IS-SITTA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2020) FIDI LI TNISSEL UBBIDJENZA MILL-QALB
Written by Frans Galea   
Saturday, 26 September 2020

Din hija il-Liturgija tas-Sitta u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

work_in_fields2.jpg

 

Hija l-Fidi fl-Aħbar it-Tajba, fl-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu, li tagħmel minn bniedem “Nisrani”.  Ħajja morali tajba hi, naturalment, imperattiva; m’hemm xejn veru mingħajrha!  Imma wieħed jista’ jgħix moralment ħajja eżemplari ħafna bla ma jkun Nisrani.  Ma tridx tkun Nisrani biex wieħed jitlob lil Alla.  Il-Lhud u l-Misilmin jitolbu ħafna, u forsi iktar minna wkoll.  Ma tridx tkun Nisrani biex tagħti karità.  Hawn min ma jemmen b’xejn u jħobb jgħin lil min hu batut u jitħabat favur id-drittijiet tal-fqir.  M’hemmx għalfejn tkun Nisrani biex tagħmel penitenza.  Hawn nies ta’ reliġjonijiet oħra li jsumu iktar minna, u saħansitra nies ateji li għandhom kontroll u dixxiplina qawwija fuqhom infushom.  U, fl-aħħar mill-aħħar, lanqas għandek għalfejn tkun Nisrani biex temmen f’ħajja oħra wara din, għax anke nies ta’ reliġjonijiet oħra jemmnu u jittamaw f’dan, u anke nies li ma jipprattikaw l-ebda reliġjon jiddefendulek din l-aħħar tama tal-bniedem.

 

Hija l-Fidi f’Ġesù Kristu li tagħmilna differenti, u ħafna wkoll.  Xi jfisser li temmen f’Ġesù Kristu?  Ifisser li temmen b’qalbek kollha u bi Grazzja mogħtija lilek mis-Sema, li Ġesù ta’ Nazaret, imwieled minn Marija, huwa Alla nnifsu li libes laħam il-bniedem biex ikun jista’ jgħix l-esperjenza fenomenali tal-Għid.  U x’inhi din l-esperjenza tal-Għid?  Importanti li nkun ċari u ċerti dwar dan għax hawn qegħda s-Salvazzjoni tagħna.  Il-Misteru tal-Għid huwa il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-imwiet ta’ Sidna.  Imma hawn ukoll irridu nenfasizzaw xi ħaġa mportanti.  L-Għid jitlob minna li mhux biss nemmnu li dan seħħ fi Kristu, imma li f’din l-Istorja hemm aħna mdaħħlin ukoll!

Huwa dan li jibdel qalb il-bniedem.  Id-differenza bejn il-Ġudajizmu, l-Islam, ir-reliġjonijiet kollha li sawwar il-bniedem u l-Fidi f’Ġesù l-Iben ta’ Alla hu li ta’ qabel ipoġġu l-bniedem fiċ-ċentru... isalva skont kemm jistinka hu, kemm jobdi hu, kemm hu kapaċi hu.  Kristu huwa Aħbar Tajba għall-bniedem dgħajjef li jiskopri li l-Liġi ħadd ma jista’ jobdiha, imma li Alla bagħat lil Ibnu biex jobdiha b’mod sħiħ Hu għalina!  Ġesù wettaq l-Għid għalija u għalik!  Minfloki u minflokok.  Hu inagħta bħal Ħaruf għall-qatla biex ipatti Hu għax aħna qatt ma stajna npattu għal dnubietna.  Hu rebaħ il-Mewt minfloki għax jien qatt u qatt ma kont se nasal biex nirbħilha lil din l-akbar għadu tiegħi.  L-ubbidjenza tiegħu lil Kristu rebħitlu merti eterni li bihom ilibbes lil kull bniedem li jemmen f’dik is-siegħa tal-għaġeb li għaliha ġie fid-dinja. 

 

Din hi d-differenza bejn Kristu u r-reliġjonijiet kollha tad-dinja.  Fi Kristu, Alla niżel biex jieħu fuqu l-konsegwenza tad-dnub ta’ kulħadd, waqt li r-reliġjon tħalli lill-bniedem jipprova jpatti hu għal dak li wettaq.  Fi Kristu, Alla ħa fuqu t-tagħbija tal-ħtija li jagħfas bħal madad kull bniedem u din it-tagħbija, lil Kristu għattnitu. Imma din l-Imħabba hi ikbar mid-“Dnub”, ikbar mill-Mewt u rebħitilhom it-tnjen. San Pawl jiddiskrivi dan kollu xi swielu lil Alla.  Hu jinseġ innu dwar il-Kenosi, in-niżla fix-xejn u l-umiljazzjoni ta’ Alla biex aħna neħilsu “scott free”  kif jgħidu l-Ingliżi.  Dan l-innu jinsab fit-tieni qari tal-lum. 

 

Hu, li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma tneżża’ minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir, sar  jixbah lill-bniedem, u deher minn barra bħal bniedem; ċekken lilu nnifsu billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.  (Fil. 2, 6-8).  X’ġenn ta’ Mħabba!  Kieku nkunu tant hienja, ixxurtjati, imbierka li nirċievu d-Dawl tal-Ispirtu s-Santu, u jinżel f’qiegħ qalbna l-għarfien profond ta’ dan kollu, kieku qalbna, minn tal-ġebel issir ratba kollha Mħabba għal Dak li ħabbna tant u li ħelisna minn konsegwenzi tal-biża’ billi sar donnu dudu tal-art (S. 22, 7) minflokna, li titqażżeż tħares lejh (Is. 53, 3). 

 

Għalhekk waqt li r-“reliġjon” tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru, il-Kristjaneżmu jpoġġi lil Alla, lil Kristu u l-Grazzja li rebħilna Hu fiċ-ċentru tal-Istorja tas-Salvazzjoni. Dan irridu nisħqu fuqu, għax għalkemm hemm abbiss jaqsam bejn l-Aħbar ta’ Kristu u r-reliġjożità, sikwit flok Insara nkunu biss “reliġjużi”, nemmnu biss fl-isforzi tagħna, f’dak li nimmeritaw aħna, u nġibu fix-xejn is-Salib u l-Qawmien ta’ Kristu.  Għax jekk dak li nagħmlu aħna hu biżżejjed biex nirbħu l-Ħajja ta’ Dejjem, x’ġie jagħmel Kristu fid-dinja u x’jiswa l-Misteru tal-Għid tiegħu?

 

San Pawl qalilna fil-qari li kkwotajna, li Kristu tneżża’ minn kollox.  Dan ifisser tneżża min-natura ta’ Alla.  Fejn qabel ma setax imut, issa kellu ġisem li jmut.  Fejn qabel ma setax ibati, issa seta’ jiġi mġiegħel ibati.  Fejn qabel kien glorjuż u mżejjen b’kull ġmiel, issa sar hekk dgħajjef li mank sab post diċenti fejn jitwieled, u spiċċa mejjet fuq l-agħar forka merfugħa għall-kriminali ħorox.

 

Dan għamlu biex aħna, li nemmnu, ninagħtaw natura ġdida; għal kollox ġdida.  Min jemmen f’dak li seħħ għalih fuq il-Golgota u meta tgerbet il-ġebla minn wiċċ il-qabar, issa jirċievi minn hawn stess in-natura ta’ Alla li hi rebbieħa fuq il-Mewt, fuq l-inkwiet kollu, fuq il-biża’ tax-xjuħija, tal-mard, fuq dak kollu li normalment itellagħlek is-sħab u jgħattilek ix-xemx tal-kuntentezza tiegħek.  X’wirt enormi rebħilna l-Mulej Ġesù bl-ubbidjenza tiegħu.  Din in-natura tixbah lil tiegħu li bil-mod il-mod nirċievu, tagħmel li nsiru kapaċi ngħixu Ħajja li tagħmilna differenti mill-bqija tad-dinja.  Kristu hu bil-bosta aqwa minn kull reliġjon oħra.  Infatti, il-Messija deher fid-dinja biex iġib fi tmiemha l-era tar-reliġjonijiet għax ma baqax iktar sens għalihom.

 

San Pawl iwissi li hu mportanti li ngħassu fuqna nfusna li ma nkunux ingannati dwar il-Fidi li għandna.  Fidi vera u adulta fi Kristu u f’dak li Kristu rebaħ għalina għandha ġġib fostna “Għaqda” li bħalha m’hemmx fid-dinja egoista.  In-natura l-ġdida għandha tnissel fina Imħabba li mhix naturali imma hi ta’ Alla; Imħabba li tasal biex tagħder, tifhem u tħobb lill-għadu!  Dawn huma ż-żewġ sinjali li jġagħlu lid-dinja tammetti u tgħid: “Hawn jinsab Alla!”  U dan mhux għax l-Insara huma, minnhom infushom, aħjar mill-oħrajn, imma għax irċivew dan kollu bi Grazzja.  Infatti, ħafna drabi Alla jagħżel l-iktar nies dgħajfa biex id-dinja tistagħġeb iktar u tifhem,  li hu Alla li jibdel u jqaddes lin-nies, u hekk hi tiġi salvata.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Jekk il-midneb jerġa’ lura mid-dnub, isalva ruħu.

Eżek 18, 25-28

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

 

Dan jgħid il-Mulej: “Intom tgħidu: “M’hijiex sewwa l-imġiba tal-Mulej!”. Issa isimgħu, dar Iżrael: Forsi l-imġiba tiegħi m’hijiex sewwa? Mhux l-imġiba tagħkom li m’hijiex sewwa?

 

Jekk wieħed ġust jitbiegħed mill-ġustizzja tiegħu u jagħmel il-ħażen, u jmut minħabba dan, minħabba ħżunitu jkun miet. Imma jekk il-midneb jerġa’ lura mid-dnub li jkun għamel, u jagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja, hu jsalva ruħu. Għax ikun intebaħ u reġa’ lura mid-dnubiet kollha li jkun għamel, u jibqa’ ħaj u ma jmutx”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 24 (25), 4-5.6-7.8-9

 

R/. (6a): Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, Mulej

 

Triqatek, Mulej, għarrafni,

il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,

għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

Għalik nixxennaq il-jum kollu. R/.

 

Ftakar fil-ħniena u fit-tjieba tiegħek,

għax huma minn dejjem, Mulej.

Tiftakarx fil-ħtijiet u fid-dnubiet ta’ żgħożiti:

inti tajjeb, Mulej;

ftakar fija skond it-tjieba tiegħek. R/.

 

Tajjeb u sewwa l-Mulej;

għalhekk juri triqtu lill-ħatja.

Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,

jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.

 

Qari II

Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù.

Fil 2, 1-11

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

 

Ħuti, jekk hemm fikom xi faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta’ ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi ħniena u mogħdrija; kunu fehma waħda u mlewni bil-ferħ! Ħa jkollkom l-istess imħabba, u ruħ waħda u ħsieb wieħed.

 

Tagħmlu xejn b’pika ta’ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.

 

Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù:

hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla,

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir;

sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;

ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,

anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u

żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù

– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom,

u kull ilsien jistqarr:

“Ġesù Kristu hu l-Mulej”,

għall-glorja ta’ Alla l-Missier.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni,

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-pubblikani jaslu qabilkom fis-Saltna ta’ Alla.

Mt 21, 28-32

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-kbir u qallu: “Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli”.

 

U dak qallu: “Ma rridx”. Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar. Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. “Arani sejjer, sidi,” qallu dan, u ma mar xejn. Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?”. “L-ewwel wieħed”, weġbuh. U qalilhom Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla. Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sa la ħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Last Updated ( Saturday, 26 September 2020 )