ID-DISGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2020) ALLA TASSEW SID L-ISTORJA
Written by Frans Galea   
Saturday, 17 October 2020

Din hija il-Liturgija tad-Disgha u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 romantaxes1700x1200-56a1469a5f9b58b7d0bdba5c.jpg

 

Fil-pjan ta’ ordni fid-dinja, Alla jagħżel nies biex jagħtihom kariżma politika, li jaħdmu għall-pajjiż, jistinkaw biex jiddefenduh, biex ifasslu sistemi ta’ tmexxija skont iż-żmien u l-proċess politiku li jkun wasal fih in-nazzjon.  Lil ħafna minn dawn, Alla żejjinhom bi mħabba lejn pajjiżhom u b’altruwiżmu biex jagħmlu l-ġid, l-aktar lil dawk li normalment ma jkollhomx min jaqbeż għalihom.  Fl-Istorja nsibu nies kbar li baqgħu imfakkra f’qalb ġenshom, jew għax tejbu l-qagħda ekonomika ta’ kulħadd, jew għax saħansitra offrew ħajjithom fid-difiża tal-pajjiż, billi kienu mexxejja militari.

 

Imma kien hemm ukoll dawk li ma wżawx id-doni li Alla tahom b’risq l-oħrajn, imma ħadmu kemm felħu biex ikabbru l-poter tagħhom.  Kemm slaten ħabbew il-gwerra iktar mill-paċi!  Kemm politiċi (bħal Hitler, Stalin u oħrajn kemm trid) farrku lil pajjiżhom għax il-poter għamihom u bdew jaħsbu li huma “alla”.  Kemm moħqrija!  Kemm inġustizzja!  Kemm uġigħ, tbatija u dmugħ!  Imma ħaġa tal-iskantament, dawk li kienu kiefra u kissru tant nies, kollha waqgħu mis-sema bħall-kwiekeb ġerrejja.  Għas-Sultan ta’ Babilonja, il-Kelma ta’ Alla qalet:  “Mis-smewwiet kif iġġarraft, int il-kewkba ta’ filgħodu, bin iż-żerniq!  Kif stabatt mal-art, int li l-ġnus kont tfarrak!  U int kont tgħid f’qalbek: Nitla’ sas-smewwiet, ’il fuq mill-kwiekeb ta’ Alla it-tron tiegħi ngħolli!”  (Is. 14, 12-13).

Bla ma trid tibqa’ mbellaħ kif, wara tant gwerrer, assassinji, vendetti u mibegħda, id-dinja għadha wieqfa, speċjalment fiż-żminijiet tagħna meta numru ta’ pajjiżi għandhom armamenti atomiċi... pajjiż wieħed immexxi minn “miġnun” kapaċi jtajjar id-dinja u jagħmilha biċċiet iduru fl-univers.  Bniedem wieħed kapaċi jagħmel lilu nnifsu Sid il-Ħajja, fuq kulħadd!  Imma d-destin tal-bniedem hu salvat minn verità li tgħid li l-ebda bniedem ma jitħalla jsir Sid il-Ħajja b’dan il-mod għax Sid il-Ħajja u Sid l-Istorja huwa Alla li ħalaq kollox.  Dan hu li jsalva lid-dinja f’kull ġenerazzjoni. 

 

B’xorti tajba Alla jaħkem fuq dawk li jaħkmu lill-bnedmin u jużahom Hu bla ma jindunaw.  Hu ta libertà lill-bniedem u jħallih jużaha anke ħażin għax Alla hu Mħabba.  Billi hu Mħabba, ma jistax iġiegħel lill-bniedem iħobbu bil-fors, għax din ma tkun Imħabba xejn.  Ħafna, speċjalment mill-mexxejja tal-popli, ippreferew iħobbu lilhom infushom minflok lil Alla u lill-proxxmu, u l-Mulej ħallihom imexxu ħajjithom u ħajjet dawk ta’ taħthom kif fettlilhom huma.  Imma l-Mulej dejjem jaħdem b’mod misterjuż.  “Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art, daqshekk ieħor huma triqati ’il fuq minn triqatkom, u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.  (Is. 55, 9).  It-tapezzerija tal-Istorja tal-bniedem, minn wara tidher koċċ tħarbit, ħjut bla sens, għoqod.  Imma meta ddur magħha u tmur quddiemha... xi spettaklu!  Alla jaqta’ għad-dritt b’toroq imgħawġa.  Imma fl-aħħar dejjem tiegħU tgħaddi.

 

Alla hu Sid ta’ kollox anke fejn tidħol il-Knisja, naturalment.  Kien hemm min qal li jekk il-Knisja ma farrkuhiex dawk ta’ ġewwa mhux se jirnexxilhom l-għedewwa minn barra.  Kien hemm żmien meta dittaturi u nies korrotti mexxew il-Knisja universali.  Il-ġid tal-Knisja kien l-aħħar ħsieb li kien jaħbat ma’ moħħhom!  Il-profeti ħabbru l-Eżilju ta’ Iżrael minn snin qabel għax il-Mulej għarrafhom li Hu kien qatagħha li jibgħat dan il-flaġell fuq il-ġens tiegħU biex isaffiħ, iġeddu, jirriformah.  Ġeremija ħabbar li Nabukkodonosor, Sultan tal-Babilonja, kien se jfarrak lil Ġerusalemm u kien se jieħu l-poplu refuġjat ’il bogħod minn pajjiżu.  Tant kien ċert il-Profeta li beda jħeġġeġ biex iċedu malajr, ma jitqatlux fi gwerra għalxejn għax is-Sultan ta’ Babel kien se jkun użat minn Alla għall-ġid tal-poplu.  Qamu bħal tigri għalih u l-imsejken Ġeremija kien l-iktar bniedem mibgħud għax ħasbuh li kien qed ixerred propoganda għall-barrani.

 

Kollox seħħ kif qal hu.  Imma Alla ġab lil Iżrael lura lejn pajjiżu sebgħin sena wara, poplu ġdid.  Dan hu li jsalva lid-dinja: il-fatt li Alla jikkmanda kollox u dejjem tgħaddi tiegħu, fl-aħħar mill-aħħar.  Il-mod kif jaħdem hu għandu isem: “Il-Misteru tal-Għid”.  Iktar kemm ikun tal-biża’ d-dlam tal-lejl, min jemmen iktar jistenna b’ħerqa li jibda jżernaq!  U jżernaq żgur u titla’ x-xemx li tnessi il-waħx ta’ qabel.  Meta Abraham ma kien għad baqagħlu l-ebda tama, hu kompla jittama u wasal il-jum, Jum iż-Żerniq, Jum il-Mulej, meta tawh f’dirgħajh lil ibnu għadu aħmar bid-demm tat-twelid.  Wara erba’ mitt sena fil-jasar, Iżrael ra l-baħar jinferaq quddiemu. 

 

L-Għid hu l-mogħdija minn qagħda ta’ bla tama għal Sorpriża li Alla biss jista’ jwettaq.  Il-Bibbja hi mimlija b’dawn il-waqtiet: ġrajjiet u esperjenzi li jirrepetu darba wara darba l-Misteru tal-Għid biex il-bnedmin jitgħallmu jemmnu f’Dak li ma jidhirx.  L-ikbar Għid hu ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla, għax Ġesù huwa ċ-ċentru tal-univers, tal-Istorja; Huwa biss jagħti sens lill-ħolqien kollu.

 

Anke din il-pandemija li qed ngħixu hi Storja “maħkuma” minn Alla... hi Kelma ta’ Alla.  Fuq kollox l-Istorja tiegħi, l-Istorja tiegħek, l-Istorja ta’ kull bniedem, għandha Sid Wieħed li qed imexxiha lejn tmiem meraviljuż.  Imma tibqa’ teżisti l-libertà għax l-Imħabba, meta hi Mħabba vera, ma ġġiegħelx li tkun maħbuba... lanqas li tkun emmnuta...

 

Fi żmienu, Ċiru kien Imperatur kbir.   Kien pagan.  Kellu l-allat ta’ ġensu.  Kien politiku jilħaqlu.  Alla ħakmu minn meta kien żagħżugħ u tah is-setgħa biex jużah sabiex jibgħat lura l-poplu Lhudi li kien eżiljat fl-Imperu tiegħu.  Alla hu dejjem sorpriża!  Sebgħin sena bla Tempju, bla pajjiż, u fuq kollox mingħajr Ġerusalemm il-belt maħbuba. Isaija jgħid: “Jien wettaqtlu idu l-leminija biex imidd mal-art il-ġnus.”  (Is. 45, 1).  Dan hu li qal Alla għal Ċiru.  Il-Verġni Marija tgħid: “Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom... u għolla ċ-ċkejknin.”  (Lq. 1, 51.52). 

 

Anke fl-Istorja tagħna.  Min jaf kemm allat ħlaqna aħna!  Lil wieħed filosofu staqsewh: “Min hu l-bniedem?”  Hu wieġeb: “Ħlejqa li l-ħin kollu toħloq allat ġodda.”  Veru.  Alla jwieġeb: “Jien hu l-Mulej, u ħadd ma hemm għajri, m’hemmx Alla ieħor ħliefi... barra minni ma hemm xejn!”  (Is. 45,  5).

 

Hi ħasra li ftit minna (barra l-Presbiteri u r-reliġjiżi) huma midħla tas-Salmi u tal-lingwaġġ meraviljuż tagħhom.  Is-Salmi hi t-Talba tal-Knisja, kif dejjem kienu t-Talba ta’ Iżrael.  Jaqbillu ħafna minn jindiehes magħhom għax fihom isib l-Istorja tiegħu!  Meta l-bniedem jara kif Alla dejjem kellu raġun anke meta għaddieh minn salib daqshiex, anke meta l-Istorja  ġagħlitu jisħet xortih... meta l-bniedem jifraħ u jogħxa għax Alla tassew li hu Sid l-Istorja tiegħu, hu jħoss ħerqa kbira kbira li jfaħħru.  Salm 96 hu wieħed mill-ħafna Salmi ta’ tifħir lil Alla.  Ngħidlek li int ma tista’ qatt tivvinta kliem li jesprimi tajjeb biżżejjed daqs is-Salmi il-gratitudni li jkollok f’qalbek.  “Tassew li l-allat tal-ġnus huma kollha frugħa, iżda l-Mulej għamel is-smewwiet!  (S. 96, 5).  Frugħa hi s-saħħa!  Frugħa l-għana!  Frugħa l-imħabbiet!  Frugħa s-suċċessi!  Frugħa l-prosit tan-nies!  Frugħa l-passastempi kollha!  Frugħa l-politika!  Frugħa li jsemmuk fil-ġid!  Frugħa kollox barra li int tagħraf il-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu; tagħrfu kemm din l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla.  (Ef. 3, 18-19).

 

Slaten iqumu, oħrajn jitniżżlu, imperi u qawwiet... imma Kristu ma jridniex nintilfu wara dan kollu u nagħmlu mill-bnedmin allat tagħna.  Għax Alla wieħed hawn u dan deher fid-dinja, jgħix l-istess esperjenzi tagħna fil-ġisem ta’ Ġesù Nazaret.  Huwa Hu l-Alla tagħna.  Huwa Hu li jmexxi l-Istorja ta’ kollox u ta’ kulħadd.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Jien wettaqt id Ċiru, biex imidd ma’ l-art il-ġnus quddiemu.

Is 45, 1. 4-6

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Dan jgħid il-Mulej dwar il-midluk tiegħu, dwar Ċiru:

“Lilu qbadt minn idu l-leminija

biex inrażżan il-ġnus quddiemu

u nħoll il-ħżiem ta’ ġenbejn is-slaten;

niftaħ il-bibien quddiemu

u ebda bieb ma jibqa’ magħluq.

Minħabba Ġakobb, il-qaddej tiegħi,

u Iżrael, il-maħtur tiegħi,

jien sejjaħtlek b’ismek.

Tajtek isem ta’ ġieħ għad li lanqas tafni.

Jien il-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi,

m’hemmx Alla ieħor għajri.

Jien ħażżimtek għad li lanqas tafni,

biex mnejn titla’ x-xemx safejn tinżel,

il-bnedmin jagħrfu li m‘hemm ħadd ħliefi.

Jiena l-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi. “

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 95 (96), 1.3.4-5.7-8.9-10a.c

 

R/. (7b): Agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;

għannu lill-Mulej fl-art kollha!

Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,

fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. R/.

 

Għax kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru ħafna,

tal-biża’ aktar mill-allat kollha.

Għax kollha frugħa l-allat tal-popli;

Jaħweh hu li għamel is-smewwiet! R/.

 

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,

agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;

agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu!

Ġibulu l-offerti, u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu. R/.

 

Inxteħtu quddiem il-Mulej b’tiżjin qaddis,

triegħdu quddiemu, nies kollha tal-art!

Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”.

Hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.

 

Qari II

Niftakru fil-fidi u fl-imħabba u fit-tama tagħkom.

1 Tess 1, 1-5b

 

Bidu tal-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 

Pawlu u Silvanu u Timotju lill-knisja ta’ Tessalonika f’Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu: grazzja lilkom u sliem. Aħna kull ħin niżżu ħajr lil Alla minħabba fikom ilkoll, u niftakru fikom dejjem meta nitolbu. Niftakru fil-ħidma li hi ġejja mill-fidi tagħkom u fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom; niftakru fil-qawwa tat-tama tagħkom f’Sidna Ġesù Kristu quddiem Alla Missierna. Aħna nafu, ħuti, li Alla jħobbkom u għażilkom. Għax l-Evanġelju tagħna lilkom ma kienx biss bil-kliem, imma wkoll bil-qawwa, bl-Ispirtu s-Santu u b’persważjoni sħiħa.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Fil 2, 15d.16a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb,

u żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.

Mt 22, 15-21

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b’xi kelma. U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma’ xi Erodjani u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares. Għidilna ħaġa, mela: Int x’jidhirlek? Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?”.

 

Imma Ġesù għaraf il-ħażen ta’ moħħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu ġġarrbuni, ja wċuħ b’oħra? Uruni l-munita tax-taxxa”. Urewh dinar, u Ġesù staqsiehom: “Ta’ min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?”. Qalulu: “Ta’ Ċesari!”. Imbagħad qalilhom: “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Last Updated ( Saturday, 17 October 2020 )