażina u kiefra tixxettel f’qalbek u min se jaqlagħlek is-suppervja minn hemm?  Hieni l-umli għax Alla jhejjilu kollox jgħid Salm 68 u bħal art għatxana u niexfa Alla jsaqqih bil-favuri tiegħu. 

 

Min jaħseb li hu xi ħaġa, se jsib lil Alla bħal ħuġġieġa nar, swidija, dalma, riefnu u ħsejjes li jwerwru; imma min hu bin Alla għax iċċekken se jinduna li Alla hu żiffa ħelwa li taħji bħalma skopra Elija.  Dawk li jemmnu fihom infushom jiġġudikaw saħansitra lil Kristu u, kif se jgħid San Luqa, joqogħdu għajnejhom fih biex jaqbduh f’xi ħaġa.  Imma dawk li jpoġġu lilhom infushom fl-aħħar post għax jafu ben tajjeb li hemm jixirqilhom joqogħdu, jiġi l-Mulej innifsu u jtellagħhom fil-ġieħ quddiem kulħadd.  Min għandu widnejn, ħa jisma!

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum.

 

qari I

Iċċekken u ssib grazzja quddiem il-Mulej.

Sir 3, 17-20.28-29

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

 

Ibni, kun ġwejjed fix-xogħol li tagħmel, u tkun maħbub iktar minn wieħed milqugħ min-nies. Akbar m’int, iktar għandek iċċekken ruħek, u ssib grazzja quddiem il-Mulej. Ħafna huma l-imkabbrin u l-imsebbħin, imma l-Mulej jikxef lill-umli l-misteri tiegħu. Għax kbira hi s-setgħa tal-Mulej, imma hu msebbaħ min-nies umli. Mhemmx duwa għall-bniedem kollu kburija, għax din ħaxixa ħażina b’għeruqha mxenxla fih. Min għandu l-għerf jifhem il-proverbji u l-għaref ħerqan li jkollu min jisimgħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 67 (68), 4-5aċ. 6-7ab. 10-11

 

R/. (ara 11b) O Alla, int ħejjejt dar għall-fqajjar

 

Il-ġusti jithennew quddiem Alla,

jifirħu u jaqbżu bil-ferħ.

Għannu lil Alla, faħħru ismu.

Tgħaxxqu fil-Mulej, aqbżu bil-ferħ quddiemu. R/.

 

Missier l-iltiema u difensur tar-romol,

hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.

Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom,

u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom. R/.

 

Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla, fuq l-art, wirt tiegħek,

u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha.

Il-poplu tiegħek għammar fiha,

fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha. R/.

 

Qari II

Intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj.

Lhud 12, 18-19. 22-24a

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, intom ma rsaqtux lejn in-nar materjali u jħeġġeġ tas-Sinaj; lejn dak is-swied u d-dlam u r-riefnu; lejn dak id-daqq ta’ tromba u ħoss ta’ kliem li dawk li kienu jisimgħuh talbu bil-ħerqa biex ma jkellimhomx aktar.

 

Imma intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema; ersaqtu lejn eluf ta’ anġli f’ġemgħa ferrieħa; lejn il-ġemgħa tal-ulied ewlenin li isimhom hu miktub fis-sema; lejn Alla l-imħallef ta’ kulħadd; lejn l-erwieħ ta’ nies tajba u perfetti; lejn Ġesù l-medjatur ta’ patt ġdid.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11, 29ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi, jgħid il-Mulej,

u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.

Lq 14, 1.7-14

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Darba, kien is-Sibt, Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek: “Agħti l-post lil dan”, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar.

 

 Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek: “Ħabib, itla f’post aktar ‘il fuq”. U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.

 

Imbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 

Last Updated ( Sunday, 01 September 2019 )