Din hija il-Liturgija tat-tielet Hadd ta' l-Avvent ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
It-Tielet Ħadd tal-Avvent għall-Knisja li
tistenna u tishar huwa “Ħadd il-Ferħ”.
Alla li ġej jiltaqa’ magħna huwa “Ferħ”, huwa “Festa”. L-Antifona tal-Ewkaristija ta’ dan il-Ħadd hi
xhieda mportanti ta’ kif għandha tkun il-Ħajja tan-Nisrani “adult”: Ifirħu fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom,
ifirħu. Il-Mulej qorob. (Fil. 4, 4-5). Dan hu kliem San Pawl. Fit-Tieni Qari, imbagħad, l-istess Appostlu
fl-Ewwel Ittra lit-Tessalonkin, jerġa’ jħeġġiġna: Ħuti ifirħu dejjem. (1 Tess. 5, 16-24).
X’taqliba ta’ taħt fuq dwar il-perċessjoni li
ħafna li jgħoddu lilhom infushom “Insara” għandhom dwar Alla. Għandna wisq Insara “tal-gdiedem” li
fid-dinja tal-lum qatt ma jistgħu ikunu xhieda ta’ Kristu quddiem dinja li trid
tara nies “Ħajjin” tassew, nies iħobbu tassew, nies magħqudin f’għaqda fraterna
tassew. Bil-kliem kulħadd jaf jgħid
ħafna affarijiet, u jiktibhom ukoll, u jippriedkahom ukoll, imma huma l-fatti
li huma reklami ħajjin għal Kristu, reklami ta’ veru mhux bħar-reklami
tad-dinja li jwegħdu ħwejjeġ minn barra biss.
Anke Santu Wistin kien imdawwar b’Insara ta’
dan it-tip... tant li ried “igawdi d-dinja” u mbagħad jara dwar Alla iktar tard
meta l-ewforija taż-żogħżija tkun għaddiet!
Xi żball kellu, u kemm iddispjaċih li “rema” snin minn ħajtu fuq il-ħmerijiet,
tant li lil Alla jgħidlu: “Kemm
ħabbejtek tard, Mulej; kemm ħabbejtek tard!”
Wistin kellu l-istess mentalità materjalista li għandna aħna llum. Qatt ma jinbidlu l-affarijiet! Kien jaħseb li Alla hu sagrifiċċju, tqanżiħ,
kontroll assolut fuq ix-xewqat tal-ġisem, ċaħdiet, penitenzi... Issa dan kollu jagħmel parti mill-Ħajja
Nisranija, niftehmu. Imma dawn jagħmlu
parti wkoll mill-ħajja materjalista ta’ min jagħmel id-dieta biex iżomm
il-figura, tal-atleti fid-dixxiplini sportivi kollha, ta’ min hu nkwetat dwar
saħtu... Ara ftit min għandu l-passatemp
tal-kaċċa jew l-insib, kemm iqum kmieni fil-reżħa ta’ filgħodu u jħaffef lejn l-għelieqi tal-kampanja, kullimkien miksi
bin-nida u bil-ġlata. Din tbatija? Iva u le.
Hija tbatija fiżika, imma jekk għandek in-namra, jew jekk int tara sens
fil-kontroll ta’ dak li jixxennaq għalih il-ġisem, int tagħmilha minn qalbek u
t-tbatija mank biss taraha. Hi prezz
ċkejken ħdejn is-sodisfazzjon li dan l-eżerċizzju jagħtik.
Din hi l-problema. Ħafna m’għandhomx in-namra ta’ Alla
f’qalbhom... ma jħobbuHx. Ma jħobbuHx
għax ma jafuHx; ma jagħrfuHx; għadhom ma messithomx il-Grazzja, bħal Santu
Wistin qabel infetħulu għajnejh, meta li “jpoġġi” ma’ mara li minnha kellu
tifel, kien iktar attraenti milli jissagrifika ruħu għal Xi Ħadd li ma kienx jafu sew. Anzi, ħafna minna mhux biss ma nafux lil Alla
sew imma għandna karikatura imwerrċa ta’ Alla.
Ma jistgħux iħobbuH minħabba din il-karikatura.
Għalhekk hu mperattiv għall-Knisja li tintefa’
xxandar il-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba, x’għamel għalina Kristu fil-Misteru
tal-Għid tiegħu. Iktar għandna bżonn dan
it-tip ta’ predikazzjoni minn dak prevalenti għal tant u tant snin...
predikazzjoni fuq il-morali, fuq il-Liġi, dwar x’għandek tagħmel u m’għandekx
tagħmel. Dan it-tip ta’ priedki, li jagħmel
sens jekk mogħti lil dawk li mxew mhux ħażin fil-mixja tagħhom lejn Alla, ftit għandu effett fuq il-bniedem tal-lum għax
Fidi ftit għandu u hu dgħajjef quddiem l-esiġenti tal-Vanġelu. Mur ġib lili, li qatt ma kelli namra
għall-insib tal-għasafar, li nqum fl-erbgħa ta’ filgħodu biex immur noqgħod fuq
ġebla kiesħa ġo għalqa nittama li naqbad xi ħaġa...
Allura, min hu dak Alla li għal min skoprih
huwa “Ferħ”, huwa “Festa”? Alla huwa
Mħabba. Kulma jagħmel, kulma ħalaq huwa
frott l-Imħabba. Minn baqa’ sorpriż
mill-Grazzja li fetħitlu għajnejh fuq dan, jibda jifhem li anke meta Alla
nnnifsu jniżżlu ġo wied mudlam u jgħaddih minn hemm, anke dan l-att huwa
Mħabba, huwa eżerċizzju ta’ maturità bħala bniedem u fil-Fidi. Meta s-salib jagħfas fuq spallejh, in-Nisrani
jagħmel bħan-nagħaġ li ma jafux fejn jinsabu, ma jafux fejn sejrin, imma jħarsu
’l quddiem u jaraw dahar ir-Ragħaj quddiemhom u jitfarrgu, jagħmlu l-qalb għax
jafu li mhumiex waħedhom, li f’dak
id-dahar jitbandal min sieq għal sieq hemm il-garanzija il-kapparra
tas-Salvazzjoni.
Mhux qed nitkellmu fuq sempliċi “reliġjon” hawn. Dan bħal meta wieħed iħobb tfajla, jew
viċi-versa, jagħmel dak li jista’ biex jaraha kuntenta. Ir-relazzjoni tiegħi u tiegħek ma’ Alla, fuq
l-Imħabba trid tinbena, fuq kif tħabbat il-qalb. Hawn min ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla,
relazzjoni tant importanti u fundamentali, hi mibnija fuq il-Liġi, fuq
is-sistema ta’ kmandamenti. Jien nobdi
għax nibża’ li niġi bżonnok u ma tgħinnix, jew agħar, nobdi għax hemm l-infern,
għax kieku nini nini! Fuq hekk huma
msejsa r-reliġjonijiet tad-dinja inkluż l-Iżlam li ma jippridkax Alla li hu
Mħabba, Alla li għamel lilu nnifsu dgħajjef biex jinżel ħdejn il-bniedem u jsir
bħalu, imma jagħfsu fuq il-Kobor ta’ Alla.
“Allah akbar!” hi l-għajta tagħhom; Alla l-ikbar wieħed. Din li Alla jħobb lilek u lili anke meta aħna
għedewwa tiegħu, meta aħna ħżiena u midinbin, lilhom u lir-reliġjonijiet l-oħra
ma tinżlilhomx. Hu Alla li wriena min hu
Ibnu Ġesù Kristu biss jaf li hi l-Imħabba
li ssalva lill-bniedem, li tibdillu qalbu.
Imma lanqas lil ħafna Nsara ma tinżlilhom din li Alla hu
Mħabba dejjem, huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi, u huwa minn dan it-tip ta’ nies li
joħorġu tant xhieda negattiva dwar Alla, dwar il-Mulej Ġesù. Huma nies reliġjużi kemm trid, jisfurzaw
ħafna u jbatu wkoll; jaħdmu
għall-Knisja, u jista’ jkun li ħafna affarijiet ma jsirux kieku ma jkunux huma. Għalhekk jibqgħu imbellha u skandalizzati
meta jidher is-Salib, jew it-Talb tagħhom bħal qisu ma jinstemax. Allura m’għandniex għax ninħasdu dwar gdiedem
fil-Knisja, dwar bruda... fuq kollox dwar tant ġudizzji fuq il-proxxmu li mhux
biss ma jippruvax bħalhom, imma jidneb u jixxala u jidħaq qisu mhux hu. Ma jistgħux jifhmu l-Imħabba ta’ Alla li,
għal kuntrarju tagħhom, ma tarax lill-bniedem bħala “ħażin”, imma bħala
mjassar, bħala mejjet li għandu bżonn min iqajmu.
Il-Milied iħabbar l-Imħabba ta’ Alla, gratis, bla ma
l-bniedem jistħoqqha. L-istess jagħmel
l-Għid naturalment; u l-istess ukoll il-Pentekoste meta fid-dawl tal-Ispirtu
s-Santu, il-bniedem fehem għall-ewwel darba kemm kbira hi l-Imħabba ta’ Alla
murija fi Kristu Ġesù. Infatti l-festi
kollha jxandru l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu għax il-Knisja li tagħmilhom ma
tistax ma tifraħx, ma tistax ma tagħmilx festa dejjem, ma tistax ma ddawwarx
anke funeral f’festa, għax minn Kristu ’l hawn kollox hu ċelebrazzjoni. Dan kollu jiġi minn Fidi f’Alla-Imħabba.
L-ewwel qari jurina l-verità ta’ dan kollu li qed
ngħidu. Il-Profeta jgħid li kellu
l-esperjenza tal-għaġeb li jħoss l-Ispirtu ta’ Jahweh fuqu biex ixandar lil
Alla bħala Aħbar Tajba. Kellu bżonn
l-Ispirtu ta’ Alla biex jagħmel dan.
L-ispirtu reliġjuż ixandar il-kastig, u sikwit dan ikollna bżonnu wkoll,
għax aħna tfal quddiem Alla, tfal li l-ħin kollu għandna bżonn il-korrezzjoni,
il-mediċina li hi qarsa. L-eżilju
f’Babel ma kienx kastig imma mediċina, korrezzjoni manja! Issa l-Ispirtu s-Santu jimbotta lil Isaija
biex iħabbar il-faraġ, biex ixandar ir-ritratt ta’ Dak li kellu jiġi,
il-Messija.
F’dan il-Qari se naraw għaliex Alla hu Ferħ għal min
isibU. Hu bxara tajba għall-fqir; duwa
ta’ konsolazzjoni għal min għandu qalbu maqsuma; ħlas tal-fidwa għal min sab
ruħu fil-jasar għax ma kellux biex iħallas dejnu; l-isfrundar ta’ bieb iċ-ċella
għall-ħabsi; u Alla hu sena ta’ Grazzja għal kull min jemmen. Kull bniedem ifittex il-Ferħ. F’dan il-Milied, ħafna se jfittxuh band’oħra
u mhux fi Kristu. X’jimporta... kollox
jiswa għall-maturazzjoni tal-bniedem. L-Imħabba
tibqa’ tħobb u tibqa’ tagħti, tagħti, tagħti sakemm il-bniedem, bħal Wistin,
jiskopri li kien qabad triq żbaljata u tilef ħafna żmien.
Liema hi r-risposta ta’ Alla, it-tweġiba tiegħu għad-dnub
tal-bniedem? Nisimgħu lil Isaija: Nifraħ
fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi. Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni,
bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarus imżejjen b’kuruna, bħal għarusa
tlellex bil-ġawhar tagħha.” (Is. 61,
10). Xi ġmiel! Tifhmu dan il-kliem dik li ħaslet riġlejn
il-Mulej bi dmugħha u xxuttathomlu b’xuxxitha.
Jew dik li kissret għonq il-flixkun tal-fwieħa tiswa ħafna u ferretu
kollu kemm hu fuq rasU. Jifhmu Pietru li
wara li għadda kollox ra l-Mulej ġej lejh, hu li kien tradiH, u l-ewwel kelma
li sema mingħandu kienet “Shalom; Sliem!”
Jifhmu tajjeb Pawlu, kif se naraw fit-Tieni Qari.
F’dan il-Ħadd tal-Ferħ jixraq li minflok is-Salm ikollna
l-Kantiku ta’ Marija għax hi, fuq kulħadd, turi l-Ferħ u l-Festa li l-bniedem
isib f’Alla. Hi l-Għarusa tlellex
bil-ġawhar li fuqha tkellem Isaija, mhux għax Alla laqagħha għandu bħala
midinba, għax in-natura mwaqqa’ li għandna aħna qatt ma messet magħha. Imma Hi turi fejn jista’ jasal il-bniedem
bl-Opra li Alla jaħdem fiH. Marija hi
Opra ta’ Alla, il-kapulavur tiegħU, imma l-Knisja tterraq lejn il-mument meta
hi tiġi trasformata għal kollox fi Kristu bħalma kienet Marija l. L-istess merti li ħadmu biex f’Marija ma
jmissx id-dnub, jaħdmu wkoll biex aħna nsiru ġusti u qaddisa quddiem
il-Missier. Kemm f’Marija u kemm fina
sseħħ l-isplużjoni ta’ Ferħ li l-għarfien ta’ Alla biss kapaċi joħloq
fina. “Għax is-Setagħni għamel miegħi
ħwejjeġ kbar!” (Lq. 1, 49). Alla qiegħed jaħdem fina wkoll biex minn ġo
fina toħroġ l-istess għajta ta’ Marija.
Min isib il-Ferħ tiegħu f’Alla jimtela’ bi gratitudni u
radd il-ħajr u jibda jinduna li Alla dejjem kellu raġun f’dak kollu li għadda
minnu. Jogħġobni l-eżempju tal-arazzi, u
skużawni jekk inġibu sikwit għax meta smajtu l-ewwel darba laqatni: minn wara
kollhom ħjut imħabblin u għoqiedi ’l hemm u ’l hawn, imma malli, kollok
iddiżappuntat, ifettillek tħares lejn il-faċċata, tibqa’ mbellah b’li
tara. L-esperjenza ta’ ħafna nies dwar
Alla hi din.
Għandna parti ċkejkna mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl
lit-Tessalonkin. San Pawl huwa dejjem stupend. Anke hu kellu l-esperjenza “tal-arazzi”! Alla ppermetta li hu jħares lejn l-akbar Opra
ta’ Alla min-naħa ta’ wara, u li ra dardru.
Ma setax jifhem il-Misteru ta’ Kristu u l-Knisja tiegħU. Ra kollox bil-maqlub: il-veritá raha gidba u
tħabat kontriha. Imma meta messitu
l-Grazzja, moħħu nqaliblu b’li “ra” u b’li fehem. Imtela bid-Dawl, bil-Ferħ, bil-Festa,
biż-Żelu bin-Nar tal-Ispirtu s-Santu, bl-Imħabba għal Kristu, li issa ra fih
Dak li ta ĦajtU għalih biex hu jgħix għal dejjem. Fil-bidu “ra” ċorma sajjieda u nies baxxi li
fettlilhom jitkellmu fuq Alla b’mod ġdid; imma mbagħad hu ġie minfud
mill-Kerigma, mill-Bxara t-Tajba, mill-Imħabba li ma tistax timmaġinaha, ta’
Alla għal kull bniedem. Kif hu stess
kiteb: “dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma
tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh. Dan Alla rrivelahulna permezz
tal-Ispirtu.” (1 Kor. 2, 9-10). Altru li mhux veru li Alla jrid
jeħodlok xi ħaġa.
Lit-Tessalonkin, l-Appostlu jħeġġiġhom biex: jifirħu
dejjem. (1 Tess. 5, 16). Jifirħu dejjem għax kienu emmnu dak
li qalilhom hu dwar il-Mulej Ġesù.
Il-Ferħ veru tal-Milied hu għax ġej il-Mulej biex
jimburġana bl-għarfien tal-Imħabba li Alla għandu għalina u li tibdel il-qalb u
tagħtina perspettiva, dehra ġdid fuq is-Salib li nġorru, fuq il-problemi
tal-Ħajja li jidhru qishom muntanji, dwar il-ġudizzju tagħna fuq il-proxxmu hu
min hu. Kollox jinbidel jekk Alla
jagħtina għajnejn ġodda mixgħulin mill-Imħabba tiegħu. Ġwanni jgħid: “F’nofskom, għad li intom ma
tafuhx, hemm dak li għandu jiġi warajja.”
(Ġw. 1, 26-27). F’nofsna
hawn Kristu. Nafu ħafna dwarU. Imma min jieħdU bis-serjetà ikollu jiffaċċja
l-mistoqsija: “Dwaru tgħallimt ħafna, imma jien tassew nafU? Tassew iltqajt miegħU? Tassew li jien immarkat minn relazzjon intimà
miegħU?
Ġwanni l-Battista kien imbuttat mill-Ispirtu s-Santu biex
iħejji t-triq għal Xi Ħadd li lanqas hu ma kien jaf sew min hu. Infatti hu
jgħid: “Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed
bl-ilma, hu stess qalli, ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod dak hu li
jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.’” (Ġw. 1,
33). U Ġwanni baqa’ jikber
fl-għarfien ta’ min hu Ġesù sal-aħħar jiem ta’ Ħajtu, meta mill-ħabs bagħat xi
dixxipli tiegħu jistaqsu lil Ġesù jekk kienx tassew hu li kellu jiġi jew
jistennew lil ħaddieħor. Allura nistgħu
aħna ngħidu li nafu lil Ġesù għax smajna dwaru?
Għandna bżonn laqgħa misterjuża miegħU u din tista’ sseħħ f’dan
il-Milied.
Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Nifraħ fuq li nifraħ
fil-Mulej.
Is 61, 1-2a.10-11
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,
għax il-Mulej ikkonsagrani,
biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
bagħatni ndewwi l-qalb miksura;
biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs;
biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej.
Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej,
taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.
Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni,
bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,
bħal għarus imżejjen b’kuruna,
bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.
Bħalma l-art tnibbet,
bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih,
hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja u
l-foħrija,
quddiem kollha kemm huma l-ġnus.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Lq 1,46-48.49-50.53-54
R/. (Is 61, 10b): Taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla
tiegħi
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ’l quddiem
kull nisel isejjaħli hienja. R/.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien
fuq dawk li jibżgħu minnu. R/.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu. R/.
Qari II
Sħaħ bla mittiefsa, sa ma
jiġi Sidna Ġesù Kristu.
1 Tess 5, 16-24
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin
Ħuti,
ifirħu dejjem, itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox. Dan hu li jrid
Alla mingħandkom fi Kristu Ġesù. Ixxekklux l-Ispirtu, tmaqdrux il-profezija.
Ippruvaw kollox: it-tajjeb żommuh, u, fuq kollox, warrbu kull xorta ta’ ħażen.
U
Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa fl-ispirtu,
fir-ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu. Fidil hu Alla li sejħilkom,
u huwa jagħmel dan.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Is 61, 1
Hallelujah. R/. Hallelujah
L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi:
biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
F’nofskom hemm dak li intom ma tafuhx.
Ġw 1, 6-8.19-28
Qari mill-Evanġelju
skont San Ġwann
Kien hemm raġel mibgħut
minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih
kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.
Ix-xhieda ta’ Ġwanni
kienet din, meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex
jistaqsuh: “Int min int?”. Hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex
il-Messija”. Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex”, qalilhom.
“Int il-Profeta?” “Le”, weġibhom. Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil
dawk li bagħtuna. Min tg ħid li int?” U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija:
“Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”.
Issa
dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif
qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma”,
weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej
warajja; jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu”.
Dan
ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|