IL-WIEHED U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2020) L-GHERF TA’ ALLA JINTWERA LIC-CKEJKNIN
Written by Frans Galea   
Saturday, 22 August 2020

Din hija il- Liturgija tal-Wiehed u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

st-john-the-baptist-rebuking-herod-giovanni-fattori.jpg

 

L-iktar diskors famuż ta’ Ġesù, id-Diskors tal-Muntanja, jibda bit-tmien beatitudnijiet.  Għal tmien darbiet, Ġesù jsejjaħ “hienja, “beati”, xortihom tajba lil kategoriji differenti ta’ nies li kollha kienu għal qalbU, u li kollha nistgħu inpoġġuhom taħt titlu wieħed: “ic-ckejknin”.  Hu jgħid: “Henjin il-foqra fl-ispirtu”, “henjin l-imnikkta”, “henjin ta’ qalbhom ħelwa”, “henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja”, “henjin dawk li jħennu”, “henjin dawk li huma safja f’qalbhom”, “henjin dawk li jġibu l-paċi”, “henjin dawk li huma ppersegwitati minħabbba s-sewwa”, u “henjin intom, meta jgħajrkom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija”. (Mt. 5, 3w).  Il-problema hi li aħna, ta’ bnedmin li aħna, bin-natura mwaqqa’ li għandna u li writtna minn Adam, ma tantx narawhom “hienja” li dawn in-nies.  Min għandu raġun, aħna... jew Kristu?

Min huma ċ-ċkejknin?  Huma dawk li huma umli.  Xi tfisser tkun umli?  L-umli hu dak li jaf lilu nnifsu.  Hija l-verità dwarek li tagħmlek umli.  Min hu supperv, iridha ta’ ‘bully’, jgħaffeġ fuq l-oħrajn... dan il-bniedem hu agħma.  Għax wara kollox x’inhi l-verità dwar kull bniedem?  Il-bniedem huwa ħlejqa li bħal sufarell tal-festa, jista jagħmel qabda storbju u jtajjar in-nar u jiġbed l-attenzjoni... imma l-ħin kollu qed jintemm, jinħela... il-ħin kollu qed imut.  Kull min kellu l-poter fid-dinja kollha temmew il-ġirja tagħhom u waqgħu.  Kull ħajja tintemm.  Issa billi tistinka biex tħalli isem warajk, biex  jiktbuk fuq xi ktieb tal-Istorja jew jagħmlulek monument jew xi plakka jew irħama mill-Kunsill Lokali... miskin, int illum hawn u għada ma tkunx, u taf kemm se tfarrġek il-plakka! 

 

Il-ħajja tagħna hi bħal żiffa, dgħajfa daqs iċ-ċpar, u hieni l-bniedem li jagħraf li hu ċkejken u ftit jiswa, għax jispiċċa jgawdi din il-ħajja ħafna iktar minn dak  li jgħaddiha l-ħin kollu jitħabat, jikkomplotta, jipprova jistagħna, qatt m’għandu xabgħa u lest li jagħmel kollox basta jikber.  Qed jaħli ħajtu fl-inkwiet għalxejn.  Li nagħrfu x-xejn tagħna jagħmilna umli u żgħar u bla pretensjoni u nirringrazzjaw lil Alla għal kollox, għall-bard u għas-sħana, għall-ġid u għall-faqar, għas-saħħa u għall-mard, għall-ferħ u għad-dieqa, għall-festi u għal-luttu.  Għax, jekk toqgħod taħseb ftit, kollox hu rigal, kollox inagħtalek b’xejn. 

 

Qatt staqsejt għaliex ġejt int fid-dinja u ma ġiex ħaddieħor flokok; għaliex int drajt tara x-xemx tiela’, l-għasafar itiru, ir-raba’ jibdel lewnu mal-istaġuni; għaliex tgawdi familja, ħbiberiji, saħħa; għaliex tistagħġeb bil-baħar immens, bil-kwiekeb tas-sema, bl-annimali ta’ kull tip?  Imma trid tkun ċkejken u sempliċi (f’sens tajjeb) biex tiggosta tant dettalji li jsebbħu l-ħajja. 

 

Normalment, in-nies ma tara xejn minn dan.   Kulħadd mgħaġġel, imferfex, m’għandu ħin għal xejn ħlief għall-ġenn u l-ossessjoni ta’ moħħu.  L-għaxqa tagħna hi li nirnexxu.  Aħna jiġrilna dak li kien jibża’ minnu Santu Wistin: jgħaddi Alla minn quddiemna u ma nintebħux għax ikun ħsiebna fit-tajn tal-art.  Alla jgħaddi minn quddiem kull wieħed minna f’xi mumenti jew mumenti ta’ ħajjitna u lanqas nindunaw.  Isaija għandu sentenza profonda fuq dan: “Il-gendus jagħraf lil sidu, u l-ħmar il-maxtura ta’ sidu; imma Iżrael ma jagħrafx, il-poplu tiegħi ma jifhimx.”  Kważi profezija din dwar il-baqra u l-ħmara tal-għar ta’ Betlehem li stagħġbu b’dak li kienu qed jaraw waqt li Betlehem kompliet għaddejja bil-ġennati tagħha bla ma ndunat li fiha kien qed iseħħ dak li l-profeti u tant nies ġusti xtaqu mqar jilmħu mill-bogħod.  U band’oħra l-Kelma tgħid:  “Għax tnejn huma d-dnubiet tal-poplu tiegħi: telqu lili, l-għajn tal-ilma ġieri, biex ħaffru bjar għalihom, bjar miksura li ma jżommux ilma.”  (Ġer. 2, 13). 

 

Ngħiduha kif inhi, il-bniedem jixba’ b’Alla, ilkoll nixbgħu minnu u nivvintaw għalina allat u lkoll aħna konvinti li dawn se jagħtuna l-Ħajja, se jagħtuna l-“esseri” tagħna, is-sens tal-ħajja u nemmnu li mingħajrhom niġġennu għax huma biss jeżistu għalina.

 

Ħafna nies sabu lil Alla għax ġew imċekkna mill-fallimenti li sofrew fid-dinja.  Huma ġrew wara dak li toffri hi u kienu ċerti li għandha biss setgħu isibu l-milja, l-eliżir tal-Ħajja.  U weġġgħu, imma kibru fl-għerf.  Indunaw li l-Ħajja daħket bihom, baxxew rashom u ammettew li kien żbaljaw it-triq.  Xi Grazzja!  Daru lejn it-triq umli li tant kienu żżuffjettaw biha qabel.  Saru ċkejknin.  Għajruhom boloh imma kienu jafu li boloh kienu qabel.  Il-Ħajja bidlet il-kulur għalihom.  Indunaw kemm kellu raġun Pawlu meta qal: “Imma dak kollu li għalija kien qliegħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu.  Jien ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih.”  (Fil. 3, 7-9).  Imma din mhix l-esperjenza ta’ xi wieħed f’miljun.  Kristu huwa t-Teżor li l-Missier ta lil kull maħluq biex iħaffer għalih, isibu u jistagħna għal dejjem.  U dan lanqas ma hu xogħol il-bniedem.  Il-Missier qiegħed joffri lil Ibnu b’xejn, għax ħadd u xejn ma jista’ jimmeritaH, jixtriH, jistħoqqU.  Jasal dak il-mument ta’ għerf enormi, dawl mill-Ispirtu s-

Santu, meta int tgħid li tassew kollox hu knis, kulma hu għażiż għall-bniedem kollox hu knis ħdejn il-qliegħ enormi li hemm f’illi nakkwistaw il-Ħajja ta’ Dejjem fi Kristu.  U dan il-qliegħ huwa tassew eżistenzjali għax il-Ħajja ta’ Dejjem tibda ġa minn hawn, tagħmel differenza enormi diġa minn hawn f’din il-ħajja.

 

Huma l-umli, iċ-ċkejknin, l-anawim bil-Lhudi, il-fdal, li jistgħu jindunaw li t-Teżor li dejjem fettxew barra minnhom infushom, fl-oġġetti jew fil-persuni ta; madwarhom, jinsab, oħroġ il-għaġeb, ġewwa fihom stess.  Hemm jgħammar, moħbi, il-Waħdieni li jista’ jdawwal il-Ħajja.  Ġesù qal:  “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.  Iva,  Missier, għax lilek hekk għoġbok.”  (Mt. 11, 25-26).  Mhux “ċkejkna” kienet dik il-Mara meraviljuża li ltqajna magħha fil-Vanġelu tal-Ħadd li għadda li poġġiet ruħha mal-klieb li jieklu l-frak li jaqgħu minn fuq il-mejda ta’ Alla?  L-Umiltà tagħha mhux frak mill-art qalegħtilha imma post tal-unur fil-pranzu etern tal-Ħajja ta’ Dejjem, fejn, kif jgħid l-Apokalissi: “Jien nidħol għandu u niekol miegħu... u nagħtih li joqgħod maġenbi.”  (Apok. 3, 20.21).

 

Fid-dinja bħalissa qegħda sseħħ rivoluzzjoni enormi, taqliba fil-mentalità, niżla għall-bniedem fl-istima esaġerata li għandu tiegħu nnifsu.  Din l-Istorja tal-pandemija li Alla ppermetta qegħda ċċekken lill-bniedem li qed jagħraf kemm kollox hu prekarju, kemm sigurtà fl-għerf tiegħu, fil-kapaċità tiegħu hi gidba, fl-aħħar mill-aħħar.  Il-bniedem ġie tradut mill-kburija tiegħu, mill-kultura li ttambar li l-bniedem hu “alla” u li hu għad jegħleb kull ostaklu, għad jinfed kull fruntiera, għad jixxabbat u jtir ’il fuq mix-xemx u joħloq għalih, hu, ġenna fl-art għal dejjem.  Hu tassew meravilja l-moħħ li Alla ta lill-bniedem, u li l-bniedem għadu skopra biss perċentaġġ żgħir minnu, imma doża ta’ umiltà ilkoll tagħmlilna tajjeb ħafna, tmellaħ u tagħti togħma qaddisa lill-ħolqien kollu.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Inqiegħed fuq spallejh il-muftieħ tad-dar ta’ David.

Is 22, 19-23

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Dan jgħid il-Mulej lil Sebna, dak li jieħu ħsieb il-palazz tas-sultan:

Inwarrbek minn postok,

u nneħħik minn fejn qiegħed.

Dakinhar insejjaħ lill-qaddej tiegħi

Eljakim, bin Ħilkija,

inlibbsu l-libsa tiegħek,

u nħażżmu bit-terħa tiegħek,

u nagħtih f’idejh il-ħakma tiegħek.

U jkun missier għal min jgħammar f’Ġerusalemm,

u għad-dar ta’ Ġuda.

 

Inqiegħed muftieħ dar David fuq spallejh.

Jiftaħ hu, u ħadd ma jagħlaq;

jagħlaq hu, u ħadd ma jiftaħ.

U nwaħħlu bħal musmar ma’ ħajt fis-sod,

u jkun tron glorjuż għal dar missieru”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 137 (138), 1-2a.2bc-3.6.8bc

 

R/. (8b): It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem

 

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,

għaliex int smajt kliem fommi.

Quddiem l-allat irrid ngħannilek.

B’wiċċi fl-art ninxteħet

quddiem is-santwarju tiegħek. R/.

 

Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,

għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.

Meta sejjaħtlek, int weġibtni,

kattarli l-qawwa f’ruħi. R/.

 

Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar;

u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.

Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.

It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem. R/.

 

Qari II

Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih.

Rum 11, 33-36

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, kemm huma kbar l-għana, l-għerf u l-għaqal ta’ Alla!

Kemm tassew ħadd ma jista’ jgħarbel il-ġudizzju tiegħu u jifhem it-triqat tiegħu!

Għax min qatt għaraf moħħ il-Mulej?

Min qatt kien il-kunsillier tiegħu?

Min qatt tah l-ewwel biex jistħoqqlu l-ħlas?

Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih.

Lilu l-glorja għal dejjem ta’ dejjem. Amen!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 16, 18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi,

u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Inti Pietru: jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet.

Mt 16, 13-20

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?”. U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti”.

 

Imma intom min tgħidu li jien?”, staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”. U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”.

 

Imbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li huwa l-Messija.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu