IL-HMISTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2020) IMWIELDA MILL-GDID BIL-KELMA
Written by Frans Galea   
Saturday, 11 July 2020

Din hija il- Liturgija tal-Hmistax il-Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa .

parobola_taz-zerriegha.jpg

 

L-Ewkaristija ta’ dan il-Ħadd tiftaħ bl-Antifona tad-dħul meħuda minn Salm 17 li tgħid: “Imma jien fil-ħaqq għad nara lil wiċċek; meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.”  (S. 17, 15).  Hija l-għajta tal-bniedem tal-Fidi li l-fallimenti u d-diżappunti u t-traġedji tal-Ħajja tassew li assedjawlu l-Fidi tiegħu u ħabbtuh u ġarrbuh, imma ma ċediex għax it-twemmin tiegħu kien mibni fuq is-sod.  Huwa jibqa’ jittama fl-Imħabba ta’ Alla u jibqa’ nnamrat miegħU anke jekk l-għadu jinterpretalu l-Istorja biex jikkonvinċih li kollox hu kwistjoni ta’ xorti u kumbinazzjonijiet. 

 

L-Istorja neżżegħtu mix-xewqat materjali, mill-pjanijiet tiegħu... l-idoli tiegħu kollha waqgħu wieħed, wieħed u issa hu mneżża’ għal kollox u d-dinja hi msallba għalih u hu għad-dinja (Gal. 6, 14) kif jgħid San Pawl.  Iżda dan il-fqajjar hu għani, tassew għani, għax hu jħobb lil Alla u xewqa waħda għad baqagħlu: li jara l-Wiċċ jiddi tal-Imħabba ta’ Alla. Kollox għosfor, imma issa jaf li dak kollu li kien jidher ikrah, dak kollu li ġagħlu jissuspetta fil-fedeltà ta’ Alla kien xogħol l-Imħabba, xogħol Alla li welldu mill-ġdid u għamlu bniedem ħaj għal dejjem.  Dan il-bniedem tilef kollox imma rebaħ kollox għax mat-telfien tal-ħwejjeġ tad-dinja huwa ħaddan miegħu r-Rebħa fuq il-Mewt li rebaħ għalih Kristu.

Dan hu l-għana veru li Kristu mqajjem mill-Mewt joffrilna.  Ma joffrilniex ħwejjeġ li jgħaddu, li jiqdiemu, li jitmermru u jissaddu, imma joffrilna r-Rebħa fuq il-Mewt, il-ħelsien mill-biża’ tal-Mewt, is-sigurta ta’ Ħajja li mhi se tintemm qatt minħabba fil-Fidi fiH.  U minn fejn tiġi din il-Fidi li hi bħal blata f’nofs ta’ baħar li l-mewġ iżwed idur u jistabat magħha bla ma jagħmlilha xejn?  Il-Fidi tiġi mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla.

 

Il-Kelma ta’ Alla hi l-iktar qawwa setagħna li teżisti fl-univers. Hi l-qawwa waħdanija li kapaċi tibdel il-qlub żonqrija, tibdel popli sħaħ, tagħmel politika vera.  B’Kelma, Alla ħalaq kollox.  Hu qal: “Ħa jkun id-dawl.”  U d-dawl sar. (Ġen. 1, 3).  Il-Kelma hi l-isperma tal-Ispirtu s-Santu li tagħmel li l-bniedem li jismagħha u jemminha joħroġ tqil b’Ġesù Kristu.  Fil-bniedem iseħħ eżatt dak il-Misteru li seħħ f’Marija.  Quddiem il-Kelma ta’ Alla li wasslilha l-Messaġġier, hi ma twebbsitx; hi laqgħetha u lissnet: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!”  (Lq.1, 38).  U hi ħarġet tqila mhux bl-intervent ta’ bniedem imma b’dak tal-Ispirtu s-Santu.  Bis-saħħa tiegħU, il-Kelma li Marija semgħet iffekondatha.

 

L-istess jiġrilu n-Nisrai li jemmen il-Kelma li tgħidlu li: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”  (Ġw. 3, 16).  In-Nisrani jemmen li hu tant hu maħbub minn Alla li Hu ħolom bih sa minn qabel beda jaħlaq id-dinja, li Hu bagħat lil Ibnu biex jaħtfu (lill-bniedem) minn ħalq il-Mewt u jsalvah għal dejjem permezz tal-Misteru tal-Għid li Hu għex.  Mhux irħisa kienet din is-salvazzjoni b’risq tiegħi u tiegħek.  Dak li ma kienx jaf x’inhi l-Mewt, għax kien Alla, libes laħam li jmut bħal tagħna u bata bih, u daħal bih fil-Mewt, u rebħilha!  B’ġisem bħal tagħna rebħilha, biex jekk nemmnu, anke aħna nittamaw fir-rebħa fuq il-Mewt.  Anzi l-Ispirtu tiegħU ġewwa fina jikkonvinċina minn dan, jixhed għalina, jaċċertana li Hu huwa l-garanzija tal-Ħajja ta’ Dejjem.

 

Dan hu l-bniedem li jitwieled mill-ġdid bil-Kelma.  Hu jemmen il-Kelma ta’ Alla u din il-Kelma toqtol ġewwa fih in-natura beżżiegħa u egoista li hu wiret minn Adam, u minflokha  jilbes in-natura ta’ Kristu nnifsu!  Dawn il-ħwejjeġ huma tal-għaġeb.  Tant huma tal-għaġeb li ftit li xejn jgħoddu l-merti tagħna, imma jgħoddu ħafna l-merti ta’ Kristu li bata, miet u rebaħ il-Mewt għalina.  Min hu kapaċi jibdel lil qalbu?  Min hu kapaċi jibdel l-istess natura tiegħu?  Min hu kapaċi jerġa jwelled lilu nnifsu u jibdel lilu nnifsu f’persuna oħra totalment differenti?  Din l-Opra jagħmilha biss Kristu, bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu. Il-Grazzja hi kollox!  Bħala Nsara li għadna “tfal” fil-Fidi, għandna nixxennqu u noħolmu u nitolbu b’qalb sinċiera biex dawn l-affarijiet iseħħu fina.

 

Jekk nibqgħu “Insara” tal-isforzi u tal-gdiedem, “Insara” tad-dwejjaq u tal-qtigħ il-qalb, żgur fuq li hu żgur li ma nistgħux inkunu xhieda, reklam għal Kristu quddiem id-dinja.  Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla.  (Rum. 8, 19).  Hekk jgħid S. Pawl fit-Tieni Qari tal-lum.  Id-dinja mhix kuntenta, anzi.  Hija mejta, bla ruħ, b’kilba fuqha biex tgħix imma ma tafx fejn tinsab il-Ħajja.  Id-dinja tfittex il-Ħajja  fiż-żina, fil-flus, fil-poter, fis-suċċessi, fil-kumdita, fis-saħħa...  imma fejn hi din il-Ħajja, dan is-Sliem, dan is-serħan il-moħħ?  Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna.  (Rum. 8, 22-23). 

 

Il-ħolqien jistenna li jara b’għajnejh lil ulied Alla, lill-Insara li mxew ’il quddiem fil-Fidi, jara nies li jissorprendu lid-dinja bl-għaqda ta’ bejniethom u bl-Imħabba fil-qjies tas-Salib, jiġifieri Imħabba lejn l-għadu li jippersegwitahom.  Dawn iż-żewġ sinjal ma jista’ “jikkopjahom” ħadd.  Jew għandek il-Fidi adulta jew m’għandekx.  Jew jgħix Kristu fik jew le.

 

Iżda dan il-Misteru mhux awtomatiku li jseħħ.  Aħna, li aħna frott l-Imħabba, aħna liberi għax magħmulin mill-Imħabba.  L-Imħabba ma tisforza lil ħadd.  Hi tenera u sensittiva.  Fejn mhix milqugħa, twarrab imnikkta.  Jien nista’ niġi naqa’ u nqum minn dan kollu, nintrabat ma’ dak li toffri d-dinja u niżżewweġ lil-Mewt minflok lil-Ħajja.  Jien dan nista’ nagħmlu, u huma ħafna li jagħmluh.

 

Għalhekk il-Messaġġier ta’ Alla hu bħal bidwi li ħareġ iferrex ’l hawn u ’l hinn iż-żerriegħa tal-Kelma.  Jekk il-Kelma ma taqax f’art tajba li tħaddanha fiha nfisha, hi ma tagħmilx il-frott tat-Twelid Ġdid.  Kollox jibqa’ għaddej kif kien qisu ma ġara xejn.  Imma hienja dawk li, b’qalb imħejjija mill-aħjar, iżommu fihom il-kelma ta’ Alla u jagħmlu l-frott billi jżommu sħaħ fil-fehma.  (Lq. 8, 15).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Ix-xita ġġiegħel l-art tnibbet.

Is 55, 10-11

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Dan jgħid il-Mulej:

Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet,

u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art,

imma jġegħluha tnissel u tnibbet,

u tagħti ż-żerriegħa lil min jiżra’ u l-ħobż lil min jiekol,

hekk jiġri minn kelmti:

hija toħroġ minn fommi,

u ma terġax lura vojta,

imma tagħmel dak li jogħġob lili,

u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 64 (65), 10abcd.10e-11.12-13.14

 

R/. (ara Lq 8, 8): Iż-żerriegħa waqgħet f’art tajba, u għamlet il-frott

 

Inti żżur l-art u ssaqqiha,

u tagħniha bil-ġid tiegħek.

Il-wied ta’ Alla mimli bl-ilma,

il-qamħ tagħhom ħejjejtilhom. R/.

 

Hekk int tħejjiha:

issaqqi r-raddiet u twitti t-tub tagħha,

bl-irxiex trattabha u tberkilha ż-żrieragħ.

Fawwart is-sena bi tjubitek,

triqatek bil-ġid joqtru. R/.

 

Joqtru bin-nida l-mergħat tad-deżert,

u bil-ferħ jitħażżmu l-għoljiet.

Il-mergħat jimtlew bl-imrieħel,

il-widien jinksew bil-qamħ;

jgħajtu lkoll u jgħannu bil-ferħ! R/.

 

Qari II

Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew imxennqa d-dehra ta’ wlied Alla.

Rum 8, 18-23

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, jiena għadni persważ li t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina. Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla; għax il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa - mhux minn rajh, imma minħabba dak li xeħtu taħtha – bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta’ wlied Alla.

 

Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal- ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iż-żerriegħa hi l-Kelma ta’ Alla

u l-bidwi hu Kristu:

kull min isib lilu, għandu l-ħajja ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Wieħed bidwi ħareġ jiżra’.

Mt 13, 1-23

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt, u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.

 

U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija, ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.

 

Resqu lejh id-dixxipli u staqsew: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?”. Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet, iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid,

 

“Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,

u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.

Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset;

kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom,

u għalqu għajnejhom

li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom,

u jisimgħu b’widnejhom

u jifhmu b’moħħhom,

u hekk ibiddlu ħajjithom

u jiena nfejjaqhom”.

 

Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom, u ma semgħuhx!

 

Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’. Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija. Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ; imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; imbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel. Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu