IT-TIELET HADD MATUL IS-SENA (2021) HAJJA PREKARJA: MA NAFUX X’SE JIGRI |
Written by Frans Galea | ||
Sunday, 24 January 2021 | ||
Din hija il-Liturgija tat-Tielet Hadd matul is-sena ( 2021 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ninsabu ngħixu fi żmien li jista’ jkun ħafna iktar diffiċli milli s’issa qegħdin naħsbu. Din il-pandemija, iktar kemm jgħaddi ż-żmien, qed iġġagħalna naħsbu kemm kollox hu prekarju, u kemm dak li konna nemmnu li hu ċert u sod, issa ma nafux x’se jsir minnu. Il-kultura li bnejna fl-aħħar għexieren ta’ snin, kultura li tpoġġi lill-bniedem fuq il-pedestal ta’ Alla, ħadet skossjatura tal-għaġeb. Minn xejn ma nistgħu inkunu ċerti ħlief minn Alla, imma din iċ-ċertezza dwar Alla tiddependi għal kollox mill-Fidi
F’dawn l-aħħar żminijiet poġġejna l-Fidi tagħna fuq il-kapaċitajiet tal-bniedem li bl-għerf tiegħu u bil-progress hu kapaċi jsolvi l-problemi kollha. Tant għamel progress il-bniedem, u dan bil-barka ta’ Alla li hu Sid l-Istorja u Sid il-progress, li moħħ il-bniedem inqaleb. Dak li qabel kien ifittex mingħand Alla beda jfittxu mingħand il-bniedem fil-qasam tat-teknoloġija, tal-mediċina, tax-xjenzi kollha bħall-psikoloġija, ngħidu aħna. Il-bniedem ivvinta ħwejjeġ tal-għaġeb li għamlet l-eżistenza fuq din l-art ferm aktar komda. Hu veru li l-bniedem sar jaħdem bħal kelb u ġie magħmul ilsir tal-ekonomija, qisu skurfina f’magna enormi dejjem sejra, dejjem għaddejja tipproduċi, għax issa sirna nies ta’ uża u armi. L-affarijiet li nixtru huma għal ftit żmien għax importanti li jkun hemm dejjem domanda għal prodotti dejjem iktar ġodda bi stili isbaħ biex hekk il-“Magna” tkompli għaddejja. Ħadd ma għadu jagħti kas ta’ xejn ħlief għal dan. Aħdem, aqla, onfoq. Il-banek u l-ħwienet ilellxu saru t-tempji, il-knejjes tal-lum, b’dawk li jaħdmu fihom lebsin pulit qishom il-qassisin moderni f’liturġija ġdida ta’ qima lil alla “Bagħal”. (L-isem “Bagħal” ifisser “Sid” fil-lingwi semitiċi). F’daqqa waħda qed nitilfu l-kunfidenza. L-ekonomiji tad-dinja kollha niżlu għarkupptejhom quddiem il-virus u l-pajjiżi li kellhom l-għana maħżun nefquh fis-sussidji lill-kumpaniji biex ma jerġax ikollna l-ġuħ li l-Amerika u d-dinja raw fid-dippressjoni tas-snin tletin. Kelli nannu li mill-Amerika ġab miegħu ritratt b’daqna sa fuq sidru. Ħadd ma kien iqaxxarha għax li tixtri xafra tal-leħja kien ħela.
Anke l-mediċina hi mifxula. Ivvintaw il-vaċċin u ma nafux jekk jaħdimx jew le, jew kemm-il darba trid tieħdu, jew x’”side-effects” għandu. L-istess reliġjon mhix ċerta jekk dawk li telqu milli jiġu lejn il-knisja minħabba l-periklu humiex se jiġu lura, meta, jekk Alla jrid, jgħaddi kollox. Żabra manja għal kulħadd anke għall-istess Knisja. Fil-qari tal-lum Pawlu jgħid: “Dan ngħidilkom ħuti: iż-żmien qsar... u s-sura ta’ din id-dinja għad tgħaddi!” (1 Kor. 7, 29w). Min jista’ jmeriħ dan? Jekk xejn qed insiru xi ftit umli u n-numri li kuljum joħorġu fuq il-meżżi tax-xandir huma bħat-tokki tal-qanpiena l-kbira tistieden lin-nies għall-konverżjoni.
Imma l-konverżjoni mhix tant faċli. Il-bniedem qed jiskopri kemm nesa’ lil Alla fi żmien il-ġid. Personalment nistagħġeb kif Ninwe kkonvertiet f’daqqa meta Ġona xandar “Randan” ta’ erbgħin jum qabel il-qerda. (Ara l-Ewwel Qari). Jekk jitfaċċa xi Ġona llum jgħadduh b’miġnun, u jitfgħuh il-ħabs għax qed jallarma lin-nies. Flok Ġona deher dudu li tawh ismijiet li ħadd ma jaf x’inhuma ħlief l-ispeċjalisti tal-laboratorji.
Fejn jidħol Alla f’dan kollu? Jidħol ħafna, għalkemm bosta ma jifhmux l-indħil tiegħU. Jew Alla hu Sid l-Istorja jew mhu Alla xejn! M’hemmx fejn iddur... Fittixna l-Ħajja fuq din l-art u Alla qed jgħidlna li fuq din l-art kollox qiegħed imut, kollox f’ġirja lejn it-taħsir, il-mard u l-Mewt. “Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?” (Rum. 7, 24). Din hi l-għajta tal-bniedem li għandu għajnejh miftuħin. Min “jara” jaf li jinsab f’merħla għaddejja tiġri ppanikkjata lejn is-sies. Min se jżommilna l-break?
Ħafna jippreferu ma jaħsbux u allura f’din il-kriżi hu mportanti li nżommu n-nies mehdija bit-television, bil-football, bil-ġugarelli tas-“social media” u l-bqija. Importanti li taljena ruħek għax tiġġennen. Jiġġennen min m’għandux Fidi f’Dak li rebaħ il-Mewt. Hu tajjeb li tieħu l-prekawzjonijiet kollha, imma ftakar li Missierek hu Sid l-Istorja tiegħek u lilek iħobbok ħafna ħafna. Kulma jiġri hu għall-ġid tal-bniedem. Kulma jiġri hu Misteru dejjem ġdid tal-Għid... dlam li jieħu lejn id-Dawl, dnub li jieħu lejn il-Maħfra, lejl li jieħu lejn iż-żerniq, luttu lejn il-festa, għatx lejn l-ilma tal-Ħajja vera.
Imma għad baqa’ għatx fil-bniedem għal Alla wara kollox? Tgħid drajna mingħajrU? Tgħid drajna npoġġuH fin-niċċa ċkejkna tiegħU tal-quddiesa tal-Ħadd u ’l barra minn hemm huwa “Bagħal” li jikkmanda kollox? Tgħid hu tard wisq? Tgħid tgħodd għalina l-profezija li tgħid: “Ara, għad jiġi żmien, oraklu ta’ Sidi l-Mulej, meta nibgħat il-ġuħ fuq l-art; mhux il-ġuħ tal-ħobż, lanqas l-għatx għall-ilma, iżda għas-smigħ tal-kelma tal-Mulej. Jibdew iduru minn baħar għal ieħor, u jiġġerrew mit-Tramuntana għal-Lvant, ifittxu l-kelma tal-Mulej, u ma jisibuhiex.” (Għam. 8, 11-12).
Dan hu żmien ta’ konverżjoni. Għax għandi nilgħab b’Ħajti jien, meta hu ċar li kollox qisu lotterija u malajr jitla’ n-numru tiegħi u jiġru bija ’l hemm?
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġona Il-kelma tal-Mulej waslet lil Ġona u qallu: “Qum, mur f’Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ngħidlek jien”. U Ġona qam u mar f’Ninwè kif qallu l-Mulej. Issa Ninwè kienet belt kbira għall-aħħar, trid tlitt ijiem biex timxiha. Ġona, kif daħal il-belt, beda ġurnata mixi, ixandar u jgħid: “Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!”. In-nies ta’ Ninwè emmnu f’Alla, nedew sawma u libsu l-ixkejjer, mill-kbir saż-żgħir. U Alla ra x’għamlu, kif reġgħu lura minn triqthom il-ħażina. U Alla raġa’ bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom, u ma għamlux.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI R/. (4a): Triqatek, Mulej, għarrafni.
Triqatek, Mulej, għarrafni,
Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,
Tajjeb
u sewwa l-Mulej;
QARI II Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien qsar. Ħa jkunu, mela, dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx; dawk li jibku, bħallikieku ma jibkux; dawk li jifirħu, bħallikieku ma jifirħux; dawk li jixtru, bħallikieku ma għandhom xejn; dawk li jgawdu d-dinja, bħallikieku ma jgawduhiex; għax is-sura ta’ din id-dinja għad tgħaddi!
Il-Kelma tal-Mulej.
AKKLAMAZZJONI
QABEL L-EVANĠELJU
Hallelujah. R/. Hallelujah.
EVANĠELJU Qari mill-Evanġelju skont San Mark Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”. Waqt li kien għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u ’l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh. Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta’ Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek, u minnufih sejħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh.
Il-Kelma tal-Mulej. |