HADD IL-PALM (2020) IL-MISTERU TAL-MESSIJA LI KELLU JBATI
Written by Frans Galea   
Saturday, 04 April 2020

Din hija il- Liturgija ta' Hadd Il-Palm (2020)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

hadd_il-palm_2020.jpg

Din l-imxija terribli tal-virus li qed iqaċċat il-ħajja ta’ tant nies, ġabitna quddiem il-mera fejn qed ikollna nħarsu lejna nfusna u niskopru b’ħasda kemm sirna nies imwerwra mit-tbatija.  Il-koronavirus hija tbatija enormi.  Ħafna nies qed imutu waħedhom.  Qrajt l-istorja ta’ żagħżugħ, l-Amerika, adoloxxent, li miet isejjaħ lil ommu u lil missieru, abbandunat, imwerwer, imdawwar b’nies ma jafhomx, lebsin ilbies “tal-ispazju” biex ma jiddakkrux minnu.  Ħadd ma jaf kemm se ndumu, jew fejn hu l-qiegħ.  X’differenza mill-ħajja u l-kultura li konna ssawwarna fiha!  Konna sirna ġenerazzjoni ta’ nies komdi, nivvintaw soluzzjonijiet għall-iċken tbatija.  Lit-tfal darrejnihom jippretendu kollox u malajr.

 

 

Ġimgħa Mqaddsa b’differenza

 

Ir-Randan riesaq lejn tmiemu.  Randan li fih dħalna fis-skiet liturġiku.  Randan li ra l-knejjes tagħna jinagħlqu.  Randan tassew speċjali, sajmin mill-Ewkaristija ħajja u t-Tqarbin bil-Ġisem tal-Mulej.  Fuq kollox Randan, li kontra n-natura tiegħu, fih il-Knisja ma tistax toffri s-Sagrament tal-Konverżjoni, il-Qrar. 

 

Imma jista’ jkun Randan ħafna interessanti għax, b’din l-Istorja li l-bnedmin tad-dinja kollha qed jgħixu, qed ixandar b’leħen għoli, mingħajr priedki, l-umiltà.  L-Umilta!  Kemm m’aħna xejn!  Kemm aħna ċkejknin quddiem l-Istorja.  Il-bniedem, bl-avanzi tiegħu f’oqsam differenti, beda jħares lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ qabel bħala nies lura, żminijiet tad-dlam, kultura ta’ nies b’moħħha magħluq. Hekk ippruvat tikkonvinċina l-kultura dominanti tal-lum.  Jekk dari l-bniedem kien jibża’ jidneb, illum jidħku bih, jgħajruh antik, tal-medjuevu, jibża’ mill-babaw.  Kbirna fis-suppervja u l-bniedem modern beda jemmen li dak li jmiss b’idejh u jara b’għajnejh biss jeżisti u li hu sar ‘alla’ ta’ kulma jara madwaru.  L-ispazju qaddis u etern, li hu ’l barra minn dak li kapaċi jifhem moħħu, ma jeżistix.

 

Issa nqala’ dan il-virus u kkrolla kollox!  B’dieqa kbira naraw lill-bniedem jinfixel... il-President tal-Amerika, l-ewwel jgħid li din mhi xejn ħlief influwenza tas-soltu, imbagħad idoqq l-irtirata u jitħawwad quddiem in-numri terribli ta’ dawk imdakkrin u dawk mejtin.  L-ekonomija, alla falz prim, qegħda tiġġarraf f’temp ta’ ftit ġimgħat!  Min kien jemminhom dawn l-affarijiet?  Tant aljenazzjonijiet li jġennu l-bniedem bl-attrazzjoni tagħhom, żarmaw.  Agħraf o bniedem ix-xejn tiegħek!

 

Il-ġimgħa tan-Nisrani

 

Fost dan l-inkwiet kollu, r-Randan 2020 għadda bħal berqa.  Wasalna fil-Ġimgħa Mqaddsa.  Il-Ġimgħa tan-Nisrani.  Il-Ġimgħa li fiha nerġgħu ngħixu Misteru.  Ngħixu ħaġa li qajla naslu biex nifhmuha jekk mhux meta nemmnu tassew fiha.  Din hija l-Ġimgħa tar-Rebħa tal-bniedem fuq dak kollu li jinkwetah u joqtlu.  Hija l-Ġimgħa li tiġbor, kważi fit-totalità tagħha, il-Fidi Nisranija.  F’hiex jemmen in-Nisrani jekk mhux fil-Misteru tal-Għid tal-Mulej tagħna?  U b’ “Għid”  irridu nidraw infissru mhux biss il-Qawmien ta’ Ħadd il-Għid, imma it-tbatija, il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien bħala Misteru wieħed, Ġrajja waħda.  In-Nisrani ma jemminx f’teoriji, jew filosofiji, jew, biex ngħid hekk, “tagħlim”, imma hu jemmen fi Ġrajja storika li seħħet fi żmien definit, f’ambjent geografiku li lkoll nafuh.

 

Seħħet Ġrajja.  Bniedem inqabad mill-għedewwa tiegħu, ġie meħud il-Qorti, ikkundannat għall-mewt u msallab fuq għolja barra l-belt ta’ Ġerusalemm.  Imma dak li jriegħed l-umanità f’dan kollu huwa l-fatt li dan il-bniedem kien Alla nnifsu, liebes laħam il-bniedem fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret.  Alla ħalla lilu nnifsu jinqabad mill-bnedmin, u l-bnedmin qatlu fuq forka tal-biża’ lil Dak li ħalaqhom.  X’sens fih dan kollu?  Għalfejn din il-moħqrija kollha?

 

Il-Messija li jbati.  Għaliex?

 

Kif ġa għidna, trabbajna f’soċjetà komda li titmeżmeż mis-salib, mit-tbatija.  F’isem il-ħarba mit-tbatija qed noqtlu t-trabi fil-ġuf, u lix-xjuħ ukoll, “biex ma jbatux”.  Dari, missirijietna kienu jsumu r-Randan kollu; illum nagħmlu xi tiċlieqa ’l hawn u ’l hemm.  Barra minn Malta, jridu jneħħu l-kurċifissi minn fejn ikun hemm it-tfal biex, imsieken, ma jarawx moħqrija li tiskandaliżżahom u tbeżżagħhom.  Ninsabu f’soċjeta li twerwret f’żewġ gwerer kbar u issa daħlet f’qoxritha.  Hi soċjeta li għaliha hu diffiċli mmens tifhem għaliex il-Messija kellu jbati.

 

Għaliex kellu jbati daqshekk, il-Mulej Ġesù? Ma setax għallimna kif għandna nġibu ruħna...?  Ma setax għex ħajja itwal u spiċċa biex għamel suċċess bl-għerf tiegħi?  Għaliex għażel falliment kollu mrar u wġiegħ? 

 

Salvazzjoni mill-Mewt ta’ dejjem

 

Ħafna nies jinsabu ħerġin mill-Knisja propjament għax m’għandhomx tweġiba għal din il-mistoqsija.  Sar diffiċli għal ħafna li jemmnu li għandhom bżonn Salvazzjoni.  Salvazzjoni minn xhiex?  Ħadd ma jemmen li hu lsir.  “Ilsir jien?  Ilsir il-bniedem?  Ħallina!  Bil-mod il-mod qed nirbħu l-problemi kollha!”  L-aħbarijiet li qed nisimgħu bħalissa tefgħet lill-bniedem fi kriżi; qed jinduna li serraħ moħħu fuq ir-ramel.

 

Jagħmel x’jagħmel, il-bniedem, jien u int ma nistgħux naħarbu mill-verità terribli li l-Mewt ma nistgħux insolvuha, ma nistgħux nirbħulha.  Din hi l-problema li twelled il-poblemi kollha.  Min se jidħol idendel il-ġolġol ma għonq il-bhima li twerwirna u tikkundizzjonana?  Min se jneħħi l-biża’ tal-Mewt u jirbħilna Ħajja għal dejjem?  Il-bniedem qata’ qalbu u qal li l-aħjar hu li wieħed ma jaħsibx, jaljena ruħu, jinsa, jintefa’ fil-ġenn ta’ din il-ħajja qasira, jagħmel il-flus, jixtri, jgħix komdu bla tbatija, ifittex il-pjaċir f’kollox... imbagħad meta jasal il-gwaj il-kbir, imbagħad... imbagħad naraw!

 

Kristu qasam il-Mewt

 

L-Opra l-Kbira ta’ Kristu mhix li għamel il-mirakli jew li għallem xi morali iktar perfetta, imma li l-Missier bagħtu biex jitqabad mal-Mewt u jneżżagħha mill-Gidba li biha hi twerwer il-bnedmin: li kollox jispiċċa biha, li hi l-aħħar kelma u warajha m’hemm xejn ħlief baħħ.  Hu ħalla lilu nnifsu jittiekel minnha biex ikun il-velenu li jeqridha.  Dehret għall-ewwel darba l-Ħajja għal Dejjem fuq wiċċ l-art.  Hu Kristu li rebaħhielna bl-Ubbidjenza tiegħu li hi l-kontra tad-diżubbidjenza ta’ Adam u hekk reġa’ reġġa’ lura l-umanita’ lejn l-oriġini, lejn il-bidu, il-‘ġenesi’ tagħha.

 

U dwar it-tbatija tiegħu, Kristu qal: “Meta terfgħu ’il fuq lil Bin il-bniedem, imbagħad tagħrfu li jiena hu.”  (Ġw. 8, 28).  Hu kellu jiġi merfgħuH fuq is-Salib bejn sema u art bħala l-offerta tal-umanità biex jitpatta Dnub id-dinja.  Hu ħa fuqu d-dnubiet tagħna lkoll; u dawk li jinagħtaw il-Grazzja li jemmnu jidħlu f’esperjenza tal-għaġeb: iħossuhom tassew ħielsa, iġġustifikati, qaddisin quddiem il-Missier, mhux bil-merti tagħhom imma bil-merti ta’ Kristu!  Dan hu l-ferħ tan-Nisrani u għalhekk Kristu qal li meta jitgħolla fuq is-Salib fl-eqqel tal-Għotja tiegħu, kellu jiġbed lejh il-bniedem għax qatt ma dehret Imħabba bħal din li l-vittma ħallset il-prezz tal-ħelsien ta’ min ġagħlha tbati.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir.

Is 50, 4-7

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem,

biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.

Ta’ kull filgħodu jqajjimli lil widinti,

biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.

Sidi l-Mulej fetaħli widinti,

u jiena ma webbistx rasi,

ma rġajtx lura.

Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,

ħaddejja lil dawk li kien jnittfuli lħiti;

ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.

Sidi l-Mulej jgħinni,

għalhekk ma nitħawwadx;

għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:

jien naf li ma jkollix mniex nistħi.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 21 (22), 8-9.17-18a.19-20.23-24

 

R/. (2a): Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

Dawk kollha li jarawni jidħku bija,

jgħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:

F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!

Ħa jsalvah hu, għax bih jitgħaxxaq!”. R/.

 

Qabda klieb daru għalija;

ġemgħa nies ħżiena rassewni.

Taqqbuli idejja u riġlejja;

nista’ ngħodd għadmi kollu. R/.

 

Ħwejġi qasmu bejniethom,

jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.

Mulej, la titbegħidx minni;

qawwa tiegħi, fittex għinni! R/.

 

Inxandar ismek lil ħuti;

infaħħrek f’nofs il-ġemgħa.

Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;

sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb!

ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael! R/.

 

Qari II

Kristu ċekken lilu nnifsu; għalhekk Alla għollieh.

Fil 2, 6-11

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

 

Ġesù Kristu li għad li kellu n-natura ta’ Alla,

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir,

sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;

ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,

anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet

u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù

– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkubbtejhom,

u kull ilsien jistqarr:

“Ġesù Kristu hu l-Mulej”,

għall-glorja ta’ Alla l-Missier.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Fil 2, 8-9

 

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,

u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Mt 26, 14 - 27, 66

 

Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skond San Mattew

 

I

 

F’dak iż-żmien, wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar għand il-qassisin il-kbar u qalilhom:

 

“Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom?”

 

U huma tawh tletin biċċa tal-fidda bħala ħlas. Minn dak il-ħin beda jfittex okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom.

 

Fl-ewwel jum tal-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesù u qalulu:

 

“Fejn tridna nħejjulek l-ikla tal-Għid?”

 

U hu qalilhom:

 

Ġ “Morru l-belt għand it-tali, u għidulu: “Qallek l-Imgħallem: Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla tal-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi”.”

 

Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew l-ikla ta’ l-Għid. Għall-ħin ta’ filgħaxija qagħad fuq il-mejda flimkien mat-Tnax, u waqt l-ikel qal:

 

Ġ “Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini”.

 

Huma bdew isewdu qalbhom ħafna u kull wieħed minnhom beda jsaqsih:

 

“Jaqaw jien, Mulej?”

 

U Ġesù weġibhom:

 

Ġ “Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt wieħed miegħi, dak li se jittradini. Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!”.

 

Qabeż Ġuda, dak li ttradieh, u qallu:

 

“Jaqaw jien, Rabbi?”

 

Wieġbu Ġesù:

 

Ġ “Int qiegħed tgħidu”.

 

Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newlu lid-dixxipli u qal:

 

Ġ “Ħudu, kulu, dan hu ġismi”.

 

Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, newlilhom il-kalċi u qal:

 

Ġ “Ixorbu lkoll minnu, għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet. Ngħidilkom, li ma nerġax nixrob iżjed minn dan il-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid magħkom fis-Saltna ta’ Missieri”.

 

Kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imbagħad Ġesù qalilhom:

 

Ġ “Ilkoll kemm intom se titħawdu minħabba fija f’dan il-lejl; għax hemm miktub: “Nidrob ir-ragħaj, u n-nagħaġ tal-merħla jitferrxu”. Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom”.

 

Qabeż Pietru u qallu:

 

“Jekk kulħadd jitħawwad minħabba fik, jiena ma nitħawwad qatt”.

 

Qallu Ġesù:

 

Ġ “Tassew, ngħidlek, li dal-lejl, qabel ma jidden is-serduk, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet”.

 

Qallu Pietru:

 

“Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!”.

 

U d-dixxipli l-oħra wkoll, kulħadd qal l-istess.

 

Imbagħad Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu wasal f’qasam, jgħidulu l-Ġetsemani, u qal lid-dixxipli:

 

Ġ “Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm immur hemmhekk nitlob”.

 

U ħa miegħu lil Pietru u ż-żewġ ulied ta’ Żebedew, u beda jsewwed qalbu u jiddejjaq.

 

Imbagħad qalilhom:

 

Ġ “Għandi ruħi mnikkta għall-mewt, ibqgħu hawn u ishru miegħi”.

 

Mexa kemmxejn ’il quddiem, inxteħet wiċċu fl-art jitlob u jgħid:

 

Ġ “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int”.

 

Ġie ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin; u qal lil Pietru:

 

Ġ “Mela ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi? Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef”.

 

Għat-tieni darba raġa’ mar jitlob u qal:

 

Ġ “Missieri, jekk dan il-kalċi ma jistax jgħaddi mingħajr ma nixorbu, tkun magħmula r-rieda tiegħek”.

 

Mill-ġdid ġie u sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas. Ħalliehom, u raġa’ mar jitlob għat-tielet darba, u qal l-istess kliem. Imbagħad ġie ħdejn id-dixxipli u qalilhom:

 

Ġ “Issa se torqdu u tistrieħu? Ara, is-siegħa waslet, u Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin. Qumu! Ejjew immorru! Araw, dak li se jittradini huwa fil-qrib!”.

 

Kif kien għadu jitkellem, ġie Ġuda, wieħed mit-Tnax, b’ġemgħa kbira ta’ nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta mill-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu. Issa dak li kien se jittradih kien tahom sinjal u qalilhom:

 

“Lil dak li nbus, dak hu: aqbduh”.

 

U minnufih resaq fuq Ġesù; u qallu:

 

“Is-sliem għalik, Rabbi!”.

 

U biesu. U Ġesù qallu:

 

Ġ “Ħabib, għalhekk ġejt int!”.

 

Huma resqu lejh, meddew idejhom fuq Ġesù u qabduh. Wieħed minn dawk li kienu ma’ Ġesù ħareġ idu u silet is-sejf, darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu.

 

Imbagħad Ġesù qallu:

 

Ġ “Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered. Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun ta’ anġli? Iżda mbagħad kif isseħħ l-Iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?”

 

Fl-istess waqt Ġesù qal:

 

Ġ “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u bil-bsaten biex taqbdu lili! Jien kuljum kont inkun bilqiegħda fit-tempju ngħallem, u ma żammejtunix. Iżda dan kollu ġara biex isseħħ il-kitba tal-profeti”.

 

Imbagħad id-dixxipli kollha telquh u ħarbu. Dawk li qabdu lil Ġesù ħaduh quddiem Kajfa, il-qassis il-kbir, fejn ġa kienu nġabru l-kittieba u x-xjuħ. Pietru kien baqa’ miexi warajh mill-bogħod sal-palazz tal-qassis il-kbir; daħal ġewwa u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja biex jara kif kienet se tintemm il-biċċa.

 

Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollha bdew ifittxu xhieda foloz kontra Ġesù bil-ħsieb li jagħtuh il-mewt, iżda għalkemm resqu bosta xhieda foloz, ma sabux fuqiex jixluh. Fl-aħħar resqu tnejn u qalu:

 

“Dan qal: “Nista’ nħott it-tempju ta’ Alla u nerġa’ nibnih fi tlitt ijiem”.”

 

Il-qassis il-kbir qam u qallu:

 

“Xejn ma twieġeb? X’inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?”

 

Imma Ġesù baqa’ sieket. Imbagħad il-qassis il-kbir qabad u qallu:

 

“Aħlifli fuq Alla l-ħaj u għidilna jekk intix il-Messija, Bin Alla”.

 

Qallu Ġesù:

 

Ġ “Inti qiegħed tgħidu. U ngħidilkom ukoll: minn issa ’l quddiem għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ dak li jista’ kollox u ġej fuq is-sħab tas-sema”.

 

Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat ilbiesu u qal:

 

“Din dagħwa! Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda? Ara, smajtuha issa d-dagħwa! X’jidhrilkom?”

 

Huma weġbuh u qalu:

 

“Ħaqqu l-mewt”.

 

Imbagħad beżqulu f’wiċċu u tawh bil-ponn, u xi wħud tawh bil-ħarta u qalulu:

 

“Aqta’ min tahielek, Messija, din id-daqqa!”.

 

Intant Pietru kien hemm barra bilqiegħda, fil-bitħa tal-palazz. U resqet fuqu waħda qaddejja u qaltlu:

 

“Int ukoll kont ma’ Ġesù tal-Galilija!”.

 

Imma hu ċaħad quddiem kulħadd u qal:

 

“Anqas naf xi trid tgħid”.

 

Imbagħad warrab lejn il-bieb, lemħitu qaddejja oħra u qalet lil dawk li kienu hemm:

 

“Dan kien ma’ Ġesù ta’ Nażaret”.

 

U raġa’ ċaħad u ħalef:

 

“Jien ma nafux lil dan il-bniedem!”.

 

Wara ftit dawk l-istess nies resqu lejn Pietru u qalulu:

 

“Tassew, inti wkoll wieħed minnhom, għax għandek il-kisra ta’ kliemek tikxfek”.

 

Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef:

 

“Le, ma nafux lil dan il-bniedem!”.

 

U minnufih is-serduk idden. U Pietru ftakar fil-kliem ta’ Ġesù meta qallu: “Qabel ma s-serduk jidden, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet”. U ħareġ ’il barra jibki biki ta’ qsim il-qalb.

 

L-għada filgħodu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu ftiehmu lkoll bejniethom biex lil Ġesù jaqtgħuhielu għall-mewt. Rabtuh u ħaduh magħhom biex jagħtuh f’idejn Pilatu, il-gvernatur. Imbagħad Ġuda, it-traditur, meta ra li Ġesù kien ikkundannat, nidem u mar bit-tletin biċċa tal-fidda għand il-qassisin il-kbar u x-xjuħ biex jerġa’ jagħtihomlhom lura; u qalilhom:

 

“Dnibt, għax ittradejt demm bla ħtija!”.

 

Iżda huma qalulu:

 

“Aħna din x’inhi affari tagħna? Dak arah int!”.

 

Hu waddab il-flus fis-santwarju, telaq u mar tgħallaq.

 

Imbagħad il-qassisin il-kbar ġabru l-flus minn hemm u qalu:

 

“Dawn ma nistgħux inqegħduhom ma’ l-offerti, għax huma prezz tad-demm”.

 

Ftiehmu bejniethom, u b’dawk il-flus xtraw “l-Għalqa ta’ Ħaddiem il-Fuħħar,” biex fiha jidfnu l-barranin. Kien għalhekk li dik l-għalqa ssemmiet “l-Għalqa tad-Demm”, u hekk għadha magħrufa sa llum. Imbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Ġeremija meta qal: “U ħadu t-tletin biċċa tal-fidda, il-prezz ta’ dak li kien stmat bil-prezz mogħti minn ulied Iżrael, u tawhom għall-għalqa ta’ ħaddiem il-fuħħar, kif ikkmandani l-Mulej”.

 

II

 

Ġesù waqaf quddiem il-gvernatur, u dan staqsieh:

 

“Int is-sultan tal-Lhud?”

 

U Ġesù wieġbu:

 

Ġ “Int qiegħed tgħidu”.

 

Iżda meta l-qassisin il-kbar u x-xjuħ bdew jakkużawh, hu ma wieġeb xejn. Għalhekk Pilatu qallu:

 

“M’intix tisma’ kemm ħwejjeġ qegħdin jixhdu kontra tiegħek?”

 

Iżda hu anqas għal akkuża waħda ma wieġeb, hekk li l-gvernatur baqa’ mistagħġeb ħafna.

 

Nhar ta’ festa, il-gvernatur kien soltu jitlaq wieħed ħabsi, lil min iridu huma. Dik il-ħabta kellhom wieħed ħabsi magħruf, jismu Barabba. Mela kif kienu miġbura, Pilatu qalilhom:

 

“Lil min triduni nitilqilkom, lil Barabba jew lil Ġesù li jgħidulu l-Messija?”

 

Għax hu kien jaf li kienet l-għira li ġagħlithom jagħtuh lil Ġesù f’idejh. Issa waqt li kien bilqiegħda fuq is-siġġu tat-tribunal, martu bagħtet tgħidlu:

 

“Qis li ma jkollokx x’taqsam ma’ dan ir-raġel ġust, għax illum minħabba fih batejt ħafna fil-ħolm”.

 

Iżda l-qassisin il-kbar u x-xjuħ ġiegħlu l-poplu jitolbuh lil Barabba u jeqirdu lil Ġesù. Il-gvernatur, mela, raġa’ staqsiehom:

 

“Lil min triduni nitilqilkom minnhom it-tnejn?”

 

Weġbuh ilkoll:

 

“Lil Barabba”.

 

Qalilhom Pilatu:

 

“U x’nagħmel b’Ġesù li jgħidulu l-Messija?”

 

Weġbuh ilkoll:

 

“Sallbu!”.

 

Hu staqsiehom:

 

“Imma x’għamel ħażin?”

 

Huma aktar bdew jgħajtu u jgħidu:

 

“Sallbu!”.

 

Meta mbagħad Pilatu ra li kollox kien għal xejn, anzi li aktarx kienet se tinqala’ xi rewwixta, qabad, ħasel idejh fl-ilma quddiem il-poplu u qal:

 

“Jien m’iniex ħati ta’ dan id-demm: dan arawh intom!”.

 

U l-poplu kollu qabeż u qal:

 

“Demmu fuqna u fuq uliedna!”.

 

Imbagħad telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.

 

Imbagħad is-suldati tal-gvernatur ħadu lil Ġesù fil-Pretorju, u ġabru quddiemu lil sħabhom kollha. Neżżgħuh, u xeħtulu fuqu mantar aħmar skur; qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk u qasba f’idu l-leminija, inxteħtu għarkubbtejhom quddiemu, u qagħdu jiddieħku bih u jgħidulu:

 

“Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!”.

 

Beżqu fuqu, u ħadulu l-qasba minn idu u bdew jagħtuh biha fuq rasu. Imbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu l-mantar u xeddewlu ħwejġu.

 

U ħaduh magħhom biex isallbuh. Huma u sejrin sabu raġel minn Ċireni, jismu Xmun, u ġagħluh jerfagħlu s-salib. Meta waslu f’post jgħidulu Golgota, jiġifieri post il-Qorriegħa, tawh jixrob inbid b’taħlita morra; hu daqu, imma ma riedx jixorbu. Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti, u nxteħtu bilqiegħda u qagħdu hemm

għassa tiegħu. U qegħdulu fuq rasu l-kawża tal-kundanna tiegħu li kienet tgħid hekk: “Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud”.

 

Imbagħad miegħu sallbu żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh, iċaqilqu rashom u jgħidu:

 

“Int li tħott it-tempju u fi tlitt ijiem terġa’ tibnih, salva lilekinnifsek jekk int l-Iben ta’ Alla, u inżel minn fuq is-salib!”.

 

Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih mal-kittieba u x-xjuħ u jgħidu:

 

Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Hu s-sultan ta’ Iżrael! Ħa jinżel issa minn fuq is-salib u nemmnu fih! Hu jafda f’Alla; ħa jeħilsu issa, jekk iħobbu! Għax hu qal: “Jiena Bin

Alla!”.

 

U bl-istess mod bdew imaqdruh ukoll il-ħallelin li kienu msallbin miegħu.

 

Mis-sitt siegħa ’l quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa. U madwar id-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi u qal:

 

Ġ “Elì, Elì, lemà sabaqtàni?”

 

Jiġifieri: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”

 

Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu:

 

“Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!”.

 

U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża mimlija bil-ħall, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob, waqt li l-oħrajn qalu:

 

“Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah!”.

 

Imma Ġesù raġa’ għajjat għajta kbira u radd ruħu.

 

Kulħadd jinżel għarkubbtejh u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.

 

U ara l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel; l-art theżhżet, il-blat inqasam, l-oqbra nfetħu, u qamu ħafna iġsma ta’ qaddisin li kienu mietu, li ħarġu mill-oqbra u wara l-qawmien tiegħu daħlu fil-Belt imqaddsa u dehru lil bosta nies.

 

Iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta’ Ġesù, kif raw l-art titheżheż u jiġri dak kollu, imtlew b’biża’ li ma bħalu u qalu:

 

“Dan kien tassew Bin Alla!”.

 

III

 

Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu fil-Galilija: fosthom kien hemm Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied Żebedew. Xħin sar fil-għaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta’ Ġesù; mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù. Imbagħad Pilatu ordna li jingħatalu. Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f’liżar nadif, qiegħdu fil-qabar ġdid tiegħu li kien ħaffer fil-blat, gerbeb ġebla kbira fid-daħla tal-qabar, u telaq. Iżda Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra baqgħu hemm bilqiegħda biswit il-qabar. L-għada, jiġifieri meta għadda Jum it-Tħejjija, il-qassisin il-kbar u l-Fariżej inġabru għand Pilatu u qalulu:

 

“Sinjur, aħna ftakarna li dan il-bniedem qarrieq, meta kien għadu ħaj, qal: “Wara tlitt ijiem inqum”. Mela ordna li l-qabar ikun imħares tajjeb sat-tielet jum, li ma jmorrux jiġu d-dixxipli

tiegħu jisirquh, u jgħidu lill-poplu: “Qam mill-imwiet”. U hekk il-qerq tal-aħħar ikun agħar minn tal-ewwel!”.

 

Qalilhom Pilatu:

 

“Għandkom l-għassa. Morru ħarsuh tajjeb kif tafu”.

 

U huma marru jissiġillaw il-ġebla biex il-qabar jibqa’ mħares sewwa, u ħallew ukoll l-għassa miegħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Last Updated ( Saturday, 04 April 2020 )