21 Sunday Ordinary Time (A)
L-Ewkaristija hija Liturġija tant imfawra b’intimità mill-isbaħ bejn Alla u l-bniedem li hu mpossibbli għall-bniedem jgħixha fil-milja tagħha jekk ma tkunx il-Grazzja. Bħal djamant b’ħafna wċuħ, wiċċ wieħed li fuqu jilma d-Dawl ta’ Alla hu biżżejjed biex jitfa’ fuqna raġġ ta’ dija li tagħmina. L-Ewkaristija hija l-ogħla Radd il-Ħajr li l-bniedem tal-Fidi jista’ joffri lil Alla anke meta l-Istorja tkun ikbar minn moħħu u ma jifhimhiex. Hija l-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu li l-Knisja tgħix mill-ġdid bil-merti kollha li Kristu rebaħ f’isimna bl-Ubbidjenza tiegħu lejn il-Missier. Kull Ewkaristija hija kenosi, niżla mill-ġdid ta’ Alla biex jgħammar miegħi u miegħek… hi t-tneżżiħ mill-ġdid ta’ Alla li jċekken lilu nnifsu biex isir ħobż u nbid, xogħol u għaraq il-bniedem, sabiex jiġri fil-vini tagħna, aħna li ftit li xejn napprezzaw dan kollu. Fl-Ewkaristija, l-umanità tgħolli ’l fuq bejn sema u art lil Kristu msallab bħala l-offerta waħdanija li hi safja u li tħasssar id-dnubiet.
Matul is-sekli l-Knisja, l-Għarusa nnamrata mal-Għarus tagħha, dejjem qallbet moħħha biex, bl-intuwizzjoni tal-Ispirtu s-Santu, ssib kliem għal-Liturġija Ewkaristika li bih tesprimi xi ftit l-Imħabba ta’ Alla għalina u l-Imħabba li din l-Imħabba ta’ Alla twelled fina għaliH. It-Talba Ewkaristika, li l-Presbiteru li jippresjiedi jgħolli lejn Alla f’isimna, u li tibda bil-Kelmiet: “Il-Mulej magħkom; u miegħek ukoll. Nerfgħu qlubna ’l fuq; nerfgħuhom lejn il-Mulej…” huma, għax hemm diversi, sforz ta’ qalb il-Knisja biex tirringrazzja lil Alla għar-rigal enormi, li ħadd ma jista’ jifhem jew japprezza biżżejjed, li l-Missier tana f’Ibnu.