IS-SEBA’ HADD TAL-GHID (2020) TLUGH IL-MULEJ FIS-SEMA – LAPSI IS-SEMA PAJJIZNA!
Written by Frans Galea   
Saturday, 23 May 2020

Din hija il- Liturgija tas-Seba' Hadd tal-Ghid (2020) Tlugh il-Mulej fis-Sema (Lapsi)  bi hsibijiet  min Joe Rapa .

lit220.jpg

 

In-Nisrani, jew hu bniedem differenti mill-bqija, jew mhu Nisrani xejn.  din id-differenza li ġejja mill-Fidi tiegħu tidher fil-mod ta’ Ħajja li jgħix.  Ma rridx nirreferi għal modi morali ta’ Ħajja li kulħadd jaf x’inhuma. Jien d-differenza prinċipali li nara fin-Nisrani u li timmarkalu għal kollox il-karattru tiegħu hi li hu “Bniedem Ħaj” għax fih kiber l-Ispirtu ta’ Dak li rebaħ il-Mewt.  din hi l-għajn tad-differenza kollha.   Li kieku mhux għax hu “Ħaj” kieku jista’ jkollu intenzjoni tajba ħafna u jisforza l-jum kollu biex jobdi l-kmandamenti, imma f’xi ħin jew ieħor se toħroġ il-verità li mhu differenti xejn mill-oħrajn.  Wara kollox anke ħafna mill-pagani jippruvaw jgħixu Ħajja moralment tajba u għandhom il-valuri morali tagħhom.

Xi jfisser tkun “Ħaj”.  Din l-espressjoni tkellem fuqha Kristu u ma jien ngħid xejn ġdid.  Lil wieħed żagħżugħ li ried imur warajh imma talbu jistennih ftit sakemm imur jagħmel funeral lil missieru, Hu qallu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda inti mur u xandar is-Saltna ta’ Alla.”  (Lq. 9, 60).  U l-Mulej Ġesù kompla kkonferma dan it-tagħlim li ried jgħaddielna dwar “il-bniedem” meta jispiċċa l-parabbola tal-Iben il-Ħali billi jgħid: “Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan huk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab.”  (Lq. 15, 32).

 

Li tkun “Ħaj” skont Kristu jfisser li jien u int nikbru biżżejjed fil-Fidi fiH li ma nibqgħux iktar ilsiera tal-biża’ tal-mewt, imma fil-mewt naraw il-bieb li jinfetħilna għal pajjiżna li qiegħed jistenniena.  Il-bniedem “Ħaj” tinagħtalu bi Grazzja, u mhux jakkwistaha hu, ħerqa qaddisa ġewwa fih li jasal dak il-Jum Glorjuż tat-Twelid tiegħu għas-Sema.  Min għandu din il-ħerqa mimlija tensjoni ġewwa fih, li ma tistax tkun ġejja minnu imma mill-Ispirtu s-Santu li jgħammar fih, għandu ġa minn hawn il-Ħajja ta’ Dejjem... ġa qed iduq il-Ġenna.  Ġwanni l-Evanġelista jgħid: “Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx jinsab fil-mewt.”  (1 Ġw 3, 14).

 

Mela, il-prova li wieħed “għadda  mill-mewt għall-Ħajja diġa minn hawn hija li għandu ħaġa li l-oħrajn ma jistax ikollhom: l-Imħabba saħansitra lejn l-għadu.  Dan imur kontra n-natura marida tagħna u trid tkun seħħet il-Magħmudija fil-milja tagħha fina, jiġifieri miet il-bniedem li twelidna u kbirna bih, u twieldet natura oħra fina, dik ta’ Kristu nnifsu.  Għax hu Kristu biss u waħdu li kapaċi jħobb lill-għadu, jiddefendih u jifhmu... u l-bniedem li Kristu jikber u jsir adult fih jagħmel l-istess.  Dawn in-nies għandhom il-mewt mirbuħa ġewwa fihom u minħabba f’hekk ħelsu mill-egoiżmu li hu iben il-mewt u jistgħu jgħaddu bl-Imħabba għal għand l-ieħor, anke meta l-ieħor hu differenti, hu rival, jheddek.

 

Biex joħloq poplu bħal dan, li Kristu neża’ minn kollox, iċċekken b’mod terribbli u għex il-Misteru tal-Mewt u l-Qawmien tiegħU.  Huwa ħares lejn il-kotra u beka fuqha għax ra x’saħta qiegħed jgħix taħtha l-bniedem.  Kristu jara l-kotra mejta minħabba l-biża’ tal-mewt!  Hemm frażi fir-rakkont tal-qawmien ta’ Lażżru li tgħid: “U Ġesù beka.”  (Ġw. 11, 35).  Baqgħu famużi dawn iż-żewġ kelmiet.  Kif seta’ jibki minħabba Lażżru meta kien jaf Ġesù li l-Missier kien ġa tah is-setgħa li jqajmu mill-mewt?  Kif seta’ jibki lil Lażżru, meta anke qabel ma miet ittardja milli jmur jarah għax kien jaf x’kien ġej?  Kristu beka fuq il-kotra li ra quddiemu, nies mejta li ma jafux x’inhu l-ħelsien mill-mewt.  Kristu jibki fuqi, fuqek, jibki fuqna għax ilkoll nixtiequ mmorru l-Ġenna kieku, imma ħadd minna ma jrid imut.  Ngħixu f’kuntradizzjoni enormi, imma mhux tort tagħna.  Minħabba din it-tensjoni tal-mewt, aħna mbuttati nidinbu, nidinbu u nerġgħu nidinbu.  U Kristu jxerred id-dmugħ tiegħu għax il-Ħajja insterqitilna.

 

Għalhekk San Pawl, li kellu l-mogħdija mill-mewt għall-Ħajja miktuba fuq il-laħam ta’ qalbu għax għexha b’mod tal-għaġeb, jgħidilna fit-Tieni Qari tal-lum: “Ħalli Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta’ għerf li jirrivelahielkom biex tagħrfuha sewwa; u jdawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom; x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu mal-qaddisin.”  (Ef. 1, 17-18).  Il-Ġenna hi l-wirt li tana naqsmu mal-qaddisin!  Il-kultura dominanti bniet saqaf tal-konkrit fuq rasna u ħadd m’għadu jikkontempla s-Sema, il-Ġenna, iktar.  X’ħasra!  X’klawstrofobja!  Midfunin f’dinja li tgħix għal hawn biss.  X’talba meraviljuża, din ta’ Pawlu!  Għandna l-ħila nagħmluha tagħna?  Għandna l-ħila nitolbu fuq kollox li uliedna jgħaddu mill-mewt għall-Ħajja u “jaraw” b’għajnejn ġodda x’inhi tassew il-Ħajja, iktar milli nitolbu biex jgħaddu mill-eżamijiet, biex ikolhom suċċessi, biex ma jimirdu qatt?  Għax ħadd ma jista’ jagħti milli m’għandux.

 

Il-Knisja llum tgħix din l-esperjenza tal-għaġeb tar-ritorn solenni ta’ l-Iben għand il-Missier, bil-Misteru tal-Għid imwettaq.  Kristu rebħilna l-Ħajja!  Qiegħed jagħtihielna fuq il-platt tal-Fidi.  Min jemmen ma jibqax iktar marbut ma’ hawn; ma jibqax iktar jibża’; ma jibqax jagħmel muntanja minn kull żrara ta’ problema li tivvinta d-dinja.  Min hu “Ħaj” fi Kristu, għalih jasal mument meta tassew jixba’ hawn, u jitniehed għas-Sema pajjiżu.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh.

Atti 1, 1-11

 

Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel.

 

Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, “li fuqha – qalilhom – smajtu x’kont għedtilkom: Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom, fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu”.

 

Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”. Hu weġibhom: “M’hijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art”.

 

Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 46 (47), 2-3.6-7.8-9

 

R/. (6): Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ

Jew

Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Popli kollha, ċapċpu idejkom,

għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!

Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,

sultan kbir fuq l-art kollha. R/.

 

Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ,

il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

Għannu lil Alla, għannu,

għannu lis-sultan tagħna, għannu. R/.

 

Għax Alla s-sultan tal-art kollha:

għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.

Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,

joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. R/.

 

Qari II

Alla qiegħed lil Sidna Ġesù fil-lemin tiegħu fis-smewwiet.

Ef 1, 17-23

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

Ħuti, Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta’ għerf u rivelazzjoni biex tagħrfuh sewwa. Hu jdawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom; x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu mal-qaddisin.

 

Tagħrfu x’inhu l-kobor bla qjies tas-setgħa tiegħu fina li emminna,

skond il-ħila tal-qawwa kbira tiegħu

li ħaddem fi Kristu,

meta qajmu mill-imwiet

u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet,

’il fuq minn kull Saltna u Setgħa,

minn kull Qawwa u Ħakma,

’il fuq minn kull isem li jissemma,

mhux biss għaż-żmien ta’ issa, imma wkoll għal li ġej.

Iva, qiegħed kollox taħt riġlejh,

u għamlu ras fuq il-Knisja kollha,

li hi Ġismu,

il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 28, 19a.20b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, jgħid il-Mulej.

Jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.

Mt 28, 16-20

 

Għeluq tal-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Last Updated ( Saturday, 23 May 2020 )