IR-RABA’ HADD TAR-RANDAN (2022) L-GHID TAL-MULEJ IDAWWAL KOLLOX
Written by Frans Galea   
Saturday, 26 March 2022

Din hija il-Liturgija tar-Raba' Hadd tar-Randan(2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 5._prodigal_son_biblefun.jpg

 

Ir-Randan Imqaddes huwa Mixja lejn il-Liturġija l-Kbira tal-Knisja, meta hija tgħaddi l-Lejl tal-Għid tishar tistenna lill-Għarus tagħha ġej mir-Rebħa l-kbira tiegħu fuq l-ikbar għadu li għandu l-bniedem: il-Mewt.   Mela, ir-Randan  huwa żmien ta’ tħejjija biex wieħed ikun jista’ jidħol għall-Festa tat-Tieġ tal-Mulej.  Kull Nisrani li jinsab jikber fil-Fidi jagħmel mill-Velja tal-Għid appuntament li ma jistax ma jżommux!  Jekk veru għandna Knisja ħajja, kull knisja għandha tkun mimlija bħal bajda f’dan il-Lejl li ġej.  Imma skont ir-Randan, l-Għid.  Ippreparati tajjeb inkunu nistgħu nidħlu bi spirtu qawwi u hekk nimlew l-ilma tal-Grazzja mhux ġo barmil imtaqqab.

 

Ir-Randan isuqna biex niffissaw ħarsitna fuq il-Ġimgħa Mqaddsa li fih seħħ il-Misteru ‘sħiħ’ tal-Għid: il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tal-Mulej tagħna.  Dan hu l-aqwa żmien tas-sena liturġika.  Għal Kristu kien l-aqwa żmien ta’ Ħajtu fuq din l-art.  Hu qal li ġie għal siegħa waħda u kien qed jirreferi għal din il-Ġimgħa Mqaddsa.

L-Għid kien jeżisti sa minn żmien il-qedem f’kulturi differenti u pagani.  Kienet festa agrikola fi żmien meta x-xogħol fl-għelieqi u fit-trobbija tal-bhejjem kien kollox.  Żmien il-festi tal-Għid kien jimmarka l-mogħdija mill-‘Mewt’ tal-Ħarifa/Xitwa għall-Ħajja tar-Rebbiegħa li tibda ssebbaħ lin-natura.  Għan-nies l-antiki, l-art kienu jxebbħuha ma’ mara li titqal bil-‘frott’ tagħha fiż-żmien imdallam tax-Xitwa, biex tidħol fit-taħbit tal-ħlas u t-twelid ta’ abbundanza ta’ għalf u ġid fir-Rebbiegħa.  Kien ikun żmien ta’ ferħ, ta’ komunjoni bejn il-bnedmin li kienu jgħinu lil xulxin biex jiġbru l-frott tal-art.  Żmien meta l-familji kienu saħansitra jorqdu fl-għelieqi tagħhom, u wieħed jista’ jimmaġina l-għors tat-tfal!

 

Għal-Lhud, dan kien l-ewwel tip ta’ ‘Għid’.  Imma kien f’dan iż-żmien tas-sena, wara 430 sena ta’ jasar fil-forġa tal-Eġittu, li Alla daħal bil-qawwi fil-Ġrajja ta’ dan il-poplu ‘magħżul’ u kontra kull raġunament u immaġinazzjoni tal-moħħ, ħarġu minn hemm, fix-xahar li huma kienu jsejħulu Abib.  Fl-14 tax-xahar Iżrael ħareġ mill-Eġittu jkanta t-tifħir lil Alla għax ra b’għajnejh li tassew għaliH kollox jista’ jkun.  Wara kollox din hi t-tifsira tal-‘Għid’: għal Alla kollox jista’ jkun.  Imma Iżrael kien għad baqagħlu x’jara għeġubijiet ta’ barra minn hawn: il-qsim tal-Baħar l-Aħmar; tant għeġubijiet fid-deżert fejn poplu sħiħ ma kellux possibiltà li jgħammar għal erbgħin sena; u d-dħul fl-Art Imwegħda lilhom li fiha kien hemm jgħammru seba’ ġnus ilkoll aqwa minnhom.  Alla kinishom minn quddiemhom. 

 

L-Ewwel qari tal-lum jitkellem dwar il-wasla tal-poplu f’din l-Art li kienet ġdida għalihom.  U x’art kienet!  Hekk jgħid id-Dewteronomju: “Il-Mulej Alla tiegħek idaħħlek fl-art li ħalef lil missirijietek li jagħtiha lilek, bliet kbar u sbieħ li int ma bnejtx; u djar mimlija b’kull ġid li ma ħżintx int; bjar imħaffrin, li ma ħaffirthomx int; dwieli u żebbuġ li ma ħawwilthomx int; u tiekol u tixba’.”  (Dewt. 6, 10-12).  Alla jagħti mhux bil-qjies iżda bil-kotra!  L-Ewwel Qari se jgħidilna meta Iżrael daħal f’din l-Art Imwegħda lilu.  “Il-Mulej qal lil Ġożwè: ‘Illum jien neħħejtilkom minn fuqkom il-għajb tal-Eġittu.’  L-Iżraelin waqqfu l-għerejjex tagħhom f’Gilgal.  Hemm, fil-wita ta’ Ġeriko, għamlu l-Għid filgħaxija tal-erbatax tax-xahar.  U l-għada sewwa tal-Għid huma kielu mill-frott tal-art.”  (Ġoż. 5, 9w).   Jiġifieri, l-poplu telaq mill-Eġittu fi żmien l-Għid, u erbgħin sena wara daħal fl-Art fi żmien l-Għid ukoll.

 

U hawn nibdew nindunaw, anzi l-poplu beda jinduna li l-Għid ma kienx ifisser biss Mogħdija mid-dlam tax-Xitwa għad-dawl tar-Rebbiegħa, mill-art għerja għall-għelejjel misjura għall-ħsad, iżda fuq kollox il-Mogħdija ‘Divina’ mill-Jasar għall-Ħelsien, mill-Mewt għall-Ħajja, mill-għajb għall-Glorja, minn qagħda ta’ barranin mistmerra u umiljati għal sidien ta’ Art li tnixxi ħalib u għasel.  L-Għid saret il-festa l-kbira ta’ dan il-poplu u bdew jinbtu ħafna drawwiet madwarha.  L-Għid saret il-Mogħdija tal-Mulej li jkaxkar lill-poplu tiegħU miegħU, minn Fidi għal Fidi akbar, minn Ħajja għal Ħajja aqwa.

 

Imma din l-Istorja kollha kellha Sid warajha li kien qed imexxiha; bħalma l-Istorja individwali ta’ kull wieħed minna għandha Sid, u dan is-Sid hu Alla.  B’xorti tajba għalina Sid l-Istorja tagħna mhux ix-xorti għamja, il-kumbinazzjoni, id-destin.  Dawn l-affarijiet jemmnuhom il-pagani u n-nies marbutin mad-dinja.  Sid l-Istorja tiegħi u tiegħek huwa Alla l-Imbierek li qed iressaqna bil-mod il-mod, bħalma jressqu l-boċċa għal mal-likk, għall-Għid il-Kbir tagħna, il-Mogħdija li hemm tistenniena, is-Siegħa tagħna: meta ngħaddu minn din il-Ħajja li tintemm għal dik li hemm tistenniena fis-Sema, li ma tintemmx.

 

Dawk l-esperjenzi tal-‘Għid’ li l-popli antiki kienu jġarrbu bin-natura, u dawk il-ġrajjiet meraviljużi tal-‘Għid’ li Iżrael għadda minnhom, kienu biss xbieha ta’ dak li Alla kellu jagħmel b’risq il-bnedmin tad-dinja kollha. Il-Għid ta’ Kristu huwa ċ-ċentru tal-Istorja mhux umana biss iżda tal-univers kollu.  L-Għid ta’ Kristu huwa l-fus li fuqu jdur kollox.  Huwa s-Siegħa li dawlet dak li kien ġara u dak li qed jiġri llum u se jiġri għada.  Il-bniedem mhux se jifraħ għax jaħsad wiċċ ir-raba’, issa,  iżda għax il-Mewt inkixfitilha l-maskra tal-Gidba.  Ġiet imregħxa.  Mhux veru li hi l-aħħar Kelma.  Mhux veru li hi teqred kollox.  Kristu daħal fiha u sar għaliha l-velenu, b’tali mod li min jinagħtalu li jemmen, jista’ jersaq lejn l-Għid tiegħu, jersaq lejn ħalq il-Mewt bla ma jibża’ għax jaf li qablu daħal Kristu, hemm, u baqa’ ħaj!

 

Ara kif id-Dawl tal-Għid idawwal kollox, bħalma l-Blandun tal-Għid, li jfisser il-Mewt mirbuħa minn Kristu, idawwal id-dlamijiet tal-knejjes tagħna.  Għax kull ġrajja hi ‘Għid’ għall-bniedem ta’ Fidi.  Meta jersaq is-Salib, il-bniedem imbiegħed minn Alla jitriegħed, iħossu mhedded, jiddefendi ruħu bil-vjolenza, bid-dnub, bir-rabja, bir-ribelljoni.  Imma min jimmatura fil-Fidi, hu għassa.  Hu jishar għall-Mogħdija tal-Mulej, il-Mogħdija tal-Għid.  Hu jaf li meta ġrajja iebsa, ‘negattiva’, iddur madwaru, din hi biss il-wiċċ imdallam tal-Għid.  Hu jistenna lil Alla joħroġlu l-ġid minn kollox, għax għandu Fidi soda li kull qagħda ta’ Salib, ta’ Mewt, jippermettiha Alla biex inġarrbu l-Qawmien tal-Għid.  Darba wara darba.  Minn Għid għal Għid.  Minn Fidi għal Fidi, sakemm naslu fl-ikbar Għid għalina mimlijin bl-istennija u kurżità qaddisa tal-meravilja li se nsibu wara din il-Ħajja.

 

Dan hu li ried ifisser San Pawl fit-Tieni Ittra lill-Korintin: “Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu jsir ħolqien ġdid: il-qadim għadda, biex daħal il-ġdid floku.”  (2 Kor. 5, 17).  Huwa l-Bniedem il-Ġdid biss li jirbaħ il-biża’ tal-Mewt għax hu ‘ħolqien ġdid’.  Iktar kemm nikbru f’dan il-ħolqien ġdid iktar insiru ħbieb ta’ Alla.  “Alla ħabbibna miegħu miegħu innifsu permezz ta’ Kristu.”  (2 Kor. 5, 18).  Żgur fuq li żgur li Alla mhux se jħalli lil ħbiebu abbandunati fil-biża’ tal-Mewt.  Kristu jurina min hu l-Missier.  Hu dak li ħalla lil ibnu jitlaq għax xeba’ miegħu.  Ħallih jitlaq bla ma qallu xejn anke jekk qalbu kien magħfusa min-niket.  Ħallih jitlaq għax kien jaf li fid-dinja ma kienx se jsib żgur dak li kien ifittex.  Kien jaf li għad jerġa lura għal għandu.  Għalhekk Alla jidħol f’sahra għalina.  Alla jistenniena kull jum ta’ ħajjitna.  Jistenna.  Jistenna.  Jistenna, sakemm jagħrafna ġejjin meta għadna fl-orizzont u jhejjilna Festa bla tmiem, għax konna mitlufa u nstabna, konna mejta u issa erġajna lura għall-Ħajja.  Alla tagħna hu Alla tal-Għid.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Il-poplu ta’ Alla jidħol fl-art imwiegħda u jiċċelebra l-Għid.

Ġoż 5:9a,10-12

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè

 

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Ġożwè: “Illum jien neħħejtilkom minn fuqkom l-għajb tal-Eġittu”. Ulied Iżrael waqqfu l-kamp tagħhom f’Gilgal. Hemm, fil-witat ta’ Ġeriko, għamlu l-Għid filgħaxija tal-erbatax tax-xahar. U sewwasew l-għada tal-Għid, huma kielu mill-frott tal-art: ħobż ażżmu u qamħ inkaljat.

 

Minn dakinhar, wara li kielu mill-frott tal-art, il-manna waqfet. Ulied Iżrael ma kellhomx aktar manna, imma minn dik is-sena bdew jieklu milli bdiet tagħtihom l-art ta’ Kangħan.

             

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 33(34):2-3,4-5,6-7

 

R/.(9a): Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.

 

Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

 

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;

ħa ngħollu ismu flimkien.

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,

minn kull biża’ tiegħi ħelisni. R/.

 

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,

u ma jkollkomx għax tistħu.

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.

 

Qari II

Alla ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu.

2 Kor 5:17-21

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid. Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla. Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta’ dnubiethom, u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija. Aħna nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna, nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu. Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 15:18

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu:

Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.

Lq 15:1-3,11-32

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom lejn Ġesù biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!”.

 

U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid. U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.

 

Imbagħad daħal fih innifsu u qal: Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.

 

Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. It-tifel qallu: ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.

 

Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’. U għamlu festa.

 

Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Dak qallu: Hawn ħuk u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ. Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen. Qallu missieru: Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.