19 Sunday Ordinary Time (A)
Qegħdin ngħixu fi żmien importanti ħafna meta d-dinja qegħda tinbidel b’mod mgħaġġel immens. Bħala Nsara, għandna għax inħossuna kburin u grati lejn Alla li konna f’moħU sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex ipoġġina fuq din il-pjaneta appuntu f’dan iż-żmien li San Ġwanni Pawlu II sejjaħlu “Żmien ta’ bidla epokali li jiġi fuqna darba f’elf sena!”
Hu żmien ta’ bidla għalina bħala Knisja wkoll. Jekk id-dinja tinbidel, tinbidel il-Knisja wkoll, mhux fil-Fidi tagħha, imma fil-pastorali tagħha, fil-mod kif twassal il-Fidi tagħha lid-dinja, fl-istrumenti li tuża biex ixxandar lil Kristu u s-Salvazzjoni li hemm fih għal kull bniedem. Hu żmien fejn sar indispensabbli li l-Knisja tagħfas fuq l-Aħbar it-Tajba iktar minn fuq kull ħaġa oħra. Il-bniedem ma jasal qatt biex jgħix stil ta’ Ħajja Nisranija kif titlob il-morali Nisranija, jekk qabel ma jkunx twieled mill-ġdid fil-Fidi f’Ġesù. Dan hu punt kritiku. Ħafna ma jagħrfux li hemm differenza bejn il-Fidi adulta fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu u l-prattika reliġjuża ta’ quddiesa kuljum jew darba fil-ġimgħa.