IS-SBATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2020) KRISTU HU TEZOR!
Written by Frans Galea   
Saturday, 25 July 2020

Din hija il- Liturgija tas-Sbatax il-Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

tezor_mohbi.jpg

 

Il-kelma “reliġjon” hi kelma għażiża għal ħafna, imma bosta oħrajn jiddarsu biha.  B’reliġjon huma ma jimmaġinaw xejn ħlief sagrifiċċji, kmandamenti, sforzi, ċaħdiet u ħin sagrifikat.  Fuq kollox jaħsbu li r-“reliġjon” tpoġġi quddiemek sistema ta’ morali li hi mpossibbli għall-biedem li jfassal ħajtu fuqha, imma se jkun iġġudikat fuqha.  Fit-tmintax-il seklu fi Franza bdiet l-imxija tal-“illuminiżmu”, filosofija li għeżżet is-sistema reliġjuża tal-kontinent Ewropew u nidiet kultura moderna anti-reliġjuża, anti-moralista, anti-klerikali... f’kelma waħda anti-kollox li għandu riħa ta’ Knisja.

 

Għal ħafna dan kien “ħelsien”.  Illum, il-ġnus, ingannati minn karikatura falza tal-Kristjaneżmu u ta’ Kristu, qed jaħarbu jiġru mill-Knisja, u anke mill-Knejjes Protestanti.  Hawn qed nirreferu għall-ġnus tal-Punent, speċjalment tal-Ewropa, il-benniena tal-Kristjaneżmu.  X’ġara biex il-ġmiel tal-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu qagħad fuq l-istonku tal-Ewropa li issa qed tirremettih ’il barra?  Kif Aħbar Tajba setgħet qatt issir katina li l-bniedem ried iqaċċat minn madwaru?

L-Istorja hi twila u huwa tqil titkellem fuqha fi ftit versi, imma hemm bżonn niddawlu ftit biex nifhmu l-problemi li għandha l-Knisja fil-Punent, u ma rridux ninsew li aħna qegħdin fil-Punent ukoll.  Fl-ewwel tliet sekli, kull min kien Nisrani kien sar hekk għax emmen il-Kerigma, il-predikazzjoni mqanqla u qawwija dwar l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Ġesù.  Din l-Aħbar tgħid li Alla hekk ħabb lid-dinja li hu bagħat lil Ibnu l-Waħdieni biex min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-Ħajja ta’ dejjem. (Ġw. 3, 16).  San Pawl jinżel fil-profond ta’ din l-Aħbar li taċċerta l-bniedem li hu maħbub minn Dak li ħalqu u li l-Istorja tiegħu hi proċess ta’ Mħabba li tintwera lilu.  Kristu kien imħabbar lill-midneb bħala l-Ħaruf li tgħabba bid-dnub sħiħ ta’ kull maħluq u daħal Hu għall-kastig biex kull bniedem li jemmen isir iġġustifikat, magħmul ġust mhux bl-opri tiegħu imma bil-merti ta’ Kristu miksuba fil-Mewt u l-Qawmien tiegħU.

 

Biex tispjega dan kollu b’mod sħiħ, il-Knisja kienet tagħmel katekumenat ta’ madwar xi erba snin u mbagħad il-katekumenu kien jersaq għall-Magħmudija, jekk jaċċettah l-Isqof.  Il-Magħmudija bl-immersjoni kienet tkun it-tmiem tal-katekumenat ta tħejjija għall-adult.  Sadanittant il-Fidi dejjem tikber  tagħmel li dak li jidher minn barra fis-sinjali tal-Magħmudija, jkun qed iseħħu tassew fih.  Hekk il-bniedem tad-dnub jegħereq fl-ilmijiet tal-Ispirtu s-Santu u midfun ma’ Kristu, jerġa jqum miegħu ukoll bħala bniedem ġdid.  Imma dan ried jidher mill-mod ta’ Ħajja.  Kristu mhux teatrini!  Jekk fik hemm Kristu, int twettaq l-Opri ta’ Kristu.  Kienu s-sinjali tal-għaqda u l-imħabba l-iktar li kienu jiġbdu lill-pagani lejn il-Knisja.

 

Kien żmien ukoll ta’ persekuzzjoni.  Meta l-Knisja kellha Fidi qawwija mmens fi Kristu, dejjem kellha persekuzzjonijiet qawwija.  Ma Kostantinu din it-tbatija waqfet.  Beda żmien ġdid.  Il-Kristjaneżmu, bil-mod il-mod sar ir-reliġjon tal-Istat.  Hi kurjuża kif l-ewwel Insara ma kinux iħarsu lejn l-Aħbar ta’ Kristu bħala reliġjon imma xi ħaġa aqwa minn reliġjon, xi ħaġa li tmur lil hemm minn reliġjon.  Infatti r-Rumani kienu jattakkaw lill-Insara bħala “ateji” li ma jemmnux fl-allat u li saħansitra kienu qed jisfrattaw il-familji.  X’ħin toqgħod tqis kollox, iż-żewġ akkużi kienu minnhom għax fl-allat ma kinux jemmnu, u ħafna familji sfaw mifruda, kif ħabbar Kristu, meta xi membri minnhom kienu jikkonvertu u oħrajn le. 

 

Ma’ Kostantinu, il-poplu daħlu alenija fil-Knisja.  Ħafna b’intenzjoni ħażina.  Il-Knisja ma setgħetx tlaħħaq biex tagħmel Katekumenat ma’ kulħadd, u dan bil-mod il-mod inqata’ u kulħadd beda jiġi mgħammed bit-tama li jiġu edukati għall-Fidi wara. Dawn il-pagani ġabu magħhom ‘mindset’, mod ta’ kif jaħsbuha, pagan.  Flok l-istatwi tal-allat għamlu dawk ta’ Kristu imma ftit li xejn inbidlu fil-qalb.  Baqgħu jaħsbu li lil Alla trid togħġbu biex iħobbok, trid tofrilu s-sagrifiċċji, trid tagħmel ħiltek kollha biex issalva lilek innifsek, u jekk tidneb b’mod serju ħoll xagħrek u ġib iż-żejt.  Fl-allat antiki ma kinux jilmħu l-Imħabba li wasslet lill-Iben ta’ Alla jitla’ fuq salib biex ipatti hu għad-dnub tal-bniedem, u issa sabuha bi tqila mmens biex jemmnu l-Aħbar it-Tajba.  Din l-Aħbar irreduċiet ruħha f’”reliġjon” ftit li xejn differenti minn ta’ qabel, esiġenti, prepotenti u Alla sar ibeżża’.

 

Qajla qajl bdejna nitbegħdu mill-oriġini.  Imma Alla kien iqanqal f’kull żmien nies li għarfu li Kristu mhux madmad imma Teżor moħbi.  Dawn kienu jwettqu ħwejjeġ li kienu jidhru tal-ġenn għad-dinja pagana/“mgħammda”.    Seħħet l-imxija tal-ħarba lejn id-deżert, l-aktar tal-Eġittu fejn numru kbir ta’ Nsara “veri” bdew jgħixu bħala eremiti, waħedhom jew fi gruppi żgħar biex ikunu jistgħu jibnu ambjent Nisrani awtentiku.  Wara dawn kien hemm il-qawmien straordinarju tal-monasteri mal-Ewropa kollha, fejn mill-ġdid seħħ il-fenomenu ta’ “ħarba mid-dinja” li uffiċċjalment kienet “Kristjana”.

 

Dan kollu qed ngħiduh għax illum it-tema tal-Liturġija tal-Kelma fl-Ewkaristija hi li Kristu, li d-dinja tibża’ minnU, li d-dinja taħseb li se jeħdilha l-ħelsien u l-gost tal-Ħajja, dan Kristu fil-fatt hu Teżor!  Huwa s-sens tal-eżistenza ta’ kollox, hu dak li jagħti sens lill-Istorja tiegħek.  Kulma tinsab għaddej minnu int, sabiħ jew ikrah hu Misteru li jgħaġnek biex tkun tista’ tilqa’ dan it-Teżor.  Ħafna jgħaddu Ħajjithom kollha jikkumbattu dan il-proċess tal-Missier u hekk  jirvinaw Ħajjithom u Ħajjet ħaddieħor.  In-Nisrani veru hu dak li skopra din is-Sorpriża tal-għaġeb.  Bħal dak li sab li fl-għalqa ta’ maġenbu kien hemm teżor moħbi u mar biegħ kulma kellu biex jixtriha u jibda jħaffer, hekk għamlu ħafna nies li kienu rashom iebsa fid-dnub, u mimlijin preġudizzji fuq il-Knisja.  Kemm konverżjonijiet iseħħu kuljum! 

 

Bħalma dejjem ngħidu: il-Grazzja trid tkun.  Kristu jgħid ċar u tond:  “Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja.”  (Ġw. 6, 44).  Altru li mhux qed nagħtu xi ħaġa lil Alla aħna, imma messna nitkarrbu quddiemU biex jagħtina l-Grazzja l-Kbira li ngħarfu l-ispettaklu tal-Imħabba li hemm fi Kristu għalina!  Hu ċar li ħadd, ħadd u ħadd minna ma jistħoqqlu din il-Grazzja, imma bħall-mistagħġeb tal-presepju, min isib lil Kristu jibqa’ skantat, imbellaħ u maħsud bl-għana bla tmiem li jkun irċieva biH.

 

Salamun mess ma din ix-xorti, imma bl-għerf kollu tiegħu, aħna xxurtjati iktar minnu għax hu ma kienx jaf x’inhu l-Għid tal-Mulej.  Henjin aħna jekk qed inħossu l-għatx għal Kristu għax dan hu sinjal li l-Missier irid li aħna niskopru l-Imħabba tiegħu li dehret f’Ibnu.  Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu sura xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ippredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li iġġustifikahom, sebbaħhom ukoll.  (Rum. 8, 29-30).  Biex sebbaħhom?  Bil-Ħajja għal dejjem li tibda minn hawn! 

 

X’differenza minn dak li  jaħsbu ħafna nies, anke li jmorru l-Knisja.

 

Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Qiegħed nagħtik moħħ għaref u għaqli.

1 Slat 3, 5.7-12

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien f’Gibgħon il-Mulej deher lil Salamun fil-ħolm bil-lejl. “Itlobni x’nagħtik”, qallu Alla.

 

U wieġbu Salamun: “Mulej, Alla tiegħi, lili, qaddej tiegħek, għadek kemm qegħedtni sultan flok David missieri. Iżda jiena għadni daqsxejn ta’ żagħżugħ, bla ma naf mnejn għandi ngħaddi. Il-qaddej tiegħek sab ruħu f’nofs dan il-poplu li int għażilt, poplu hekk kotran li ħadd ma jista’ jgħoddu jew iqisu. Agħti, għalhekk, lill-qaddej tiegħek moħħ ħafif biex jifhem, biex jista’ jmexxi l-poplu tiegħek, u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin; għax inkella min jasal biex imexxih, dan il-poplu tiegħek ta’ kotra hekk kbira?”.

 

Il-Mulej ħa gost li Salamun talab dil-ħaġa. Għalhekk qallu Alla: “Ladarba tlabt din il-ħaġa, u ma tlabtnix għomor twil, jew għana, jew il-ħajja tal-għedewwa tiegħek – iva, talli tlabt li tagħraf tifhem kif għandek tmexxi – hawn jien se nagħmel kif għedt int. Qed nagħtik moħħ għaref u għaqli, hekk li ħadd qablek ma kien hawn bħalek, u anqas warajk ma jkun hawn”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 118 (119), 57.72.76-77.127-128.129-130

 

R/. (97a): Kemm inħobbha l-liġi tiegħek, Mulej

 

Mulej, dan hu sehmi,

li nħares il-kelma tiegħek.

Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok

mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda. R/.

 

Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi,

skond il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek.

Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja;

għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi. R/.

 

Għalhekk inħobb il-kmandamenti tiegħek,

aktar mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin.

Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti tiegħek,

u nobgħod kull triq qarrieqa. R/.

 

Tal-għaġeb huma l-preċetti tiegħek,

għalhekk tħarishom qalbi.

It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl,

ifiehem lil min ma jafx. R/.

 

Qari II

Ippredestinana biex nieħdu sura xbieha ta’ Ibnu.

Rum 8, 28-30

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skond il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.

 

Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ppredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 11, 25

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,

għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.

Mt 13, 44-52

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.

 

Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.

 

Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.