Din
hija il- Liturgija tas- Solennita' ta tal-Gisem u d-Demm ta' Kristu ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa .hsibijiet min Joe Rapa .
Dan
il-“week-end” il-qlub ta’ dawk li ma jgħaddux mingħajr iċ-ċelebrazzjonijiet
Liturġiċi tal-Fidi tagħna, se jifirħu bil-kbir għax wara tliet xhur ta’
pandemija globali, li xi ftit għadha magħna, bibien il-knejjes tagħna se
jerġgħu jiftħu biex jiġi mill-ġdid iċċelebrat l-Misteru glorjuż tal-Ewkaristija
Mqaddsa. U hija propju s-Solennità ta’
Corpus Domini, il-Festa tal-Ewkaristija, tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu li
jinagħta għalina, li se tiftaħ il-bibien li inagħlqu għall-ewwel darba f’min
jaf kemm snin. Alla joħroġ il-ġid
għall-Knisja tiegħu minn kollox u t-tama tagħna hi li anke f’dan il-mument
storiku hemm Pjan Misterjuż ta’ Alla li għadna m’aħniex narawh.
L-Ewkaristija,
il-Quddiesa, li l-Knisja tiċċelebra l-ħin kollu u f’kull ġurnata madwar
id-dinja kollha, hi l-Memorjal tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu. Xi jfisser dan? Il-kelma “Memorjal” hi ferm iktar minn
sempliċi tifkira. Fl-Ewkaristija aħna ma
nagħmlux biss “tifkira” ta’ dak li Kristu wettaq għalina. “Memorjal” tfisser li int, jien, il-Knisja
nerġgħu ngħixu mill-ġdid il-Misteru tal-Għid.
Fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija jerġa’ jseħħ, mhux fiżikament, l-Għid
ta’ Kristu, u min ikun preżenti b’dispożizzjoni tajba, jerġa’ jiġbor il-frott
kollu li rebaħ għalina Kristu bl-ubbidjenza tiegħu. Inkitbu volumi bla għadd fuq dan li qed
ngħidu aħna bi kliem tassew fqir. Imma
meta jien nidħol mill-bieb tal-Knisja biex inkun preżenti għall-Quddiesa, jien
inpoġġi ruħi preżenti biex nilqa’ fija l-merti li Kristu rebaħ għalija fuq
il-Kalvarju u fil-Qawmien glorjuż tiegħU.
Dawn huma l-merti li lilna jsalvawna għall-Ħajja ta’ Dejjem.
Il-Malti
m’għandux kelma li tispjega l-profondità tal-kelma “Memorjal” li aħna nġibuha
“tifkira”. Fl-Ewkaristija, aħna iktar
milli niftakru f’dak li għamel għalina l-Mulej Ġesù, nerġgħu ngħixu mill-ġdid,
qisu l-Għid ta’ Kristu qed iseħħ dak il-ħin.
Kristu jinagħta għalina waqt il-Quddiesa, mhux iktar fiżikament għax dan
għamlu darba għal dejjem fuq il-Kalvarju, imma b’mod spiritwalment reali u veru
waqt li l-Knisja tiċċelebra l-Misteru tal-Ewkaristija. Kristu għex il-mogħdija tal-Għid, il-mogħdija
mill-Mewt għall-Ħajja qabel din seħħet fiżikament, meta hu ċċelebra l-ikla tal-Għid
flimkien mal-Appostli. Il-Lhud kienu
jiċċelebraw din l-Ikla darba f’sena mhux biex jiftakru biss f’dak li Alla
għamel għalihom meta qalagħhom mill-jasar tal-Eġittu, imma fuq kollox biex
jerġgħu jgħixu fidwa mill-jasar tal-preżent, mill-jasar issa tad-dnub u ta’
kull qagħda ta’ niket u rbit. Dan hu
l-għerq tal-Ewkaristija tagħna.
Il-Knisja
primittiva dan fehmitu mill-ewwel u kienet “tgħix” bl-Ewkaristija. L-Atti tal-Appostli jgħidilna li l-Insara kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-appostli,
u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb. (Atti 2, 42).
Il-“qsim tal-ħobż” hija riferenza primittiva għall-Ewkaristija. Huma kienu ċerti li l-Fidi tagħhom fil-Mewt u
l-Qawmien ta’ Kristu kienet il-garanzija ta’ Ħajja għal dejjem, li ma
tispiċċax. Għalhekk kellhom bżonn jgħixu
u jerġgħu jgħixu dan l-Avveniment li mmarka l-Istorja tal-bniedem kull darba li
kienu jiċċelebraw l-Ewkaristija u jaqsmu bejniethom il-Ġisem u d-Demm
tal-Mulej, ħaġa li kien ordnalhom Ġesù nnifsu fl-Aħħar Ċena: Imbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu,
newwilhulhom u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira
tiegħi.” Hekk ukoll wara l-ikla ħa
l-kalċi u qal: “Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred
għalikom.” (Lq. 22, 19-20).
San
Pawl ukoll jagħmel enfasi fuq l-importanza li l-Komunità Nisranija tiltaqa’
flimkien biex tgħix mill-ġdid il-Misteru tal-Għid tal-Mulej meta lill-Korintin
iħeġġiġhom: Jien irċivejt mingħand
il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li
fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: “Dan hu ġismi
li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u
qal: “Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu,
b’tifkira tiegħi.” Mela kull meta tieklu
dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma
jiġi. (1 Kor. 11, 23-26).
It-Testment
il-Ġdid iħabbar, u San Pawl jenfasiżżah ħafna dan il-punt importanti, li
l-bniedem bit-tjieba kollha tiegħu, bl-opri tiegħu eċċ ma jistax jifdi lilu
nnifsu, ma jistax iqajjem lilu nnifsu mill-Mewt tad-dnub, ma jistax iwelled
lilu nnifsu mill-ġdid. Huwa Kristu li
jagħmel li dan kollu jseħħ billi miet Hu minflok il-bniedem biex il-midneb
jgħix għal dejjem. Hu huwa l-Ħaruf divin li patta għal kull bniedem. Hija din il-Fidi li ssalvana u li tagħnilna
“ġodda” u kapaċi nagħmlu l-Opri qaddisa li ġa kienu ppreparati għalina
mill-Missier qabel ma twelidna. Għax
Fidi li ma tnissilx Opri mill-bniedem mhi Fidi xejn. Tqala falża.
Dan
hu Misteru enormi u huwa dan il-Misteru li aħna ngħixu mill-ġdid kull darba li
“nisimgħu” il-Quddiesa. Mhux biss, imma
ninagħtaw saħħa ġdida u l-Fidi tagħna tikber għax Kristu jsir ikel u xorb
għalina. Aħna nitwaħħdu għal kollox
miegħU u fiH fit-Tqabrin Imqaddes. Biex
toqgħod tirrifletti fuq dawn il-Grazzji kollha ma tispiċċa qatt. Għalhekk l-Ewkaristija hi wkoll
Ringrazzjament lil Alla, Radd il-ħajr, Gratitudni lil dak li mhux biss ma
jitlobna xejn imma jagħti, jagħti u jerġa’ jagħti għax fi Kristu tana kollox.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Temgħek il-manna li la int u lanqas
missirijietek ma kontu tafu biha.
Dewt 8:2-3,14b-16a
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
F’dak iż-żmien, Mosè kellem lill-poplu u
qal: “Ftakar fil-mixja kollha li mexxiek il-Mulej,
Alla tiegħek, matul dawn l-erbgħin sena fid-deżert, biex iċekknek u jġarrbek,
ħalli jkun jaf x’għandek f’qalbek, jekk tridx toqgħod għall-kmandamenti tiegħu
jew le. Huwa ċekknek, ried li tbati l-ġuħ, imbagħad temgħek il-manna, li la int
u lanqas missirijietek ma kontu qatt tafu biha, biex jurik li mhux bil-ħobż
biss jgħix il-bniedem, imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-Mulej, b’dan
jgħix il-bniedem.
Qis li ma titkabbarx qalbek u tinsa l-Mulej,
Alla tiegħek, li ħarġek mill-art tal-Eġittu, mill-art tal-jasar. Hu li mexxiek
fid-deżert kbir u jwaħħax, mimli sriep velenużi u skorpjuni, art niexfa bla
ilma xejn, li ħariġlek l-ilma mill-blata taż-żnied, li temgħek il-manna
fid-deżert, li missirijietek ma kienu jafu biha xejn”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 146(147):12-13,14-15,19-20
R. (12a): Sebbaħ, Ġerusalemm, lill-Mulej.
Sebbaħ, Ġerusalemm, lill-Mulej;
faħħar lil Alla tiegħek, Sijon!
Hu jsaħħaħ l-istaneg tal-bibien tiegħek,
u jbierek ġewwa fik lil uliedek. R.
Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek,
u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu;
bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu. R.
Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,
il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
Ma għamel hekk ma’ ebda poplu;
lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. R.
Qari II
La l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna
ġisem wieħed.
1 Kor 10:16-17
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka
mhuwiex għaqda mad-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li naqsmu mhuwiex għaqda mal-ġisem
ta’ Kristu? Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed;
ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda.
Il-Kelma tal-Mulej.
R. Irroddu ħajr lil Alla.
Sekwenza
Is-sekwenza tista’ ma
tingħadx. Tista’ wkoll tingħad fil-forma l-qasira li tibda: Dan ħobż l-Anġli,
magħmul ikel.
Faħħar, Sijon, lill-Feddej,
ir-ragħaj tiegħek u l-mexxej,
bl-innijiet u bl-għana.
Ibqa’ faħħru daqskemm tista’,
għax Hu ’l fuq minn kull tifħir,
qatt ma tfaħħru kemm jistħoqqlu.
Għat-tifħir ħaġa tal-għaġeb,
il-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja,
hawn quddiemna f’dan il-jum.
Dak il-ħobż li fuq il-mejda,
lill-Appostli fl-Ikla mqaddsa
kien ingħata biex jikluh.
Ikun sħiħ it-tifħir tiegħek,
b’qalb ferrieħa, b’leħen għoli,
ikun jixraq ferħ ir-ruħ.
Għax dal-jum ta’ festa kbira,
ta’ dik l-ikla hu t-tifkira,
meta saret l-ewwel darba.
F’dina l-ikla s-Sultan tagħna,
l-Għid il-ġdid tal-liġi l-ġdida,
temm għalkollox l-Għid qadim.
Il-qadim twarrab mill-ġdid,
dak li hu ġie flok ix-xbieha,
id-dawl biegħed dlam il-lejl.
Dak li twettaq fl-Aħħar Ċena,
Kristu ried jibqa’ jiġġedded,
biex ikun tifkira tiegħu.
Imgħallmin b’tagħlim imqaddes,
nibdlu l-ħobż u l-inbid tagħna
b’sagrifiċċju għas-saħħa tagħna.
Twemmin ġdid lilna l-Insara,
li dal-ħobż jinbidel f’Ġisem,
u l-inbid jinbidel f’Demm.
Dak li ma tarax jew tifhem,
it-twemmin isaħħu u jwettqu,
fuq kull ordni tan-natura.
Taħt xbihat fejn aħna nilmħu
mhux il-ħajja, imma sinjali,
jinħbew ħwejjeġ hekk għeżież.
Ikel Ġismu, xorb hu Demmu;
iżda Kristu sħiħ hemm moħbi
taħt kull waħda mix-xbihat.
Sħiħ jittiekel Kristu kollu,
bla jitkisser, bla jitfarrak,
bla jinqasam minn min jieħdu.
Jieklu elf u jiekol wieħed,
kemm ħa dan, hekk jieħdu huma,
bla jintemm meta jittiekel.
Jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena;
imma ’l dawk iġib il-ħajja,
lil dawn jixħet fit-telfien.
Mewt għall-ħżiena, ħajja għat-tajba
ara kif jinbidel fihom,
għalkemm jieħdu l-istess ikel.
Meta l-Ostja tkun maqsuma,
la tibżax, imm’inti ftakar,
taħt ix-xbieha ta’ kull farka
hemm jinsab daqs fl-Ostja sħiħa.
Ebda ksur ma jsir fi Kristu;
biss ix-xbieha tkun miksura:
u b’dal-ksur xejn ma jitnaqqas
f’Dak li hu taħt din ix-xbieha.
* * *
Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel
għall-bnedmin fit-triq tal-ħajja,
ikel bnin għall-ulied kollha,
li m’għandux fix-xejn jintrema.
Bi xbihat kien ilu mħabbar,
f’dik l-offerta ta’ Iżakk,
fil-ħaruf li nqatel fl-Għid,
u fil-manna tad-deżert.
Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew,
Ġesù tagħna, ħenn għalina;
Int itmagħna u ħarisna:
Inti lilna l-ġid urina
fl-art imbierka tal-ħajjin.
Int li taf u tista’ kollox,
li titmagħna hawn f’dil-ħajja,
hemm agħmilna lkoll imsieħba,
f’għaqda waħda lkoll werrieta
mal-qtajjiet tal-qaddisin.
Amen. Hallelujah.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 6:51
Hallelujah. R. Hallelujah.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid
il-Mulej;
jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal
dejjem.
R. Hallelujah.
Evanġelju
Ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew
xorb.
Ġw 6:51-58
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk
xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti
huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”. Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew
jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”. Ġesù mela qalilhom: “Tassew, tassew
ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma
jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’
dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u
demmi hu tassew xorb.
Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u
jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk
ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema;
mhuwiex bħal dak li kielu missirjietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix
għal dejjem”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R. Tifħir lilek, Kristu.
|