L-GHID IL-KBIR TAL-MULEJ TAGHNA SIDNA GESŁ KRISTU (2021) IL-BXARA L-KBIRA
Written by Frans Galea   
Sunday, 04 April 2021

Din hija il-Liturgija ta'L-Ghid il-Kbir tal-Mulej Taghna Sidna Gesu' Kristu ( 2021)Il-Bxara l-Kbira: Il-Mewt giet mirbuha Hallelujah!  bi hsibijiet min Joe Rapa.

ghid_il-kbir_2021.jpg

 

 

Żernaq Jum li bħalu qatt ma kien qabel, Jum li jisboq il-jiem kollha.  Meta deher id-dawl għall-ewwel darba kien Jum kbir.  Mid-dlam tnissel id-dawl.  Imma  mhux l-ikbar Jum. Meta fl-ewwel bniedem daħal nifs Alla kien Jum kbir.  Imma  mhux  l-ikbar Jum.  Meta l-Fidi twieldet fuq din l-art u Abraham refa’ f’idejh tarbija li ma setax jieħu minn martu sterili, kien Jum kbir.  Imma mhux l-ikbar Jum. Meta bil-lejl l-Anġlu tal-Mewt qabeż id-djar li kienu mċappsin bid-Demm tal-Ħaruf, u meta l-Iżraelin, b’għajnejn imberrqa raw għemejjel tal-għaġeb: il-baħar jinfetaħ għalihom u jinagħlaq fuq l-għedewwa... dawn kienu Jiem kbar.  Imma mhux l-ikbar.

 

L-Ikbar Jum tal-Ħolqien kien meta Mara, b’nifisha maqtugħ u b’moħħha donnu mgerrfex, daħlet fil-kamra fejn kien hemm sħabha u għall-ewwel darba nstemgħet l-Aħbar: “Il-Mulej qam mill-Mewt! Hallelujah!!”  L-Ikbar Jum kien meta għall-ewwel darba bniedem ġie lura miċ-ċimiterju u bdiet tinfirex fost il-bnedmin il-Ħajja ta’ Dejjem.  L-Ikbar Jum kien meta l-ikbar għadu tal-bniedem, dak li dejjem rebaħlu, dak li dejjem beżżgħu, il-Mewt, ġiet maqsuma, u l-bniedem issa jista’ jemmen li hu ħaj għal dejjem.  Dan kien Ħolqien Ġdid, ikbar mill-Ħolqien tal-bidu.  Alla qajjem lill-Imħabba msallba fuq Salib mill-bnedmin, biex l-istess bnedmin li qatluha jirċievu l-Grazzja kbira ta’ Ħajja bla tmiem.  Il-bnedmin kollha ġew salvati, imma kemm ħafna huma dawk, jaħasra, li din l-Aħbar ma jemmnuhiex.  Għandhom raġun għax hi xi ħaġa li tmur lil hemm minn moħħ il-bniedem.  Hija l-“Big Bang” vera... bħal meta wieħed jitfa’ kantun ġol-baħar kwiet u ċ-ċirku tal-mewġiet, ir-“ripples” jibqgħu jinfirxu, jinfirxu fi ċrieki dejjem ikbar sakemm jilħqu t-trufijiet tal-art u lil ġenerazzjoni waħda wara l-oħra.

Aħna privileġġjati, aħna hienja li ġiet imxandra lilna din l-Aħbar minn Knisja li għożżitha u beżgħet għaliha għal elfejn sena sħaħ.  Kemm Insara kienu fidili għal dik l-Aħbar tal-Mara billi ċarċru demmhom kollu!  U elfejn sena wara, għadhom imutu, sal-lum stess, għax jemmnu li dak in-nhar, f’dak il-Jum, fiż-żerniq tagħha, ġrat xi ħaġa sopranaturali fuq id-dinja: Kristu rebaħ il-Mewt, imma mhux biss; dan hu mportanti!  Hu ġie magħmul Spirtu Qaddis li jinagħta lin-nies li jagħtuH ċans, li jemmnu fiH.  Huwa dan l-Ispirtu li Hu rebaħ għalihom li jagħtihom il-garanzija ġewwa fihom, l-“Assurance”, li huma ħajjin għal dejjem; li l-Purtiera tat-Tempju li kienet tifridhom mill-Ħajja li tilef Adam, issa ċċarrtet; li s-Sema issa hi miftuħa beraħ.

 

Hu meta jkollna din il-Fidi, u din il-Fidi biss, li titwieled fina natura ġdida li kapaċi twettaq ir-Rieda ta’ Alla li hi l-Imħabba vera.  Il-Liġi ta’ Mosè kienet tordna l-Imħabba bla ma qatt tat is-saħħa lill-bniedem li jħarisha.  Adam, bit-taħsir tiegħu, libbes il-bniedem b’natura li tmut il-ħin kollu, li tweġġa’ b’kelma, li tobgħod lil min jheddida.  Kif nistgħu aħna nħobbu f’art barranija, f’pajjiż id-dnub?  Imma ismagħha l-għajta: “Il-Mewt intrebħet!  Hallelujah!”  u l-Ispirtu ta’ Dak li faqa’ l-Mewt billi daħal fiha, issa qiegħed jinxtered fost il-bnedmin mad-dinja kollha.  Dan tassew hu l-akbar att li qatt sar fost il-bnedmin, l-Ikbar Jum tal-Ħolqien.

 

L-Ispirtu li hemm fil-bniedem jitniehed għalina bi tnehid mpossibbli li aħna nifhmuh, biex ninagħtaw il-Grazzja sħiħa li nemmnu tasssew u nifhmu tassew il-Glorja li messet lilna bil-Ġrajja li qed ngħixu f’dawn il-ġranet.  San Pawl waslilna l-Kelma meraviljuża ta’ Alla li tgħid: “L-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna.  Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem.”  (Rum. 8, 26).  Bħalissa stess, l-Ispirtu s-Santu li rċivejna fil-Magħmudija qiegħed jokrob għalina quddiem il-Missier biex ninagħtaw fehma aktar ċara, Fidi aktar sħiħa f’dik l-isplużjoni ta’ Ħajja li ħarġet minn ġol-qabar miftuħ.  Mill-Ispirtu jiġuna l-garanzija, iċ-ċertezza, li quddiemhom jaħrab il-biża’ tal-Mewt.  Mingħajr il-biża’ tal-Mewt il-bniedem ma jidnibx, jerġa’ lura lejn l-oriġini, lejn l-Għeden, imma issa iktar għaref għax issa jaf kemm ħabbu Alla. 

 

Tassew hienja aħna ħuti!  Għalhekk, kollu ferħan, darba Kristu qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.”  (Lq. 10, 21).  U wkoll, meta kien qed jitkellem fuq l-ikbar profeta li deher, qal: “L-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu.”  (Mt. 11, 11).  Mhux għax Ġwanni l-Battista ma daħalx fis-Saltna, imma għax hu ma rax dan il-Jum bħalma rawh iċ-ċkejknin, bħalma ratu l-Mara li xandritu.  Henjin aħna li qed nirċievu din l-Aħbar hekk tal-għaġeb.

 

J’Alla dan l-Għid ma jkunx sempliċi Festa ta’ tifkira ta’ dak li ġara ħdejn Ġerusalemm, imma MEMORJAL, jiġifieri li f’dan l-Għid tal-2021, f’dan l-Għid tal-pandemija, din l-Aħbar issir “ħajja” fina; ma tkunx ripetizzjoni ta’ xi ħaġa li smajna eluf ta’ drabi, imma tirbombja fl-ispirtu tagħna u tibdel lejl il-Mewt f’Jum kollu dawl u eżistenza ġdida.  Alla kapaċi jagħmlu dan fina.  L-Ispirtu qiegħed jitkarrab biex il-Knisja timtela b’nies imwielda mill-ġdid mill-Magħmudiija li ħarġet minn din l-Aħbar.  F’dan il-Għid isseħħ il-Mogħdija tal-Mulej.  F’dan il-Għid il-Knisja tistenna, kull Nisrani jishar, għax fih tinagħta l-Grazzja tal-Fidi li min m’għandux, u ta’ Fidi akbar lil min għandu.

 

Il-Knisja tishar matul il-lejl tal-Għid u tkanta kantiċi tal-għaġeb.  Imma l-isbaħ innu li għandha, innu qadim kważi daqsha, hu l-“Prekonju tal-Għid”, jew l-“Exultet”, jew magħruf ukoll bħala “It-Tħabbira tal-Għid”.  Il-Knisja tkantah darba fis-sena biss, fil-bidu ta’ dan il-lejl meta l-ewwel qamar tar-Rebbiegħa jkun kwinta, jkun mimli;  l-istess qamar li ħares lejn Abraham sejjer joqtol lil ibnu, u fuq Iżrael ħiereġ mill-Eġittu.  Tassew li dawn huma ħwejjeġ kbar.  Hu sewwa u xieraq li nikkummentaw ftit fuq il-kliem qaddis ta’ dan l-Innu li jitkanta malli d-dlam tal-knisja jinkiser bid-dawl fietel iżda potenti tal-Blandun li hu Kristu mqajjem mill-Mewt.  Nikkummentaw fuq ftit minnu għax hu twil mhux ħażin.

 

Jibda bil-Kelma “Exultet”, “Jifirħu”.  Jifirħu l-qtajja tal-Anġli u l-qaddejja ta’ Alla.  Jifirħu dawk kollha li jħobbu lil Alla u jħobbu lill-bniedem ukoll, f’dan il-lejl, għax huwa l-lejl tar-rebħa l-kbira tas-sewwa fuq it-taħsir, tal-Ħajja fuq il-Mewt.  “Tifraħ il-art mimlija b’dawl tal-għaġeb!”  Fejn hemm il-Mewt hemm id-dlam, imma fejn hemm Kristu rebbieħ fuq il-Mewt hemm id-Dawl, hemm il-Festa.  “Il-Ħolqien kollu ħeles mid-dlam li ħakmu.”  Il-biża’ tal-Mewt hu tassew xi ħaġa kiefra tant li ġiegħel lil Kristu jibki fuq il-bnedmin miġbura madwar il-qabar ta’ Lazzru.  Dan huwa d-dlam li jiġiegħel lill-bniedem jidneb u jerġa’ jidneb.  Imma issa nqalbet folja ġdida, għalhekk “Ħa jidwu l-ħitan tal-knisja bl-għajat ferħ ta’ poplu fil-festa.”

 

Kif nistgħu ma nħobbuHx lil Dak li offra ruħu għalina?  “Huwa ħallas għalina d-dejn ta’ Adam u bid-demm tiegħu li hu xerred għalina ħassar il-kitba tal-kundanna li ħadna fil-bidu.”  Id-dnub tal-bidu kien kbir u aħna writtniha dinil-marka sewda.  Il-bniedem lil Alla bħal qallu: “Int qed tigdibli għax mhux veru li jekk ma nobdikx immut!  Int qed tibża’ li jien insir bħalek!  Int rival tiegħi! Int lili tillimitani bl-ordnijiet tiegħek!”  Dan kollu hu moħbi ġewwa fina.  Ġesù ġie jfittixna u daqshekk imbegħdin minn Alla sabna.  Daqshekk midjunin.  Daqshekk imħassrin.  Dan id-dnub serjissimu qatel lil kull imwieled minn mara, imma “Dan huwa l-lejl li fih Kristu qered il-mewt u qam rebbieħ fuq is-setgħa tal-ħażen!”  Il-Mewt ġiet maqtula, il-bniedem jaħrab miċ-ċella fejn kien maqful, għadda l-vistu u issa għandna l-Festa ta’ dejjem.

 

Imma għalija l-aqwa vers tal-Innu huwa dan: “Mingħajr id-dnub ta’ Adam Kristu qatt ma seta’ jifdina.  Xi ħtija hienja, li stħaqqilha Feddej kbir bħal dan, xi ħtija hienja!”  F’dawn iż-żewġ versi, toħroġ il-meravilja tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Huwa jdawwar id-dnub ta’ Adam, id-dnub li ġab il-Mewt fid-dinja, id-dnub li qered il-ħajja ta’ għadd bla qjies ta’ nies, id-dnub li bekka l-ħolqien... fi Grazzja!  Tistħix iktar mid-dnub tiegħek, Adam, għax il-Mulej Ġesù inqed bih biex jagħmel manifestazzjoni, wirja tal-kobor tal-Imħabba li biha Alla ħabb lilek u lil kull midneb, lilna lkoll.  Min jista’ jixlina iktar meta għandna Alla li jħobbna, jiddefendina, jagħdirna, jifhimna, jdawwar id-dnub tagħna f’okkażjoni oħra li fiha jurina kemm iħobbna, kemm jaħfrilna!  Mhux ta’ b’xejn li l-infern jitriegħed quddiem l-Aħbar it-Tajba tal-Opra ta’ Alla fil-Għid ta’ Kristu!

 

Ngħaddu biex nikkummentaw fil-qosor, dwar ħamsa mid-disa’ qari tal-Velja tal-Lejl tal-Għid Imbierek.   Hemm poema antika dwar l-erbat iljieli tal-Għid.  Erba Mogħdijiet tal-Mulej li f’kull waħda minnhom Alla jinagħta, l-Imħabba tinagħta.  L-ewwel lejl huwa dak tal-Ħolqien.  Kollox kien kaos, dlam, taħwid bla forma u bla sens.  Kollox kien xejn, u l-Imħabba ma tissaportix dan.  L-Imħabba trid lil min tħobb.  Għalhekk Alla jaħlaq mix-xejn.  Ix-xjenza tgħid li xejn ma jsir minn xejn.  Muntanja xi darba kienet żrara.  Il-baħar immens xi darba beda almenu minn qatra ilma.  Allura min kien il-bidu ta’ dan kollu.  Min kien ’il barra mill-ħolqien li beda jaħlaq jekk mhux Alla.  Hu għalhekk li l-ħolqien kollu jkanta t-tifħir lil Alla.

 

Parti mil-Liturġija tal-Kelma tal-Velja tal-Għid:

 

I QARI I
Alla ħares lejn kulma għamel u ra li kollox kien sew ħafna.
Ġen 1, 1 – 2, 2

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art: u kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta’ Alla. U qal Alla: “Ħa jkun id-dawl”. U d-dawl sar. U ra Alla d-dawl li kien tajjeb. U Alla fired id-dawl mid-dlam. U d-dawl Alla semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U dalam u sebaħ – L-ewwel jum.

U qal Alla: “Ħa jkun hemm medda f’nofs l-ilmijiet u tifred ilma minn ilma”. U Alla għamel il-medda u fired l-ilma ta’ taħt il-medda mill-ilma ta’ fuq il-medda. U hekk sar. U l-medda Alla semmieha sema. U dalam u sebaħ – It-tieni jum.

U qal Alla: “Ħa jinġemgħu naħa waħda l-ilmijiet ta’ taħt is-sema u jidher l-inxif”. U hekk sar. U sejjaħ Alla l-inxif art; u l-ġemgħa tal-ilma sejħilha baħar. U Alla ra li kollox kien tajjeb. U qal Alla: “Ħa tnibbet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa, siġar li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa ġo fih skont għamliethom, fuq l-art”. U hekk sar. U nibbtet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa skont għamlietu u siġar jagħmlu l-frott biż-żerriegħa skont għamlietu; u ra Alla li kien tajjeb. U dalam u sebaħ – It-tielet jum.

U qal Alla: “Ħa jkun hemm imnariet fil-firxa tas-sema biex jifirdu l-jum mil-lejl, u jkunu sinjali għat-tqassim taż-żminijiet, tal-jiem u tas-snin. U jkun hemm imnariet fil-firxa tas-sema biex idawlu l-art”. U hekk sar. U għamel Alla ż-żewġ imnariet il-kbar; l-imnara l-kbira biex trieġi l-jum, u l-imnara ż-żgħira biex trieġi l-lejl, u l-kwiekeb. U Alla qegħedhom fil-firxa tas-sema biex jiddu fuq l-art, u jrieġu l-jum u l-lejl u jifirdu d-dawl mid-dlam. U Alla ra li kien tajjeb. U dalam u sebaħ – Ir-raba’ jum.

U qal Alla: “Jiżgħed l-ilma b’kotra ta’ ħlejjaq ħajjin u jittajru t-tjur fuq l-art fil-wesgħa tas-smewwiet”. U Alla ħalaq il-ħut il-kbir u l-annimali kollha li jitkaxkru, li bihom miżgħud l-ilma, skont ġenshom, u t-tajr bil-ġwienaħ skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb. U berikhom Alla u qalilhom: “Welldu u oktru, u imlew l-ilma tal-ibħra; u joktor it-tajr fuq l-art”. U dalam u sebaħ – Il-ħames jum.

U qal Alla: “Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajja skont ġenshom: bhejjem tad-dar, annimali li jitkaxkru, u bhejjem selvaġġi, skont ġenshom”. U hekk sar. U għamel Alla l-bhejjem selvaġġi skont ġenshom, u l-bhejjem tad-dar skont ġenshom, u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb. U qal Alla: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna, u jaħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art”. U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu: raġel u mara ħalaqhom.

U berikhom Alla u qalilhom:
“Nisslu u oktru,
u imlew l-art, u aħkmuha;
u saltnu fuq il-ħut tal-baħar
u t-tajr tal-ajru
u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art”.

U qal Alla: “Araw, jien tajtkom il-ħaxix kollu, li jagħmel iż-żerriegħa fuq wiċċ l-art, u s-siġar kollha li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa: dawn kollha jkunu għall-għajxien tagħkom. U lill-bhejjem kollha selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fl-art li fihom nifs il-ħajja, nagħtihom il-ħaxix kollu aħdar għall-għajxien tagħhom”. U hekk sar. U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna. U dalam u sebaħ – Is-sitt jum.

U hekk tlestew is-sema u l-art bit-tagħmir kollu tagħhom. U fis-seba’ jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel, u waqaf fis-seba’ jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

QARI II
Is-sagrifiċċju ta’ missierna Abraham.
Ġen 22,1-18

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, Alla ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!”. U hu wieġbu: “Hawn jien!”. U qallu: “Aqbad lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta’ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek”. U Abraham bakkar mas-sebħ, xedd il-ħmar tiegħu, ħa tnejn mill-qaddejja tiegħu, u lil Iżakk. Qatta’ l-ħatab għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u qam, u telaq lejn il-post li qallu bih Alla. Fit-tielet jum Abraham rafa’ għajnejh, u lemaħ il-post mill-bogħod. U Abraham qal lill-qaddejja tiegħu: “Oqogħdu hawn bil-ħmar, u jien u ż-żagħżugħ immorru sa hemm, u nagħtu qima u nerġgħu lura ħdejkom”. U Abraham qabad il-ħatab għas-sagrifiċċju, għabbieh fuq Iżakk ibnu, ħa f’idejh in-nar u s-sikkina, u telqu t-tnejn flimkien. U Iżakk qal lil Abraham missieru: “Missier!” Dak wieġbu: “Hawn jien, ibni”. U Iżakk qallu: “Hawn huma n-nar u l-ħatab, fejn hu l-ħaruf għas-sagrifiċċju tal-ħruq?”. U Abraham wieġbu: “Alla jaħseb hu għall-ħaruf għas-sagrifiċċju, ibni”. U baqgħu sejrin it-tnejn flimkien.

U waslu fil-post li kien semmielu Alla; u hemm Abraham bena l-artal u firex il-ħatab fuqu, u rabat lil ibnu Iżakk u qiegħdu fuq l-artal, fuq il-ħatab. U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu. U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham, Abraham!”. U dan wieġbu: “Hawn jien”. U qallu: “La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża’ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni”.

U Abraham rafa’ għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham mar u qabad il-muntun, u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu. U Abraham semma dak il-post: “Jaħweh-jire – jiġifieri – il-Mulej jipprovdi”, kif għadu jingħad sal-lum: “Fuq il-muntanja Jaħweh-jire, il-Mulej jipprovdi”.

U għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet u qallu: “Naħlef fuq ruħi – oraklu tal-Mulej – la darba int għamilt ħaġa bħal din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni, jien inbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar; u nislek għad jiret il-bibien tal-għedewwa tiegħu. U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art talli smajt minn kelmti”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

QARI III
Ulied Iżrael daħlu fl-inxief f’nofs il-baħar.
Eż 14, 15 – 15,1

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Mosè: “Għax issejjaħ lili? Għid lil ulied Iżrael jerfgħu t-tined tagħhom u jitilqu. U int għolli l-ħatar tiegħek, u midd idek fuq il-baħar u oforqu. Ulied Iżrael, imbagħad, jaqsmu fin-niexef f’nofs il-baħar. U ara, jiena nwebbes il-qalb tal-Eġizzjani biex jgħaddu warajkom, u nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu kollu, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu. U mbagħad ikunu jafu l-Eġizzjani li jiena l-Mulej, meta nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu”.

U mbagħad l-anġlu ta’ Alla, li kien miexi quddiem it-tined ta’ Iżrael, telaq u mar warajhom, u l-kolonna ta’ sħab minn quddiemhom marret qagħdet warajhom, u ġiet bejn it-tined tal-Eġizzjani u t-tined ta’ Iżrael. Kien hemm is-sħaba u d-dlam, u għadda l-lejl bla ma ħadd minnhom seta’ jersaq wieħed lejn l-ieħor. Mosè medd idu fuq il-baħar, u l-Mulej reġġa’ lura l-baħar b’riħ qawwi mil-Lvant matul il-lejl kollu; il-baħar ixxotta u l-ilmijiet inferqu. U mbagħad ulied Iżrael daħlu fin-niexef f’nofs il-baħar; l-ilmijiet kienu għalihom qishom ħitan fuq il-lemin u fuq ix-xellug.

L-Eġizzjani marru warajhom, u daħlu f’nofs il-baħar, iż-żwiemel kollha tal-Fargħun, il-karrijiet u r-rikkieba tiegħu. Fis-sahra ta’ filgħodu, il-Mulej minn ġol-kolonna tan-nar u s-sħaba xeħet ħarsa fuq it-tined tal-Eġizzjani, u ħarbathom. U xekkel ir-roti tagħhom u bit-tbatija setgħu jmexxuhom. U mbagħad l-Eġizzjani bdew jgħajtu: “Ħa naħarbu minn quddiem Iżrael, għaliex il-Mulej qiegħed jiġġieled kontra l-Eġizzjani!”.

Il-Mulej qal lil Mosè: “Midd idek fuq il-baħar, u l-ilma jerġa’ lura fuq l-Eġizzjani, bil-karrijiet u r-rikkieba tagħhom”. U Mosè medd idu fuq il-baħar. U ma’ sbiħ il-jum il-baħar raġa’ lura fejn kien qabel, u l-Eġizzjani, huma u jaħarbu, sabu ruħhom fih. Hekk il-Mulej gerbibhom f’nofs l-ilma. L-ilmijiet reġgħu lura u għarrqu l-karrijiet u r-rikkieba tal-eżerċtu kollu tal-Fargħun li kienu ġejjin warajhom fil-baħar. Anqas wieħed ma baqa’ minnhom. U wlied Iżrael għaddew fin-niexef f’nofs il-baħar, u l-ilmijiet kienu għalihom bħal ħitan wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.

Dakinhar il-Mulej salva lil Iżrael minn id l-Eġizzjani, u Iżrael ra l-Eġizzjani mejta fuq xatt il-baħar. Ra Iżrael kulma għamel il-Mulej lill-Eġizzjani bil-qawwa ta’ driegħu. U beża’ l-poplu mill-Mulej, u emmen fil-Mulej u f’Mosè, il-qaddej tiegħu.

Il-Kelma tal-Mulej.

Inroddu ħajr lil Alla.

 

EPISTOLA
Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar.
Rum 6, 3-11

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida. Jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu f’mewt tixbah lil tiegħu, hekk ningħaqdu miegħu fil-qawmien tiegħu mill-mewt.

Dan nafu: li l-bniedem il-qadim tagħna ssallab miegħu, biex jinqered dan il-ġisem tad-dnub, sabiex ma nkunux aktar ilsiera tad-dnub. Min imut, jeħles mid-dnub. Jekk aħna mitna ma’ Kristu, nemmnu wkoll li għad ngħixu ma’ Kristu. Nafu li Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu. Hu li miet, miet darba għal dejjem għad-dnub; u issa li qiegħed jgħix, qiegħed jgħix għal Alla. Hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

EVANĠELJU
Ġesù ta’ Nazaret, li kien mislub, qam mill-imwiet.
Mk 16, 1-7

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Meta għadda s-Sibt, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar.

U bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna. Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu. Imma hu qalilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m’huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh. Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom.”

Il-Kelma tal-Mulej
R/.
Tifħir lilek Kristu

Last Updated ( Sunday, 04 April 2021 )