SOLENNITÁ TAL-GISEM U D-DEMM TA’ KRISTU (2022) EWKARISTIJA = L-GHOTJA TOTALI TA’ KRISTU
Written by Frans Galea   
Saturday, 18 June 2022

Din hija il-Liturgija  tas-Sollenita' tal-Gisem u D-Demm ta' Kristu (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

bible_video_last_supper-1700.jpg

 

Il-Festa tal-“Corpus Christi” jew “Corpus Domini” hi waħda mill-akbar fil-Liturġija tal-Knisja Kattolika.  Hi Festa li għal żmien twil kienet tnissel qima kbira fost il-membri tal-Knisja u hi magħrufa ħafna għall-Purċissjoni solenni b’Ġesù preżenti Ħaj fl-ispeċi tal-Ħobż tal-Ewkaristija.  Din il-Purġissjoni devota ssir kull fejn teżisti l-Knisja Kattolika fid-dinja, bid-drawwiet u l-kultura tal-post li jkun.  F’din is-Solennità l-Knisja tiċċelebra t-Teżor tal-Preżenza ta’ Kristu, bil-Ġisem (fil-Ħobż) u bid-Demm (fl-Inbid), tal-Mulej.  Bħall-Festi l-oħra kollha, hi Festa kateketika minnha nnnifisa għax tmiss il-qalba tal-Fidi Nisranija: l-Ewkaristija.  F’ħafna pajjiżi għadha tinżamm il-Ħamis fuq t-Trinità u hi festa kmandata.

 

Din il-Festa tant għażiża, speċjalment għal dawk li jiftakruha fil-popolarità kollha tagħha ħamsin, sittin sena ilu, oriġinat fil-Belġju f’nofs is-seklu tlettax.  Il-Papa Urbanu IV ordna li tinżamm mal-Knisja universali kollha u malajr saret waħda mill-Festi l-kbar tal-Knisja.  F’pajjiżna, bħal f’ħafna pajjiżi oħra, hija marbuta mal-Ewwel Tqarbina tat-tfal. Jien niftakar meta l-Purċissjoni kienet issir b’mod ħafna iktar elaborat u solenni, bi friegħi żgħar ħodor u ward imferrxa tul it-triq kollha, u xi żewġ artali kienu jintramaw f’postijiet differenti biex hemm tinagħta l-Barka Sagramentali.  Din il-Festa inqatgħet mill-pajjiżi li qalbu għal mar-Riforma Protestanta u hi ħasra li anke f’ħafna pajjiżi Kattoliċi qed issir festa oħra fost tant li għandna.

 

Il-kateketika ta’ din il-Festa hi dwar il-Preżenza reali tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu  fl-ispeċi tal-Ħobż u l-Inbid.  Mill-bidu tal-għażla ta’ Iżrael bħala l-Poplu Magħżul ta’ Alla, nibtet u kibret f’qalb il-bniedem it-tħannin għall-Preżenza tal-Mulej fil-qalba tal-Poplu tiegħU.  Din il-Preżenza, imsejħa x-“Xekinah” mil-Lhud, kienet ta’ bżonn enormi għal nies ilsiera li kienu nfdew mill-Eġittu iżda li ħassew lilhom infushom dgħajfa wisq quddiem l-enormità tal-esperjenza li kienu qed jgħixu.  Alla saħħaħhom u tahom is-sigurtà li tant kellhom bżonn billi kien ikun preżenti f’nofshom fi Sħaba matul il-jum u kolonna tan-Nar bil-lejl.  U l-Mulej binhar kien jimxi quddiemhom f’kolonna ta’ sħab biex jurihom it-triq, u billejl f’kolonna tan-nar biex jagħtihom id-dawl. U l-kolonna tas-sħab binhar u l-kolonna tan-nar billejl ma kinitx tgħib minn quddiem il-poplu.  (Eżod. 13, 21-22). 

 

Din il-Preżenza Alla ried iżommha b’mod permanenti meta ordna lil Mosè biex ifasal Tinda kbira fuq il-qisien u t-tfassil li tah Hu stess.  Kienet tintrema meta l-Poplu kien jieqaf għal xi żmien f’xi oażi tad-deżert, u Alla kien juri li hu preżenti f’din “it-Tinda tal-Laqgħa”.  Il-Poplu kien iħares lejn it-Tinda u kien jaf li Alla kien miegħu u li ħadd u xejn ma kien jista’ għalih.  Din it-Tinda kienet xbiha eżatta li fuqha nbena t-Tempju ta’ Salamun, u t-Tempji li ġew wara.  Fil-qalba tat-Tinda fid-deżert u fil-qalba tat-Tempju ta’ Ġerusalemm, kien hemm il-kamra misterjuża, imsejħa “il-Qaddis tal-Qaddisin”, l-aktar post sagru fuq l-art kollha, l-imkien fejn kien hemm il-Preżenza ħajja ta’ Alla mal-bnedmin fuq l-għatu tal-Arka.  Għalhekk, għal-Lhudi, Ġerusalemm saret il-Belt il-Qaddisa għax fiha kien jgħammar Alla magħhom. 

 

Imma ftit qabel il-qerda tat-Tempju u ta’ Ġerusalemm minn Nabukkodonosor, il-Profeta Eżekjel jara x-Xekinah ta’ Alla tabbanduna t-Tempju għax il-Poplu kien taha għall-qima tal-idoli tad-dinja.  Mingħajr il-Preżenza ta’ Alla, kollox tilef is-sens tiegħu.  It-Tempju ġie maħruq, il-Belt sofriet qerda totali u l-Poplu tkaxkar lejn Eżilju ta’ sebgħin sena.

 

Mal-Miġja tal-Messija, iktar minn qatt qabel, Alla hu “Għimmanu-El”, “Alla Magħna”.  Alla bagħat lil Ibnu biex ikun il-Ħaruf li jinagħta bħala Tpattija għad-Dnub tad-dinja kollha.  L-umanità kienet imjassra fid-dubju dwar Alla; umanità li tivvinta l-idoli tagħha għax kienet maqtugħa miċ-ċertezza tal-Fidi f’Alla l-veru.  Dan kollu kien frott il-waqgħa ta’ Adam u Eva.  Imma Kristu ġie biex ikun it-Tieni Mosè li joħroġ mhux poplu wieħed, iżda lill-bnedmin kollha li jemmnu fiH mill-Eġittu tal-jasar u tal-biża tal-Mewt.  Il-Knisja issa saret il-Poplu Qaddis, il-Ġemgħa li temmen fl-Iben ta’ Alla.

 

Iżda mar-ritorn ta’ Kristu lejn is-Sema, din il-Ġemgħa ma tħallietx iltima. Għadna kif iċċelebrajna l-Memorjal tal-Preżenza tal-Ispirtu s-Santu fil-Knisja.  Ċorma ċkejkna ta’ nies sempliċi, bla skola jew statura soċjali, saru Nar, konvinti li Alla kien preżenti magħhom kull fejn imorru.  Hija din “il-Preżenza” li xerrdet il-freskezza tal-Aħbar Nisranija mal-ġnus kollha magħrufa ta’ dak iż-żmien.  Ħaġa tal-għaġeb!  Imma barra l-Ispirtu tiegħU, Kristu ried li jibqa’ fil-qalba tal-Knisja tiegħu b’mod tassew sorprendenti.  Hawn il-lejl qabel ma bata, Hu għex l-ewwel Ewkaristija mal-aħħar dixxipli li kienu baqgħu miegħU.  Kif kollox kien jidher mitluf u fallut, fil-lejl mudlam tal-Fidi, Kristu jinagħta kollu kemm Hu biex jibqa’ preżenti ma’ dawk li Hu ħabb għall-aħħar.  Kien Kristu nnnifsu, Alla nnifsu, li lissen il-Kelmiet epokali li l-Knisja baqgħet tlissen f’kull Ewkaristja għal elfejn sena sħaħ: “Ħudu, kulu, dan hu ġismi.”  “Ixorbu lkoll minn dan, għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet.”  (Mt. 26, 26-28).  Ara wkoll Mk. 14, 22-25;  Lq. 22, 19-20. 

 

Mat-twelid tal-Knisja f’Għid il-Ħamsin, hija bdiet tiċċelebra u tgħix “l-Ikla tal-Mulej”.  L-Ewkaristija saret il-fulkru tal-Fidi Nisranija.  L-Ewkaristija saret il-mument meta il-Preżenza reali tal-Mulej mad-dixxipli kienet tkun fl-aqwa tagħha, tassew ħajja, tassew vera.  Għall-ewwel l-Insara kienu jiċċelebraw “il-Misteri” darba fil-ġimgħa, ma nżul ix-xemx tas-Sibt, dħul il-Ħadd.  San Ġustinu jagħtina stampa ċara fil-kitbiet tiegħu kif kienet issir l-Ewkaristija fl-ewwel sekli.  Il-Konċilju Vatikan II  irritorna b’mod qawwi lejn l-Ewkaristija li ddiskriva Ġustinu u qatgħu ħafna drawwiet u żidiet li, jekk kien he bżonnhom fi żmienhom, kienu saru bħal ħafna għata fuq il-ġawhra li hi l-Ewkaristija.

 

L-Ewkaristija tiċċelebra l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, l-Għotja totali u qaddisa tal-Iben ta’ Alla għal kull wieħed minna, midinbin.  Fuq il-Kalvarju Hu ta Ġismu u Demmu biex ikun il-Ħaruf li jpatti għall-ħtijiet u jbeżża’ lill-Mewt, kif id-demm tal-Ħaruf imċappas mad-djar tal-Lhud fl-ewwel Għid kien werwer lil-Mewt.  F’dak il-lejl il-Mewt, il-veru mostru li hi l-problema l-kbira ta’ kull bniedem, għaddiet minn kull triq u minn kull dar f’pestilenza tal-biża’, imma qabżet, “Pass-over” lid-djar tal-Lhud li ċappsu l-bibien tagħhom bid-Demm tal-Ħaruf.  Il-Mewt tibża’ mill-Ħaruf tal-Għid!  Il-Mewt tibża’ mill-Ewkaristija!  Kristu jibqa’ jagħtina Ġismu u Demmu l-Qaddis biex isir Ikel li jbeżża’ l-Mewt ta’ Dejjem.  Għalhekk kull darba li nieklu minn dan il-“Ħobż” u nixorbu minn dan id-“Demm” inkunu qed nieklu u nixorbu l-Ħajja li ma tintemmx, il-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn imma li tilħaq il-milja tagħha fl-Eternità.

 

Hu għalhekk li kull fejn hemm il-Knisja ppersegwitata, l-Insara li jinsabu fit-tbatija minħabba x-xhieda tagħhom għal Ġesù ma jistgħux jgħaddu mingħajr l-Ewkaristija, mingħajr ma jieklu u jixorbu l-Ħajja li hemm fi Kristu.  Jirrakkontaw fil-Martirju tal-Insara f’Bitinja fi żmien il-persekuzzjonijiet Rumani li kien hemm suldat Ruman li sar jaf li sħabu kienu se jarrestaw l-Insara meta jkunu kollha miġburin għall-Ewkaristija s-Sibt bil-lejl.  Billi kellu ħabib tal-qalb li kien wieħed minn dawn l-Insara, is-suldat qallu biex dak in-nhar ma jersaqx ’l hemm għax kien hemm il-Mewt tistenna lilu u lill-oħrajn.  Dan in-Nisrani malajr għarraf b’dan lil sħabu.  X’taħsbu li għamlu l-aħwa ta’ din il-Komunita Nisranija?  Huma marru fl-istess ħin u fl-istess post għall-Ewkaristija għax ma kinux jgħaddu mingħajrha!  Ġew arrestati u ħadu l-Martirju.

 

Imma dan għadu qed jiġri llum, fl-Afrika, l-aktar fin-Nigerja fejn hemm persekuzzjoni ħarxa minn terroristi Musulmani.  Ħafna, ħafna knejjes ġew sploduti meta kienu mimlija bin-nies jiċċelebraw l-Ewkaristija, l-aħħar waħda nhar il-Pentekoste li għadda.  Tant huma frekwenti dawn l-atroċitajiet li lanqas għadhom isemmuhom fl-Aħbarijiet.  Ħadd ma għadu jagħti kas!  Imma qed jerġa jseħħ dan il-għaġeb li l-Insara vera ma jgħaddux mingħajr l-Ewkaristija, mingħajr ma jirċievu fihom il-Preżenza reali ta’ Kristu li hu l-Ħajja tagħhom.  Qed jixhdu, dawn l-Insara, li Kristu tassew rebaħ il-Mewt u f’dawk kollha li hu jgħammar hemm il-ħelsien mill-biża’ tal-Mewt.  Din hija r-rebħa l-kbira ta’ Kristu.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Ħareġ bil-ħobż u l-inbid.

Ġen 14:18-20

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, Melkisedek, sultan ta’ Salem, li kien qassis ta’ El-għeljon, Alla l-għoli, ħareġ bil-ħobż u l-inbid. U bierek lil Abram u qallu:

“Imbierek Abram minn Alla l-għoli,

li għamel is-sema u l-art.

U mbierek Alla l-għoli

li reħa f’idejk l-għedewwa tiegħek”.

U Abram tah l-għexur minn kollox.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 109(110):1,2,3,4

R/.(4bc): Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek.

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi:

“Oqgħod fuq leminti,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek

mirfes taħt riġlejk”. R/.

 

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon:

aħkem f’nofs l-għedewwa tiegħek! R/.

 

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa,

sa minn qabel is-sebħ

bħan-nida jien nissiltek. R/.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobbx bih:

“Inti qassis għal dejjem

bħal Melkisedek!”. R/.

Qari II

Kull meta tieklu u tixorbu, ixxandru l-mewt tal-Mulej.

1 Kor 11:23-26

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: “Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi”.

Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Sekwenza

Is-sekwenza tista’ ma tingħadx. Tista’ wkoll tingħad fil-forma l-qasira li tibda: Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel.

Faħħar, Sijon, lill-Feddej,

ir-ragħaj tiegħek u l-mexxej,

bl-innijiet u bl-għana.

 

Ibqa’ faħħru daqskemm tista’,

għax hu ’l fuq minn kull tifħir,

qatt ma tfaħħru kemm jistħoqqlu.

 

Għat-tifħir ħaġa tal-għaġeb,

il-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja,

hawn quddiemna f’dan il-jum.

 

Dak il-ħobż li fuq il-mejda

lill-appostli fl-ikla mqaddsa

kien ingħata biex jikluh.

 

Ikun sħiħ it-tifħir tiegħek,

b’qalb ferrieħa, b’leħen għoli,

ikun jixraq ferħ ir-ruħ.

 

Għax dal-jum ta’ festa kbira,

ta’ dik l-ikla hu t-tifkira,

meta saret l-ewwel darba.

 

F’dina l-ikla s-Sultan tagħna,

l-Għid il-ġdid tal-liġi l-ġdida,

temm għalkollox l-Għid qadim.

 

Il-qadim twarrab mill-ġdid,

dak li hu ġie flok ix-xbieha,

id-dawl biegħed dlam il-lejl.

 

Dak li twettaq fl-Aħħar Ċena,

Kristu ried jibqa’ jiġġedded,

biex ikun tifkira tiegħu.

 

Imgħallmin b’tagħlim imqaddes,

nibdlu l-ħobż u l-inbid tagħna

b’sagrifiċċju għas-saħħa tagħna.

 

Twemmin ġdid lilna l-Insara,

li dal-ħobż jinbidel f’Ġisem,

u l-inbid jinbidel f’Demm.

 

Dak li ma tarax jew tifhem,

it-twemmin isaħħu u jwettqu

fuq kull ordni tan-natura.

 

Taħt xbihat fejn aħna nilmħu

mhux il-ħajja, imma sinjali,

jinħbew ħwejjeġ hekk għeżież.

 

Ikel Ġismu, xorb hu Demmu;

iżda Kristu sħiħ hemm moħbi

taħt kull waħda mix-xbihat.

 

Sħiħ jittiekel Kristu kollu,

bla jitkisser, bla jitfarrak,

bla jinqasam minn min jieħdu.

 

Jieklu elf u jiekol wieħed,

kemm ħa dan, hekk jieħdu huma,

bla jintemm meta jittiekel.

 

Jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena;

imma ’l dawk iġib il-ħajja,

lil dawn jixħet fit-telfien.

 

Mewt għall-ħżiena, ħajja għat-tajba,

ara kif jinbidel fihom,

għalkemm jieħdu l-istess ikel.

 

Meta l-Ostja tkun maqsuma,

la tibżax, imm’inti ftakar,

taħt ix-xbieha ta’ kull farka

hemm jinsab daqs fl-Ostja sħiħa.

 

Ebda ksur ma jsir fi Kristu;

biss ix-xbieha tkun miksura:

u b’dal-ksur xejn ma jitnaqqas

f’Dak li hu taħt din ix-xbieha.

 

Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel

għall-bnedmin fit-triq tal-ħajja,

ikel bnin għall-ulied kollha,

li m’għandux fix-xejn jintrema.

 

Bi xbihat kien ilu mħabbar,

f’dik l-offerta ta’ Iżakk,

fil-ħaruf li nqatel fl-Għid,

u fil-manna tad-deżert.

 

Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew,

Ġesù tagħna, ħenn għalina;

int itmagħna u ħarisna:

inti lilna l-ġid urina

fl-art imbierka tal-ħajjin.

 

Int li taf u tista’ kollox,

li titmagħna hawn f’dil-ħajja,

hemm agħmilna lkoll imsieħba,

f’għaqda waħda lkoll werrieta

mal-qtajjiet tal-qaddisin.

Ammen. Hallelujah. 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 6:51

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;

jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.

R/. Hallelujah.

Evanġelju

Kulħadd kiel u xaba’.

Lq 9:11b-17

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qagħad ikellem il-folol fuq is-Saltna ta’ Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: “Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f’post imwarrab”.

Iżda hu qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu”. Qalulu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għall-inqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!”.

Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: “Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin”. Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda.

Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.