Din
hija il- Liturgija tas- Solennita' tat-Twelid tal-Battista (2020) Il-Festa tal-Parrocca bi hsibijiet min Joe Rapa .hsibijiet min Joe Rapa .
Dieqa
timmarka l-qalb ta’ kull membru ta’ din il-parroċċa li, bħall-parroċċi l-oħra,
ma tistax tiċċelebra bil-kbir din is-Solennità tat-Twelid ta’ Ġwanni
l-Battista, Protettur tagħha minħabba l-miżuri ta’ saħħa li kulħadd jaf
bihom. Hi sena, din, tassew
partikulari. Nittamaw li s-sena li ġejja
tkun xorta oħra! Imma min jaf... mid-dlam Alla kapaċi joħroġ dawl kbir u Hu
jdawwar kollox għal-ġid ta’ dawk li jfittxuH.
Imbierek il-bniedem li dejjem jishar u jistenna ħwejjeġ kbar mingħand
il-Mulej f’kull sitwazzjoni.
Ġwanni
l-Battista huwa l-qaddis tal-istennija!
In-Nisrani huwa l-bniedem tal-istennija, dejjem jistenna l-Grazzja ta’
Alla li tagħtih li jagħraf (din
kelma mportanti!) lil Kristu meta jkun għaddej minn quddiemu fl-Istorja
tiegħU. Ġwanni kien l-ewwel wieħed
li rċieva l-Grazzja meraviljuża li jagħraf il-Messija u dak li rċieva ma
żammux għalih.
Aħna
nitolbu ħafna grazzji mingħand Alla, imma ejja npoġġu ftit bilqiegħda u nieqfu
daqsxejn mill-ġiri sfrenat tal-ħajja tal-lum, u nirriflettu fuq dak li aħna,
fuq l-għaliex qegħdin ngħixu, x’inhu tassew importanti, x’inhu dak li
jibqa’. Forsi int tgħid li jien għandi
bżonn ngħaddi mill-eżami. Tajjeb. Itlobha din il-grazzja. Jew tgħid nixtieq nifforma familja. Xewqa qaddisa din għax il-Mulej kapaċi jużak
biex iwaqqaf knisja oħra domestika, dar fejn tixxettel il-qdusija. Itlobhielu din il-grazzja! Jew titlob u titlob biex titneħħa xi tbatija
minn Ħajtek, xi problema, xi “salib”.
Ħafna resqu lejn Alla għall-ewwel darba f’qagħda bħal din u skoprewH
minħabba xi problema li b’hekk saret glorjuża!
Imma,
fil-fond x’inhi l-ikbar problema, l-ikbar jasar, l-ikbar għajn ta’ dieqa u nkwiet
u biża’ għal kull bniedem? Iskot u aħseb!
Hemm dell, id kiesħa tagħfas kull qalb, hemm kundizzjoni li timmarka
lit-tarbija, lit-tifel, lill-adoloxxenti, lir-raġel li għadu kif iżżewweġ,
lill-bniedem li qed jixjieħ, sa dak mgħobbi bl-għomor... u din hi li jien u
int, l-umanità, flimkien mal-ħlejjaq kollha resqin lejn il-baħħ tal-mewt. Hi din l-ikbar problema li inti għandek anke
jekk qatt ma taħseb fuqha... imma dejjem hemm qegħda, fuq
il-“back-burner”. Din ir-rejaltà
tremenda, dan il-flaġell, nissel fil-ħolqien kollu taqtigħa biex jibqa’
jeżisti, istint li jimmarkalu kulma jagħmel, id-dell tal-mewt (Lq. 1, 79) isejjaħlu Żakkarija, missier
il-Battista. Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt? (Rum. 7, 24), jokrob San Pawl li għaraf
li b’din il-kundizzjoni l-bniedem ma jistax jagħmel it-tajjeb li jixtieq għax
jibża’ jirriskja, jibża’ li jmut, jibża’ saħansitra li jħobb. Għax hemm il-mewt fiżika tal-aħħar, imma din
hi Omm ħafna mwiet oħra: inkwiet, dwejjaq, kelma li toqtlok, tensjoni, diżappunti,
qtigħ il-qalb, nuqqas ta’ kunfidenza u kuraġġ...
Irrifletti
ftit: kieku kellu xi ħadd jeħilsek minn l-għerq morr tal-biża’ moħbi
fis-subkonxju; kieku kellu xi ħadd flok id kiesħa tagħfas madwar qalbek li
tagħmlek egoista, isaħħanhielek b’Imħabba tal-għaġeb li tfejjaqlek il-ġrieħi
kollha interni; kieku kellu xi ħadd jagħtik garanzija, ċertezza li int m’int se
tmut qatt, li l-ebda marda ma tista’ teqirdek anke jekk teqred lil ġismek, li
l-ħajja t’hawn hi biss qatra f’ocejan etern ta’ Ħajja-Mħabba għal dejjem...
kieku kellu jiġrilek dan illum...?
Kieku
kellu jiġrilek dan illum, int tinsa lilek innifsek (dan hu l-fejqan!) u
tinagħta għal ħaddieħor (u dan hu l-Ferħ!).
Kieku kellu jiġrilek dan illum, int issir bniedem ieħor, kollox jinbidel
u tinduna li l-muntanji ta’ nkwiet li kellek huma biss żrar li tgħaffiġhom taħt
is-sandli tiegħek. Min se jagħtik dan
kollu? Għax din hi l-Ikbar Grazzja. Min jista’ jagħtihielek? Lil min se titlobha?
It-tweġiba
toħroġ tidwi minn fomm Ġwanni l-Battista, il-Prekursur, il-Ħabbar, dak li wera
lill-bniedem is-soluzzjoni tal-problemi kollha tiegħu. Ġwanni rċieva Dawl u ma żammux għalih imma
wrieħ lid-dinja. Jum wieħed hu ħares u
ra, u qam fuq tiegħu u mimli biż-żelu jaħraq ta’ Elija l-profeta tar-ragħad,
ħareġ idu ppuntata kollha tensjoni u, b’għajnejh iċċassati, jleqqu, fetaħ fommu
u għajjat: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li
jneħħi d-dnub tad-dinja!” (Ġw. 1,
29). Ġwanni qal ħafna affarijiet
oħra, imma kieku qal dan biss kien ikun biżżejjed biex jibqa’ mfakkar minn kull
ġenerazzjoni. Hu wriena s-soluzzjoni,
il-fejqan, il-ħelsien, is-Salvazzjoni, il-mogħdija mill-mewt għall-Ħajja,
mid-dlam għad-Dawl, mill-kesħa tal-lejl għall-faraġ tal-Jum.
Ġwanni
jgħidilna: “Din hi l-Grazzja li int għandek titlob lil Alla bil-ħerqa kollha
ta’ qalbek: li tagħraf li f’Ġesù ta’ Nazaret Alla qed jagħtik kollox! Ġwanni baqa’ mistagħġeb quddiem il-Pjan ta’
Alla li qabel kien moħbi għalih u għad-dinja.
Hu mtela b’tensjoni u ħasda li tnissel is-Sorpriża ta’ Alla. “Araw
il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja.”
Interessanti: ma jgħidx “id-dnubiet” imma “d-Dnub”, nom kollettiv li
jiġbor dak kollu li joqtol, iħassar, jherri l-Ħajja. Il-Pjan li ħasad lil Ġwanni kien li l-Missier
ta lil Ibnu biex jitgħabba Hu bid-“dnub
tad-dinja”, isir ħati Hu flokha, ibati l-konsegwenzi Hu flokha, jispiċċa u
jmut Hu flokha... u jirbaħ il-mewt bil-Qawmien Hu flokha. Kollox b’risq tiegħek u tiegħi! Teorija?
Mingħajr l-Ispirtu s-Santu hekk hi; imma l-Ispirtu ta’ Dak li tana dan
kollu kapaċi jagħmel minn dan kollu Ħuġġieġa Nar jaqbad f’qalbna u minn nies
egoisti, spiritwalment bierda għall-aħħar jagħmel nies “Ħajjin” tassew,
rebbieħa fuq il-biża’ tal-mewt, kapaċi li mingħajr sforz jinagħtaw
għall-proxxmu u jiskopru fejn hi l-vera Ħajja. X’Misteru!
Il-Fidi
kollox! Min jemmen fil-profondità
tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, jitlibbes bil-Ħajja għal Dejjem ġa minn
hawn! Din hija r-rieda ta’ Alla għalik: Rebħa fuq il-Mewt! Kull tip ta’ Mewt. Bil-Fidi inti tgħaffeġ fuq kull sitwazzjoni
li qabel kienet teqirdek. Din hi l-vera
politika, li ma tnixxifx il-ferita minn barra biss imma li l-ungwent tagħha
jinżel sa fil-profond u jattakka l-għajn li minnha joħroġ id-Dnub tal-bniedem
li jnissel il-Mewt.
Ġwanni
l-Prekursur kien l-ewwel li għaraf l-immensità ta’ dan kollu. Din hi Grazzja kbira tafux, li tinagħta li tagħraf
li problema waħda hemm f’Ħajtek u din rebaħha għalik Kristu Ġesù. Ġwanni jgħidilna: “Tkunux ħmir! Titolbux mingħand Alla iċ-ċuċati! Itolbu dak li jiswa tassew, dak li jibqa’
għal dejjem, dak li hu l-ikbar miraklu li jista’ jwettaq Alla. Itlob li int tista’ tagħraf lil Kristu u
l-Opra li Hu wettaq għalik biex rebaħlek Ħajja għal dejjem!”
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Is 49:1-6
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Isimgħuni, gżejjer, agħtuni
widen, popli mbiegħda! Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli, minn ħdan ommi ftakar
f’ismi. Għamilli fommi xabla msinna, taħt id-dell ta’ idu ħbieni. Għamel minni
vleġġa maħtura, fil-barżakka tiegħu ħbieni. U qalli: “Israel, inti l-qaddej
tiegħi, bik jiena nkun imfaħħar.”
U jien għedt: “Għalxejn inkeddejt, u fix-xejn
ħlejt saħħti.” Imma l-ġustizzja tiegħi fil-Mulej u l-ħlas tiegħi għand Alla
tiegħi.
U issa tkellem il-Mulej, li minn ħdan ommi
għamilni qaddej tiegħu, biex għandu rreġġa’ lura ’l Ġakobb u biex Israel
jinġabar miegħu mill-ġdid, għax jien kont imfaħħar f’għajnejn il-Mulej, u Alla
tiegħi kien il-qawwa tiegħi. Hu qalli: “Tkun ħaġa żgħira wisq għalik li inti
tkun il-qaddej tiegħi biex tqajjem biss it-tribù ta’ Ġakobb u treġġa’ lura
l-fdal ta’ Israel. Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni
tiegħi sa truf l-art tinfirex.”
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 138
R/. Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni!
Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;
int taf meta noqgħod u meta nqum,
int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.
Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;
triqati kollha inti tafhom sewwa. R/.
Int sawwart il-ġewwieni tiegħi,
u f’ġuf ommi inti nsiġtni.
Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni:
tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. R/.
U ’l ruħi inti tafha tajjeb.
Ma kienx moħbi għadmi minnek,
meta kont qiegħed insir fis-satra
u nintiseġ fil-qigħan tal-art. R/.
Qari II
Atti 13:22-26
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien: Pawlu qal: “Alla, lil
missirijietna, qiegħed ’il David bħala sultan tagħhom, li għalih ta din
ix-xhieda: ‘Sibt ’il David, bin Ġesse, raġel skont qalbi li jagħmel dak kollu
li rrid jien.’ Hu minn nislu li Alla, skont il-wegħda tiegħu, ġieb għal Israel
salvatur, li hu Ġesù. Qabel il-miġja tiegħu, Ġwanni deher ixandar magħmudija
ta’ ndiema lill-poplu kollu ta’ Israel.
U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu,
Ġwanni qal: ‘Jien miniex dak li intom taħsbu li jien. Dan ġej warajja, u jien
anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta’ riġlejh.’ Ħuti, ulied in-nisel ta’ Abraham,
u intom li tibżgħu minn Alla, lilna ġiet mibgħuta l-bxara ta’ din
is-salvazzjoni.”
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni
għall-Evanġelju
Lq 1:76
Hallelujah. Hallelujah.
Int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-Għoli,
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu.
Hallelujah.
Evanġelju
Lq 1:57-66.80
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Eliżabetta għalqilha ż-żmien li teħles, u kellha tifel. Il-ġirien
u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha.
Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel, riedu
jsemmuh Żakkarija, għal missieru; imma qabżet ommu u qalet: “Le, imma Ġwanni
jkun jismu.” Qalulha: “Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!”
Imbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x’ried isemmih, u
hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: “Ismu huwa Ġwanni.” U kulħadd
baqa’ mistagħġeb. Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, ilsienu nħall, u
beda jitkellem u jfaħħar ’l Alla.
U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biza’, u bdew ixerrdu dawn
il-ġrajjiet kollha mal-għoljiet kollha tal-Lhudija, u kull min kien jismagħhom
kien iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?” U tassew, id
il-Mulej kienet miegħu. It-tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix
fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Israel.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.
|