L-EWWEL HADD TAR-RANDAN (2022) IT-TENTAZZJONIJIET TA’ ESÙ U TAGHNA |
Written by Frans Galea | ||
Saturday, 05 March 2022 | ||
Din hija il-Liturgija ta' l-Ewwel Hadd tar-Randan(2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, l-erbgħin jum tar-Randan kienu miftuħa biss għall-Katekumeni, jiġifieri dawk li kienu qed jitħejjew biex jieħdu l-Magħmudija fis-Sahra Qaddisa tal-Lejl tal-Għid. Kien f’dan il-lejl biss li kienu jitgħamdu l-Insara. Fir-Raba’ Seklu, meta kkonverta l-Imperatur Kostantinu u l-ġnus bdew deħlin bil-ġżuż fil-Knisja, il-Katekumenat ġie kważi abbandunat għax il-Knisja ma kellhiex ir-riżorsi biex tagħmlu ma’ dawk kollha li kien jitgħammdu. Ħafna minn dawn ġabu magħhom drawwiet pagani li kienu bħal ilma miżjud mal-Inbid Ġdid u qawwi tal-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù. Hekk il-Knisja bdiet tħoss li dawk l-erbgħin jum ta’ tħejjija għall-Magħmudija tiftaħhom kull sena għal kulħadd bħala żmien ta’ riflessjoni u konverżjoni.
X’inhi l-konverżjoni? Bażikament hija li wieħed jikber fl-għarfien tiegħu innifsu; jiskopri iktar min hu; li hu midneb bħal ħaddieħor; u jersaq lejn Kristu li bil-Mewt u l-Qawmien tiegħU rebaħ il-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn għal kull min jemmen. Il-Vanġelu tal-lum għandu jkun Dawl qawwi fuq ir-rejalta tiegħi u tiegħek, imma mhux lakemm tifhmu. Xi wħud jgħidulek: “X’għandhom x’jaqsmu t-tentazzjonijiet imsemmija fir-rakkont tal-lum mal-problemi tiegħi, man-nuqqasijiet tiegħi? Qed ngħixu f’dinja oħra!” Dan mhu veru xejn. il-Vanġelu li se nisimgħu huwa Kelma ta’ Alla li hi Misteru. Hi Misteru għax għalkemm tirrakkonta fatt storiku li ġara, hi terġa’ tiġri, u terġa’ tiġri fil-ħajja tal-bnedmin f’kull soċjetà u f’kull żmien. L-ewwelnett, il-Knisja tpoġġina quddiem il-Misteru ta’ Kristu, l-Iben ta’ Alla, li libes laħam bħal tagħna, bil-bżonnijiet kollha tagħna, bil-gosti kollha tagħna, u bit-tentazzjonijiet kollha tagħna. Saħansitra bit-tentazzjonijiet tagħna kollha kemm huma tgħabba, biex ma ngħidux li fuqu l-Missier xeħet id-“Dnub” kollu tal-umanità. Iżda Hu kien innoċenti, u Satana, li ressaq lejH, hekk sabu: innoċenti u safi għal kollox.
L-ewwel tentazzjoni kienet tal-ħobż, tentazzjoni naturali għal bniedem li kien ilu erbgħin jum ma jiekol! Dan ifakkarni fl-Irlanda ta’ Fuq meta Kieran Doherty miet wara 73 jum ta’ strike tal-ġuħ fl-1981 fi żmien it-“troubles” mal-Protestanti u l-Gvern ta’ Thatcher. Kien wieħed minn bosta, fosthom l-aktar famuż Bobby Sands. It-tentazzjoni tal-ħobż titwieled mit-tbatija li kull bniedem jiltaqa’ magħha f’din il-Ħajja. It-tbatija hija skandlu għall-bniedem u ħafna tilfu l-Fidi minħabba fiha. Hija l-mutur li ġġiegħel lill-bniedem jintefa’ għat-Teknoloġija u x-xjenzi, l-aktar tal-mediċina biex itaffi u jsolvi t-tbatija, imma qed jiskopri li tiddgħajjef tbatija u tinbet oħra. Kristu deher fid-dinja u għalkemm wettaq ħafna mirakli u sar ħaġa waħda mal-bniedem fi tbatijietu, Hu ma neħħiex it-tbatija mill-Ħajja. Fejn hemm il-Ħajja hemm it-tbatija.
It-tentazzjoni tat-tbatija ġġiegħel lill-bniedem igerger f’qalbu, u anke b’fommu kontra Alla. Kif għamel Iżrael fid-deżert kull meta ltaqa’ mat-tbatija, li kienet ħaġa ta’ sikwit. Il-poplu gerger u qal: “Mhux li mitna b’id il-Mulej fl-art tal-Eġittu, meta konna ħdejn il-borom tal-laħam u konna nieklu ħobż bix-xaba’!” (Eżod. 16, 3). Huwa d-dnub tal-qalb għax dak li jkun ma jibqax jafda f’Alla. Ilkoll dnibna b’dan il-mod! Dak li jxewwex jibda biex jgħid: “Jekk inti Bin Alla...” (Mt. 4, 3). Għax għandek tbati? Jekk Alla jħobbok għax għandek tbati?” Ħafna nies jippruvaw isolvu t-tbatja mhux billi jiddawlu fuqha minn Alla iżda billi jixtru dak li mingħalihom se jtaffuha bih. U hekk il-flus isiru ‘Alla’.
It-tbatija daħlet fl-umanità għax in-natura tagħna inqatgħet mill-Imħabba ta’ Alla u daħlet fil-Mewt. Il-fiżiku tagħna sar suġġett għat-tbatija u l-Mewt. Dawn it-tnejn huma minn awl id-dinja. Imma Kristu ta sens lit-tbatija u dan jibdel kollox. Int tbati fuq ix-xogħol, imma jekk tkun se taqla’ s-sensja tagħmel minn kollox biex dan ma jseħħx għax it-tbatija fuq ix-xogħol għandha sens għax biha taqla l-għijxien tiegħek. Kristu daħal fit-tbatija, imma ma baqax hemm għax hi kienet il-mezz tal-Ħajja għal Dejjem li rebaħ fil-Qawmien. Dejjem hemm il-Qawmien. U Hu jwieġeb: “Hemm miktub, ‘Il bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’” (Mt. 4, 4).
It-Tieni Tentazzjoni hi ferm iktar serja. Tmiss is-suppervja tagħna! Tmiss l-Istorja li sikwit nirribellaw kontriha għax fiha jidher is-Salib. Ix-xitan, minflok, jippreżenta s-suċċess lil Kristu. “Min se jemmen li int il-Messija, iben mastrudaxxa minn ġo raħal minsi; int li ma studjajtx bħalma jagħmlu r-rabbini, lanqas ma int mill-familji tal-qassisin? Hemm falliment lest għalik! “Jekk int Bin Alla...” jerġa’ jgħidlu, “Agħmel miraklu tal-għaġeb: aqbeż minn fuq it-tempju meta jkun mimli bin-nies, u l-anġli ta’ Alla ma jħallux li jiġrilek xi ħaġa għax jilqgħuk. Ara kif iġġennen lin-nies u jgħidu: ‘Wasal, fl-aħħar, il-Messija!!” U hekk flok falliment ikollok Glorja fuq Glorja!
Mhux din kienet it-triq ta’ Kristu! Hu ġie għal siegħa waħda. Anke aħna lkoll għal siegħa waħda ġejna: dik tal-aħħar meta jiġi deċiż x’tip ta’ eternità se jkollna. Dik is-siegħa hi l-importanti! Imma n-natura tal-bniedem torbtu mal-art qisu se jgħix hawn għal dejjem. Hawn ninsabu qiesna f’lukanda! Dħalna u se noħorġu! Pajjiżna hu x’imkien ieħor. Imma s-Suppervja tirribellana kontra Alla meta l-Istorja ma timxix skont il-proġetti tagħna. Lil Kristu x-xitan ittentaH biex jirribella anke Hu kontra l-Istorja. Imma kien b’dik l-Istorja, immarkata mis-Salib li Hu kellu jirbaħ il-Glorja. Alla għandu Proġett għalina li ħafna drabi ma nifhmuhx u kieku nistgħu inbiddluh. Dan hu d-dnub il-kbir tagħna li nitħabtu kemm nifilħu biex ma sseħħx ir-Rieda tal-Missier fl-Istorja tagħna. Id-dnub tal-Istorja. Ħafna jaqgħu fih għax hu tqil tiċħad lilek innifsek u timxi wara Ġesù għax tafdaH. Kemm hu tqil! Il-Grazzja trid tkun.
It-Tielet Tentazzjoni hi tal-idolatrija li fiha jaqgħu il-bnedmin kollha tal-art. Ix-xitan jittenta lil Ġesù biex jinżel jadurah u jagħtih id-dinja kollha biex tkun tiegħu, bl-għana u t-tlellix kollu tagħha! Forsi wieħed jgħid: x’wiċċ tost għandu x-xitan!! Imma dan hu x-xogħol tiegħu u jekk Kristu warrab minn quddiemu, ħafna drabi flok inwarrbu aħna wkoll, noqogħdu niddjalogaw miegħu u nispiċċaw fix-xibka. Meta Iżrael ra li Mosè dam ħafna fuq il-muntanja u ħadd ma kien jaf x’sar minnu, tilfu kull fiduċja f’Alla li ħariġhom mill-Eġittu, u għamlu idolu għalihom.
Is-soċjetà m’għadiex tadura statwi, imma idoli tivvint kemm trid u kuljum! Il-bniedem għandu vojt ġewwa fih li hu forma ta’ Alla u Alla biss jimlih. Imma hu jfittex li jimlih bl-idoli tad-dinja għax ma jissaportix il-vojt. Jinqeda bil-familja, bil-flus, bil-passatempi, bix-xiri sfrenat, bix-xogħol, bil-ħbieb, bis-suċċess... u mbagħad hemm il-vizzji... b’sesswalità marida, bid-drogi, bix-xorb, bil-kilba għall-qligħ korrott... Id-dinja mimlija idoli. Barra minn dan, ilkoll nagħmlu minna nfusna, mill-“Jien” tagħna, l-idolu l-kbir. Ara min jumiljana! Ara min iweġġagħna b’xi kelma! Bla ma nafu ninżlu naduraw il-Ħazen u mhux lil Alla li hu waħdu l-Qaddis. Hawn min joqtol għall-idolu tiegħu. Hawn min jibda l-gwerer għall-idolu li jadura.
Ir-Randan hu żmien li fih il-Mulej iridna niddixxernu, bl-għajnuna tiegħu, fejn ninsabu aħna; minn fejn ġej in-nuqqas ta’ kuntentizza. Kull bniedem hu frustrat għax mhux Qaddis! Imma dan irridu ngħarfuh ċar. Il-Knisja tgħinna. Biex ma nirribellawx kontra t-tbatija tħajjarna nidħlu fija aħna stess billi nsumu u hekk nisirqu l-frosta minn idejn ix-xitan u nagħtuh aħna biha. Biex naċċettaw l-Istorja li tiġi minn Alla, inkunu umli, ninżlu għarkupptejna u nitolbu lil Alla biex ikollu ħniena minna. Biex niċħdu lill-idoli, li l-kbir fosthom huwa l-“flus”, nagħmlu Karità b’mod serju!
Altru li mhumiex tentazzjonijiet taċ-ċajt imma huma rejali ħafna għalina llum! Għax Kristu jgħid: “X’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?” (Lq. 9, 25). Kristu rebaħ għalina wirt tal-għaġeb: li ngħixu għal dejjem fil-Preżenza ta’ Alla mal-Qaddisin u ħbiebna u qrabatna li salvaw. Imma aħna nistgħu ukoll nintilfu jew ninqerdu, u dan tgħidu l-Kelma ta’ Alla...
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I Stqarrija tal-fidi tal-poplu ta’ Alla. Dewt 26:4-10
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-qassis imbagħad jilqa’ minn idejk il-qoffa, u jqegħedha quddiem l-altar tal-Mulej, Alla tiegħek. Inti mbagħad tgħid hekk quddiem il-Mulej, Alla tiegħek: ‘Missieri kien minn Aram, jiġġerra minn post għal ieħor; imbagħad niżel l-Eġittu u għammar hemm. Żgħir kien l-għadd ta’ niesu, iżda hemmhekk sar poplu kbir, qawwi u kotran. L-Eġizzjani ħaqruna, għakksuna, għabbewna b’xogħol iebes; imma aħna għajjatna lill-Mulej, Alla ta’ missirijietna, u l-Mulej sama’ l-għajta tagħna, ra t-tgħakkis u t-tbatija u d-dwejjaq tagħna, u ħariġna l-Mulej mill-Eġittu, b’id qawwija, bi driegħ merfugħ, b’biża’ kbir, b’sinjali u b’għeġubijiet, u daħħalna f’dan il-post, tana din l-art, art tnixxi ħalib u għasel. U issa, ara, jiena ġibt l-ewwel frott tal-art li tajtni int, Mulej’.
U int tqiegħdu quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, u tadura lill-Mulej, Alla tiegħek”.
Il-Kelma tal-Mulej. R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali Salm 90(91):1-2,10-11,12-13,14-15
R/.(ara 15): Kun miegħi, Mulej, fid-dwejjaq.
Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox, għid lill-Mulej: “Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, Alla tiegħi, jien fik nittama”. R/.
Ebda deni ma jiġrilek, ebda ħsara ma tersaq lejn darek. Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha. R/.
Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek. Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, ferħ ta’ ljun u serp int tirfes. R/.
“La tħabbeb miegħi, jien neħilsu; la għaraf ismi, jiena nħarsu. Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, neħilsu u nerfagħlu ġieħu”. R/.
Qari II Stqarrija tal-fidi ta’ min jemmen fi Kristu. Rum 10:8-13
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, xi tgħid l-Iskrittura? “Il-kelma qiegħda ħdejk, f’fommok u qalbek”; jiġifieri, il-kelma tal-fidi li aħna nxandru. Għax jekk inti tistqarr b’fommok: “Ġesù hu l-Mulej!”, u temmen b’qalbek li Alla qajmu mill-imwiet, inti ssalva. Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-ġustizzja u jistqarr b’xufftejh biex ikollu s-salvazzjoni. L-Iskrittura tgħid: “Kull min jemmen fih ma jintilifx”. Ma hemmx għażla bejn Lhudi u Grieg; hu s-Sid ta’ kulħadd u għani ma’ dawk kollha li jsejħulu. Għax: “Kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva”.
Il-Kelma tal-Mulej. R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju Mt 4:4b
Glorja u tifħir lilek, Kristu! Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla. R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, mar fid-deżert fejn kien imġarrab mix-Xitan. Lq 4:1-13
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ. U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż”. Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub: Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”.
Imbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa. Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun”. Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub: Lill-Mulej, Alla tiegħek, tadura, u lilu biss taqdi”.
Imbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa”, u li: “fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”. Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad: Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek”.
Imbagħad ix-Xitan, meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.
Il-Kelma tal-Mulej. R/. Tifħir lilek, Kristu. |