Din
hija il- Liturgija tas- Solennita' tat-Trinita' Qaddisa ( L-Gharfien ta' Alla hu l-aqwa gherf) bi hsibijiet min Joe Rapa .
Hemm pjan meraviljuż wara
l-Istorja ta’ kull bniedem. Ħafna jibqgħu ma jindunawx b’dan. Alla ħalaq lil kull wieħed minna biex
il-mixja tal-Ħajja twassalna biex nagħrfuH, inħobbuH u naqduH, biex imbagħad
immorru ngawduH f’Ħajja tixbaħ lil tiegħu, jiġifieri Ħajja bla tmiem mimlija
hena u sliem. Bosta jaħsbu li din hi
ħrafa tal-‘fairies’, imma dawk li, bi Grazzja, esperjenzjaw, għexu tassew dan kollu,
baqgħu imbelha b’dak li sabu. Kellu raġun Ġwanni l-Evanġelista jgħid li
n-Nisrani li jimxi ’l quddiem fil-Fidi jidħol minn hawn stess fil-Ħajja ta’
Dejjem. “Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja.” (1 Ġw. 3, 14).
Fil-bniedem hemm vojt li ma
jissaportihx. Dan il-vojt ikellmu b’mod
profond fuq is-sens tal-Ħajja. Huwa
jixpruna lill-bniedem biex ifittex il-verità dwar l-eżistenza tiegħu: għalfejn
qiegħed jgħix; x’sens għandha l-Ħajja? Ħafna ma jħaffrux wisq għat-Teżor. F’wiċċ l-għalqa tal-Istorja malajr jikxef dak
li toffri d-dinja: għana, saħħa, sesswalità, fama, suċċessi, karriera, familja,
xi passatemp... Dak il-vojt ma jiflaħx
ma jimteliex, imma min ma jħaffirx iktar ’l isfel, jinduna li għalkemm dawn
“l-idoli” huma kollha mpressjonanti u għandhom ġibda tal-għaġeb fuq il-bniedem,
l-ebda minnhom ma għandu l-figura eżatta tal-vojt tiegħu. Il-bniedem jibqa’ mhux ‘mimli’, mhux
sodisfatt, mhux kuntent, dejjem iħoss li t-tfittxija tiegħu għas-sens tal-Ħajja
għadha ma waslitx fi tmiemha.
Huwa
dan il-vojt li mbotta lil ħafna nies, xi wħud għorrief oħrajn sempliċi, xi wħud
għonja oħrajn foqra, xi wħud ġejjin minn
ambjent pagan oħrajn minn kultura reliġjuża, xi wħud daqu “to the full”
mid-dnub tad-dinja oħrajn kienu iktar “kwieti”... huwa dan il-vojt li mbuttahom
biex jagħtu ċans lil Alla. Abraham dar
l-idoli kollha tal-pajjiżi li fihom għex qabel ma sema’ leħen il-Mulej. Din nistgħu ngħidu li hi xi ftit jew wisq
l-Istorja ta’ kulħadd. L-iskoperta ta’
min hu Alla, l-esperjenza tgħallimna, hi l-unika li għandha x-“shape” tal-vojt
li fniena. Tant hu hekk li min isib lil
Alla ma jistax iżommu għalih għax il-Ferħ u l-eżultanza li jitnisslu mil-laqgħa
ħajja ma’ Kristu jimbuttawhom jaqsmu dak li rċivew b’xejn mal-oħrajn. Meta wieħed jistagħna, ma jħossux imbuttat
jaqsam li għandu ma’ ħaddieħor, anzi!
Imma min isib il-Verità, iva.
Illum,
il-Knisja tagħmel Festa, tagħmel Solennità minn din il-Verità li hi Alla, minn
din ir-Rejaltà superlattiva li hi biss kapaċi timla qalb il-bniedem. Mhux se noqogħdu nikkontemplaw fuq kif Tliet
Persuni jagħmlu Alla Wieħed... L-anglu
ċkejken li taparsi pprova jimla l-baħar kollu f’toqba ċkejkna fir-ramel
jiskoraġġina li nagħmlu dan għax lanqas S. Wistin ma wasal imkien quddiem dan
il-Misteru enormi. Għax jekk Alla hu xi
ħaġa li moħħ il-bniedem jista’ jifhimha, dan x’Alla hu?
Quddiem
dan il-Misteru hemm żewġ toroq li jinfetħu: jew inkunu umli, ngħarfu ċ-ċokon
tagħna u naċċettaw li Alla hu dak li hu;
jew inkella, fis-suppervja tagħna niċħdu li teżisti xi ħaġa jekk ma
narawhiex, jekk ma mmissuhiex, jekk ma nifhmuhiex. Inkunu bħal dak in-nemlu li jara żrara
quddiemu u jistagħġeb bil-kobor tagħha quddiem għajnejh, u jagħti qima lilha,
bla ma jinduna li hu jinsab f’tarf muntanja li l-biċċa l-kbira minnha hi
mitlufa ’l fuq mis-sħab, hemm fejn għajn in-nemlu ma tistax tasal.
Imma
Alla ċċekken biex wera ruħU! Hu wera
ruħU lill-bniedem li għandu bżonn Salvazzjoni. U dak li wriena hu li Alla hu
Missier, Missier mimli Mħabba, anżi hu l-Imħabba. Hu jifhem u jaċċetta lill-bniedem hekk kif
inhu, imma jagħmel minn kollox biex isalvah mill-Mewt ta’ dejjem. Din l-Imħabba Hu wriehilna fi Kristu Ġesu,
fil-Misteru tal-Għid ta’ Ibnu, u dan kollu jinfiltra fil-moħħ ċkejken tagħna
bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu li hu Dawl li jkeċċi d-dlam.
Iżda
Alla jinteressaH ħafna li juri ruħU lil dawk li ma jafuHx u ma jagħrfuHx. Kif jagħmel dan? Billi jifforma Ġemgħa ta’ aħwa li fihom Hu
jgħammar. Minn din il-Ġemgħa joħorġu
Sinjali, xhieda li juru li Alla jeżisti għax dawn is-Sinjali l-bniedem ma
jistax jivvintahom hu, imma jwettaqhom Alla nnifsu fihom. U dawn is-Sinjali huma tnejn: L-Imħabba lejn
l-għadu u l-Għaqda ta’ bejn l-aħwa.
Id-dinja timpressjona ruħha meta tara dawn id-dwal għax imkien ma
ssibhom fiha.
Din
il-Ġemgħa ta’ nies għandha isem: il-Knisja.
Huma Ġemgħa ta’ nies normali, dgħajfa, imwielda egoisti u midinba bħal
kulħadd. Imma skoprew l-Imħabba tal-Missier
għalihom, murija fi Kristu, u dan skoprewh bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu,
b’Don, Rigal mogħti lilhom b’xejn biex ikunu xhieda. Il-grazzja
ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla, u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu, tkun
magħkom ilkoll. (2 Kor. 13, 11-13).
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum.
Qari I
Il-Mulej hu Alla li jagħder u jħenn.
Eż 34, 4b-6.8-9
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, Mosè qam filgħodu kmieni, u
tala’ fuq il-muntanja tas-Sinaj, kif kien ordnalu l-Mulej, u ħa f’idejh iż-żewġ
twavel tal-ġebel. Imbagħad il-Mulej niżel fi sħaba u waqaf hemm maġenbu; u
xandar l-isem tal-Mulej. U l-Mulej għadda minn quddiemu u għajjat: “Jaħweh!
Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u
fil-fedeltà”.
Mosè minnufih inxteħet għal wiċċu fl-art, ta
qima u qal: “Jekk jien tassew sibt ħniena quddiemek, Sidi, ħa
jiġi Sidi ġo nofsna, nitolbok; għax dan hu poplu rasu iebsa. Aħfrilna ħżunitna
u ħtijietna, u ħudna b’wirt għalik”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Dan 3, 52.53.54.55.56
R/. (52b): Ta’ min ifaħħrek u jgħollik fuq
kollox għal dejjem
Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna. R/.
Imbierek ismek, qaddis u msebbaħ. R/.
Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes
tiegħek. R/.
Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini, li
ħarstek tinfed l-abbissi. R/.
Imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek. R/.
Imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema. R/.
Qari II
Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba
ta’ Alla, u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu.
2 Kor 13, 11-13
Għeluq tat-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu
milli wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla ta’
l-imħabba u s-sliem ikun magħkom. Sellmu lil xulxin b’bewsa qaddisa.
Il-qaddisin kollha jsellmulkom. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’
Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Apok 1, 8
Hallelujah. R/. Hallelujah
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu
s-Santu,
lil Alla li hu, u li kien, u li għad irid jiġi.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bih hija
ssalva.
Ġw 3, 16-18
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu
l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’
dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja,
imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat;
iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben
il-waħdieni ta’ Alla”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|