L-AHHAR HADD TAS-SENA (2018-19) KRISTU SULTAN FUQ DAK KOLLU LI JEQRIDNA
Written by Frans Galea   
Sunday, 24 November 2019

Din hija il- Liturgija ta' L-Ahhar Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 l-ahhar_hadd_2019.jpg

 

Il-Knisja hi rigal ta’ Alla lid-dinja.  Hija l-Ġisem ta’ Kristu li tagħha Hu ir-Ras.  Permezz tal-Knisja, Kristu jgħammar kullimkien fid-dinja.  Fejn tersaq il-Knisja jersaq Kristu li jdawwal id-dlamijiet li jgħammru f’qalb il-bniedem. Hu dan li jagħmlu Sultan ta’ kollox u kulħadd għax hu waħdu huwa mdawwal bil-“Ħajja” vera li kiseb bil-Qawmien.  Mill-banda l-oħra l-Knisja hi magħmula minn bnedmin dgħajfa u b’natura “mwaqqa’” bħall-bnedmin l-oħra, imma fihom jinsab għaddej proċess meraviljuż ta’ bidla, ta’ passaġġ, ta’ qawmien.  Għalkemm huma twieldu “Dlam” bħall-oħrajn, qegħdin jinbidlu f’”Dawl”, fi Kristu.  Għalhekk, għalkemm dgħajfa bħal ġarar tal-fuħħar, l-Insara (veri) jġorru dawl li mhux tagħhom imma  mogħti lilhom b’risq il-bqija tal-bnedmin.

 

 

Ħolqien ferut mill-ħelsien tiegħu stess

 

L-univers huwa meravilja maħluq mill-Imħabba iżda hu kollu kemm hu ferut għall-mewt għax l-Imħabba ma setgħetx ma toħloqx ħolqien ħieles fl-għażliet tiegħu, inkella ma kienet tkun Imħabba xejn.  U dan il-ħelsien, f’xi ħin jew ieħor, kellu jintuża ħażin.  Għalhekk iddalmet il-meravilja tal-ħolqien.  Kollox inqata’ minn Alla għax il-bniedem iddubita minn minnU.  Qabel kien parti mill-Ħajja għax parti minn Alla.  Issa sar suġġett għall-Mewt b’għażla tiegħu.  Sar ħlejqa b’natura miġrugħa għax tilef l-innoċenza tat-tfal u sar adult għax jissuspetta f’kollox.  Sar “jaf” bit-tajjeb u l-ħażin u f’Kajjin għaraf li issa kellu ġibda mortali lejn il-qerda tiegħu nnifsu, lejn il-ħażen, lejn id-dlam.

 

Il-bniedem imjassar

 

Il-bniedem induna li fih daħlet is-susa tal-Mewt.  Sab ruħu mkebbeb fil-biża’ tagħha u issa hu kkundannat għal dejjem jaħrab minnha, jagħmel minn kollox biex jegħlibha, ibigħ saħansitra ruħu biex jimmaġina li hu xi alla li ma jmut qatt.  Dan hu d-“Dnub” li jmur lil hinn minn sempliċi ksur ta’ liġi qaddisa.  Id-“Dnub” hu qagħda iktar profonda minn azzjoni moralment ħażina; huwa stat ta’ jasar bil-bniedem il-ħin kollu jċekċek il-ktajjen għax jissielet biex jinħall, imma għalxejn.  Minn hawn ġejja l-kilba għal dik li f’għajnejh tidher li hi “il-Ħajja”: flus, saħħa, fama, suċċess, affetti, passatempi, l-aljenazzjoni tal-vizzji...  Il-bniedem li tilef is-sigurta ta’ Alla, issa jfittixha fl-allat tiegħu.  Għalhekk meta raġel jinġibed lejn mara jew viċiversa, dejjem hemm dan il-bżonn jilgħab bejniethom: il-bżonn tas-sigurtà, ta’ ħelsien minn dak li jeqirdu, tas-sejba ta’ dak li jimlilu l-vojt etern ta’ qalbu.  Barmil vojt jitlob li jimtela’ minn barmil vojt ieħor.  Għalhekk żwieġ pagan hu bla sens u d-divorzju jidher bħala ħelsien, dritt, rebħa għall-bniedem ilsir. Bla ma jrid, hu jċappas anke l-iktar ħwejjeġ qaddisa bl-egoiżmu tiegħu li mhu xejn għajr il-biża’ tal-Mewt li ssemmi l-Ittra lil-Lhud.

 

Fid-dlam tinstema’ Aħbar Tajba

 

Imma fejn hi l-Imħabba quddiem dan kollu?  Fejn hi l-Imħabba li hi Alla li ħalaq kollox?  M’hemmx tama għall-bniedem li wiret dan kollu f’ġuf ommu?  Il-versi 16 u 17 tat-3 Kapitlu ta’ Ġwanni jxandru: Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lill-Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.  Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.  (Ġw. 3, 16-17). 

 

L-Imħabba li hi Alla kienet taf li l-ħolqien tal-univers u tal-bniedem kien se jwassalha għal dan il-punt.  Kollox sar bi Kristu u għal Kristu.  Ir-raġuni u s-sens ta’ kollox hu li fi Kristu, Alla juri Hu min hu: Imħabba lejn l-għadu li hi aqwa mill-mewt; Dawl aqwa mid-dlam; Qdusija aqwa mid-dnub.  Alla kien totalment ġeneruż fil-ħoqien meraviljuż ta’ kollox, l-aktar tal-bniedem.  Imma ħafna, ħafna aktar minn hekk Hu kien ġeneruż ma’ kollox u ma’ kulħadd meta, fi Kristu, ħa fuqu t-tinwir tan-natura tal-bniedem u ġarrha miegħu lejn il-mewt tas-Salib.  Hemm, fuq is-Salib, kien qed imut il-bniedem il-qadim, il-bniedem tas-suspett, il-bniedem supperv li ried jieħu post Alla.  Fuq is-Salib, Kristu xtara l-Maħfra għal kull bniedem li qatt ġibed nifs ’il ġewwa. Imma mhux biss...

 

Kristu Sultan fuq il-Mewt

 

Kristu ġie mqiegħed Sultan ta’ kollox u fuq kollox għax daħal minn jeddu fil-Mewt u qasamha għalina biex, bi Grazzja, nindunaw li l-Mewt hi gidba, li l-Mewt naturali tal-ġisem fiżiku mhix u qatt ma kienet il-Mewt eterna tal-bniedem.  Għal min jemmen, Kristu ġab fix-xejn l-għerq, il-kawża, il-prinċipju ta’ kull azzjoni ta’ dnub tal-bniedem: il-Mewt.  Min huwa l-Bniedem il-Ġdid?  Min huwa l-bniedem tassew Ħaj?  Min huwa l-bniedem li, bħal Kristu, jista’ jħobb anke lil min isallbu?  Min huwa l-bniedem li bi Kristu għeleb id-dinja u l-beżgħat kollha tagħha?  Huwa dak li jemmen li fi Kristu Alla miet għalih u qam mill-Mewt biex sar Spirtu Ħaj għal dejjem li jinagħta lill-bnedmin.

 

In-Nisrani jsaltan ma’ Kristu

 

Min jirċievi l-Grazzja ta’ din il-Fidi jirċievi wkoll l-Ispirtu rebbieħ fuq il-Mewt ta’ Kristu, l-Ispirtu s-Santu.  Dan l-Ispirtu jixhed lill-ispirtu tagħna li aħna mhux se mmutu, li aħna ħajjin għal dejjem u li hemm wirt jistenniena li bħalu la għajn qatt ma rat u lanqas widna qatt ma semgħet.  Min jirċievi dan kollu jsir Ħuġġieġa ta’ Mħabba li tieħu post il-biża’ tal-Mewt li jibqa’ jdur ma’ min ma jemminx fi Kristu. Bir-rebħa tiegħu, Kristu sar Sultan tal-Univers, imma l-istess in-Nisrani!!  Għax in-Nisrani u Kristu huma ħaġa waħda. 

 

Kif jista’ jkun dan?  Aħna nagħmlu din il-mistoqsija għax id-dinja u l-esperjenza tal-ħajja daħħlulna ġo moħħna, għamlulna “brain-washing” li int trid tkun, li int, bl-isforzi tiegħek trid tilħaq din il-perfezzjoni.  Xejn minn dan!  Anzi, kollox hu Grazzja.  Kollox hu għotja gratis, b’xejn.  Inħarsu lejn Marija.  Hi tqalet bl-Iben ta’ Alla b’opra li ma kinitx tagħha, jew tagħha u ta’ xi bniedem ieħor, imma totalment bl-opra tal-Ispirtu s-Santu. In-Nisrani hu ġarra tal-fuħħar li fiha hemm storjat l-Ispirtu s-Santu rebbieħ fuq il-Mewt, l-Ispirtu tas-Sultan tal-univers.  Ġarra li faċli titbenġel, tixxaqqaq, tixxellef.  Ilkoll inġorru ġewwa fina t-tbenġil u x-xquq tal-waqgħat tagħna. 

 

Il-glorja ta’ din il-ġarra dgħajfa hi li hi tgħid “Iva!” għall-proposta li Alla jagħmel.  Imma Kristu hu fidil!  Kristu hu fidil ma min jemmen fiH.  Huwa Sultan għax Hu biss hu ħaj biżżejjed li kapaċi jħobb lill-għadu.  Kristu biss il-waħdieni qatt ma mess miegħu l-egoiżmu, qatt ma poġġa lilU nnifsu fl-ewwel post imma ġie biex jaqdi lill-midneb, jitbaxxa quddiemu, jilqa’ l-bżieq li suppost ċappas wiċċ il-bniedem, refa’ s-salib li l-bniedem warrab, u ħa minfloku  l-Mewt li kien qed igħix.

 

Aħna werrieta tas-Sultan il-Kbir

 

San Pawl daħal f’dan il-Misteru, anke hu bi Grazzja.  Fil-qari tal-lum, lill-Insara jgħidilhom: Roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.  Ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub. (Kol. 1, 12-14).  Liema Saltna?  Liema wirt?  Il-Ħajja ta’ Dejjem; il-Ħajja Dejjem li tibda ġa minn hawn u tilħaq il-milja wara l-Mewt fiżika.  Dawk li jikbru fil-Fidi fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, jikber Kristu fihom u jsiru xhieda tal-Ħajja ta’ Dejjem.  Ħafna ma jemmnux fiha.  Ħafna oħrajn jgħidu li jemmnu imma l-mod kif jgħixu u l-beżgħat tagħhom juru li dan mhux veru.  Id-dinja mxennqa biex tara lil ulied Alla li għandhom l-istess natura tiegħU, jiġifieri Ħajja li ma tintemmx mal-Mewt fiżika, ċertezza ta’ għixien għal dejjem, rebħa totali fuq il-Mewt.  Dawn huma s-Slaten li jirtu d-dinja, Slaten kopja tas-Sultan il-Kbir li hu Kristu Ġesù.

 

Il-Liturġija tal-Qari tal-lum:

 

Qari I

Lil David dilkuh sultan fuq Iżrael.

2 Sam 5, 1-3

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

 

F’dak iż-żmien, it-tribujiet kollha ta’ Iżrael ġew għand David f’Ħebron u qalulu: “Arana, għadmek u laħmek aħna! Fl-imgħoddi, meta Sawl kien sultan fuqna, kont int li kont toħroġ lil Iżrael għall-gwerra u ġġibhom lura, u l-Mulej qallek: “Int għad tirgħa l-poplu tiegħi u tkun prinċep fuq Iżrael”.

 

U x-xjuħ kollha ta’ Iżrael ġew għand is-Sultan f’Ħebron u s-sultan David għamel patt magħhom f’Ħebron quddiem il-Mulej; u lil David dilkuh sultan fuq Iżrael.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 121 (122), 1-2.4-5

 

R/. (ara 1): Sejrin ferħana f’dar il-Mulej

 

Fraħt meta qaluli:

“Sejrin f’dar il-Mulej!”

Diġà qegħdin riġlejna

fi bwiebek, Ġerusalemm! R/.

 

Ġerusalemm, mibnija bħal belt,

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu,

it-tribujiet tal-Mulej. R/.

 

Biex, skont il-liġi ta’ Iżrael,

ifaħħru isem il-Mulej.

Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq,

it-tronijiet tad-dar ta’ David. R/.

 

Qari II

Daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub.

Kol 1, 12-20

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

 

Ħuti, roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji

li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.

Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam,

u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub,

li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet.

 

Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx,

il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;

għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art,

dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx,

Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat.

Kollox bih u għalih kien maħluq,

hu li hu qabel kollox,

u kollox fih qiegħed iżomm.

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.

Hu li hu l-bidu,

il-kbir li qam mill-imwiet,

sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

 

Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha;

bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu;

bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib,

ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 11, 9.10

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!

Imbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna!

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.

Lq 23, 35-43

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, wara li sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek”. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”.

 

Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna!”. Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Last Updated ( Sunday, 24 November 2019 )