ta' San Ġwann
Nagħtu ħarsa kronoloġika lejn xi ġrajjiet ewlenin fl-Istorja li b’mod jew ieħor kellhom rabta mal-istatwa titulari ta’ San Ġwann Battista.
1839
Nibdew bi tradizzjoni popolari li fil-verità tmur qabel il- wasla tal-istatwa tal-Battista, Hi marbuta mal-wasla tal- istatwa titulari ta’ San Ġorġ (Rabat Għawdex) li ġrat f’din is-sena. Jingħad illi meta l-istatwa ta’ San Gorg (li wkoll inħadmet minn Pietru Pawl Azzopardi) rifset Għawdex, din merfugħa f’kaxxa tgħabbiet fuq dahar il-bhejjem sar-raħal tax-Xewkija. Fil-knisja ta’ San Bert, magħrufa aħjar bħala Tal-Ħniena, jingħad li l-kaxxa bdiet tiżżarma u minnha nħarġet l-istatwa, li minn hemm ‘il quddiem inġarret fuq l-ispallejn, l-ewwel għall-pjazza tal-knisja parrokkjali tax-Xewkija u mbagħad għar-Rabat.
L-istess tradizzjoni tgħid li l-poplu Xewki, flimkien mal-Kappillan tiegħu kien ħareġ bi ħġaru biex jara l-istatwa. Tant intlaqat mis-seħer u l-ġmiel tal-kapulavur ta’ Azzopardi, li tħajjar hu wkoll jibdew il-proċess biex jordna waħda għall-parroċċa tiegħu ukoll.
Tradizzjoni oħra tgħid li meta Azzopardi ġie biex jaħdem l-istatwa ta’ San Ġwann; hu ħa bħala mudell l-istatwa ta’ Ġesù fl-istatwa ta’ Ġesù u Marija (Sigismondo Dimech, c. 1802-1807) meqjuma fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ. Biex qala’ l-permess, hu offra li jnaqqax għal dik il-parroċċa sett gandlieri tal-injam il-ġmiel tagħhom, li għadhom jitgawdew sal-lum il-ġurnata fil-jiem tal-festa titulari f’Lulju.
1845
Dak li żgur huwa dokumentat huwa dak li nsibu fuq in-naħa ta’ wara tar-Reġistru tal-Magħmudijiet, vol. III jiġifieri r-rakkont tal-wasla tal-istatwa ta’ San Ġwann Battista f’Casal Xeuchia. Hawnhekk għandna mniżżel iswed fuq l-abjad il-ġrajja tat-translazzjoni tal-istatwa, li wkoll bdiet mill-kappella Tal-Ħniena. Għaldaqstant din il-kappella kellha x-xorti tilqa’ quddiemha l-ewwel żewġ statwi titulari tal-gżira Għawdxija.
Id-dokument jagħti deskrizzjoni ta’ x’ġara fil-jum tal-Ħadd 22 ta’ Ġunju mis-sagħtejn u nofs ‘l quddiem. L-istatwa mbagħad inħarġet proċessjonalment għall-ewwel darba jumejn wara, jiġifieri f’jum is-solennità liturġika tat-twelid tal-Għammiedi, it-Tlieta 24 ta’ Ġunju 1845. Niftakru li dak iż-żmien il-festa kienet tiġi ċċelebrata fil-jum propju tagħha. Din li ġejja hi tradizzjoni diretta mid-dokument oriġinali. Fit-traduzzjoni ma sarux tibdiliet li jakkomodaw is-sintassi Maltija sabiex tibqa’ r-rabta oriġinali mat-tifsira bit-Taljan:
“It-translazzjoni solenni tal-istatwa l-ġdida ta’ San Ġwann Battista, nhar it-22 ta’ Ġunju 1845, bil-poplu jħallas l-ispejjeż kollha.
Għal din it-translazzjoni ngħata bidu fis-2.30pm tal-jum imsemmi, liema saret bil-pompa kollha mill-knisja ta’ San Bartilmew Appostlu lejn din il-knisja parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, diġà mżejna b’mod mill-iktar nobbli, bl-akkumpanjament flimkien mal-Kappillan ta’ dan ir-raħal Dun Nikol Vella u tal-Kappillan Ta’ Sannat Dun Alessandru Cauchi u Dun Pawl Grech, Vigarju Kurat tal-istess Kappillan Dun Nikol Vella, filwaqt/peress li m’attendewx, anke jekk kienu mistiedna, il-kappillani l-oħra, bl-akkumpanjament ukoll ta’ numru kbir ta’ kleru mir-Rabat u l-irħula u l-fratellanzi ta’ din il-parroċċa, fost il-kant devot tas-saċerdoti, id-daqq festiv tal-Bronż Qaddis, id-daqq armonjuż tal-banda u sparar ta’ murtaletti.
Il-pass imqit, il-postura, kollox kien jispira pjetà u devozzjoni. Wara li ntemmet il-purċissjoni ġiet inċensata miċ-ċelebrant, waqt li l-kor tal-mużiċisti esegwixxa antifona sabiħa u wara l-versett iċ- ċelebrant kanta l-Orazzjoni (it-Talba). Fl-aħħar il-barka bis-Santissimu Sagrament.
Fl-aħħar nett filgħaxija (saret) illuminazzjoni (mixegħla tad-dawl), daqq ta’ banda, ġigġifogu u mbagħad saret serata festiva.”
1848
Inħadem is-salib tal-istatwa fil-fidda u ġie bbanjat fid-deheb minn Saverio Cannataci fl-1848, tliet snin wara l-wasla tal-istatwa. Ta’ min jgħid li Saverio Cannataci ħa l-bolla bħala argentier fl-1806 u sar konslu tal-fidda u d-deheb fl-1848, l-istess sena li fiha ħadem is-salib ta’ San Ġwann.
1854
Mir-registru tal-eżitu nafu li fis-sena 1854, l-istatwa ta’ San Ġwann kienet reġgħet nżebgħet, u għal dan il-għan kienet tħallset is-somma ta’ tmintax-il skud…per nuova tintaura della statua di San Giovanni Battist .. Sc 18. Din kienet inżebgħet mill-istess Pietru Pawl Azzopardi u l-irċevuta datata 20 t’Awwissu 1854 ġiet iffirmata f’isem missieru minn ibnu Ġużeppi.
1864
Titwaqqaf il-fratellanza ta’ San Ġwann Battista, dik li llum terfa’ l-istatwa. Flimkien ma’ dik tas-Sagrament u dik tal-Madonna tar-Rużarju, din tieħu sehem fil-purċissjoni tal-Battista, Qabel it-twaqqif tal-fratellenza ta’ San Ġwann, l-istatwa kienet tiġi merfugħa għall-ewwel mill-gabillotti u wara minn xi baħrin li ħallsu xi flus. Għanja folkloristika b’rabta ma’ din li kienet tinstema’ kienet din:
Issa wasal San Ġwann tagħna,
Trid tarahom il-baħrin,
Dawn jerfgħuh fuq wiċċ idejhom
B’dawn l-Imkatar tal-ħarir.
1889
Fis-sena 1889 ġew maħduma l-pedestall u l-bradella ta’ San Ġwann Battista minn Pawlu Bugeja u li ġabar għalihom is-Sur Salvatore Mercieca,
Ta’ min jinnota li fuq kull naħa tal-pedestall oriġinali, li kien ġie mal-istatwa, kien hemm xena li tirrappreżenta xi episodju mill-ħajja tal-Battista. Dawn kienu tpittru mill-istess skultur Pietru Pawl Azzopardi. Dan il-pedestall għadu jinsab fil-parroċċa tagħna.
1908
Minn din is-sena fi żmien l-Arċipriet Dun Anton Aquilina l-purċissjoni ta’ San Ġwann bdiet issir filgħaxija.
1939
Fil-5 ta’ Settembru 1939, issa li kienu tlestew in-navi l-istatwa ta’ San Ġwann tpoġġiet għall-ewwel darba fin-nicċa l-ġdida tagħha li kienet tinsab fin-navata tax-xellug. Qabel hija kienet tinsab fil-kappella tal- Addolorata, fin-niċċa tan-naħa tal-lemin,
1943
L-istatwa giet miżbugħa mill-Professur Ġużeppi Briffa minn Birkirkara. Ix-xogħol inbeda fl-1 ta’ Ġunju u ntemm fl-4 ta’ Ġunju 1943. L-ispiża telgħet għal £20 sterlina u ħallashom il-Prokuratur ta’ dak iż-żmien Dun Franġisk Debono. Dakinhar l-istatwa kienet ittieħdet fid-dar tal-Arċipriet Antonio Xuereb fejn kien sar ix xogħol. L-istess Briffa kien ospitat fl-istess dar.
1945
Ġie ċċelebrat bil-kbir l-ewwel ċentinarju mill-wasla tal-istatwa titulari. Minkejja li x-Xewkija bħall-bqija tal-pajjiż kienet għadha qed tirkupra mill-konsegwenzi koroh tat-Tieni Gwerrra Dinjija, ma setax jonqos li dan l-anniversarju importanti ma jitfakkarx bl-aħjar mod possibbli.
Fis-17 ta’ Ġunju l-Arċipriet Dun Anton Grima kien qara lill-poplu miġbur għan-novena, ir-relazzjoni li nsibu fir-Reġistru tal-Magħmudijiet, vol.lll. Ii tiddeskrivi I-wasla tal-istatwa. B’ringrazzjament huwa ntona wkoll it-Te Deum. Dakinhar ukoll b’tifkira ta’ dan iċ- ċentinarju kienet iżżanźnet statwa ta’ San Ġwann bil-ħarufa maħduma minn Wistin Camilleri waqt marċ mill-Banda Leone.” Din kienet tħallset minn Pawlu Azzopardi (Ta’ Ħaqqu)
Fil-jiem tat-tridu 20, 21 u 22 ta’ Ġunju kien ipprietka I-W.R. Patri Prior Ġorg Borg O.C. F’jum il-festa li dakinhar il-jum liturġiku tal-24 inzerta l-Ħadd, il-quddiesa pontifikali tmexxiet mill-E.T. Mons. Ġużeppi Pace D.D, J.C.D, Ph.D. li niseġ ukoll il-paniġierku dwar il-virtujiet ta’ San Ġwann, Filgħaxija l-Isqof mexxa hu wkoll il- purċissjoni. Il-paniġierku ta’ qabel il-purċissjoni kien nisġu Patri Alan Fenech S.Th.L. O.P. Il-mużika tmexxiet mill-Mastru di Kappella tal-katidral, Pawlu Lanzon.
Ta’ min jinnota li l-Ġimgħa 22, fl-aħħar tat-tridu u fil-jum li fakkar eżatt il-mitt sena eżatt mill-wasla tal-istatwa kienet saret translazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġwann mat-toroq tar-raħal. F’din l-okkażjoni ħadet sehem il-Banda La Stella.
F’jum il-festa kienu ħadu sehem erba’ baned. Minbarra l-baned Għawdxin La Stella u Leone kienu ġew mistiedna wkoll il-baned Maltin, La Valette u San Ġiljan. La Valette kienet ġiet fostna minn lejlet il-festa u pparteċipat fost oħrajn fit-translazzjoni ta’ lejlet il-festa wkoll. Niftakru li I-Banda Prekursur kienet għadha mgħaffġa bil-gwerra billi s-suldati Ingliżi kienu okkupaw il-każin u bosta bandisti kienu ttieħdu bil-lieva.
Ta’ min isemmi wkoll li kienet ġiet ikkummissjonata l-qanpiena ż-żgħira għall-kampnar f’din l-okkażjoni wkoll.
Fit-2 ta’ Settembru 1945 sar marċ mill-Banda Leone bl-istatwa tal-Battista. Wara d-dimostrazzjoni sar programm mużikali u s-serata ntemmet bil-ħuġġieġa.
1949
Fit-13 ta’ Ġunju 1949, l-aħwa Saliba magħrufa bħala Ta’ Flieles taw bħala rigal lill-knisja, 4 vażetti (kannestrini) tal-fidda biex jitpoġġew fuq il-bradella ta’ San Ġwann Battista. Id-disinn tagħhom sar mis-Sur Lawrenz Zammit Haber u x-xogħol mirqum b’mod fin fil-fidda sar mill-Artist is-Sur Lawrenz Pace Ferand minn tas- Sliema. Dakinhar kellhom valur ta’ madwar £300 sterlina. Ħabrek ħafna għal din l-opra l-maħbub saċerdot Dun Karm Azzopardi.
1957
L-Arċipriet Ġużeppi Grech jikteb li fl-okkażjoni ta’ din il-festa l-artist Professur Ġużeppi Briffa żebagħ l-istatwa artistika tal-Battista. Mir-reġistru tal-eżitu nafu li b’rabta ma’ dan ix-xogħol kienet tħallset is-somma ta’ £35. (per restaurazione della statua di San Giovanni Battista).
1961
Fil-21 ta’ Ġunju 1961 ġiet imżanżna dijadema tad- deheb fuq ras l-istatwa ta’ San Ġwann, xogħol l-argentier Naxxari Ġużeppi Pirotta (imlaqqam il-Parapajs). L-ispiża qamet £180 u ġabarhom is-Sur Pawlu Grech mix-Xewkija.
1982
Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġwann, iżżanżnet u tbierket il-kristallina ġdida għan-niċċa tiegħu. Ix- xogħol u l-illustrar tal-kewba sar mis-Sur George Farrugia mir-Rabat Għawdex. Id-disinn li nsibu fil-bażi tal-kristalla sar mis-Sur Ġużeppi Sagona. L-ispejjeż kollha tħallsu mill-aħwa Katerina u Marija Theuma.
1995
Fis-sena 1995, ġie mmfakkar l-150 sena mill-wasla tal-istatwa artistika ta’ San Ġwann Battista. Kif mistenni kienu saru festi speċjali. Dawn saru bejn il-11 u l-25 ta’ Ġunju. Fost oħrajn kienet ittellgħet akkademja Mużiko-Letterarja bis-sehem tal-Banda Prekursur flimkien mal-Kor Vox Clamantis, Tenur u Baritnu. Fil-final tagħha sar il-ħruġ tal-istatwa ta’ San Ġwann Battista min-niċċa. Kien ittella wkoll spettaklu bl-isem L-Għanja tal-Battista kitba tas-Sur Laurence Camilleri u produzzjoni ta’ George Mizzi. Fil-festi Liturġiċi ħadu sehem l-Arċipriet u l-Kapitlu tal-Kolleġġjata Bażilika tan-Nadur, l-Arċipriet u l-Kapitlu tal-Kolleġġjata Bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat, l-Arċipriet u I-Kapitlu tal-Kolleġġjata Bażilika tax-Xagħra, L-Arċidjaknu u l-Kapitlu tal-Katidral t’Għawdex flimkien ma’ Mons. Nikol Ġużeppi Cauchi, Isqof tad-Djoċesi. Fil-purċissjoni li saret nhar il-Ħadd 25 ta’ Ġunju ħadu sehem l-Arċipriet u l-Kappillani tal-parroċċi ta’ Għawdex.
Fis-sitta ta’ filgħaxija tal-Ħamis 22 ta’ Ġunju, il-jum eżatt li fakkar il-150 sena mill-wasla tagħha, l-istatwa ta’ San Ġwann inħarget mir-Rotunda u twasslet b’carcade li għadda minn Triq Indipendenza u Triq l-Imġarr sa ħdejn il-kappella tal-Madonna Tal-Ħniena, propju l-post fejn 150 sena qabel kienet bdiet it-translazzjoni tal-istatwa għall-knisja parrokkjali tax-Xewkija. Il-poplu Xewki speċjalment ta’ dawk l-inħawi laqgħu l-istatwa b’ċapċip kbir. Minn hemm beda korteo devot ta’ talb għar-Rotunda. Ħadu sehem it-tliet Fratellanzi tal-parroċċa dik tal-Madonna tar-Rużarju, tas-Santissimu Sagrament Imqaddes u ta’ San Ġwann Battista. Il-korteo kien akkumpanjat mill-Banda Prekursur b’marċijiet u innijiet reliġjużi. Ir-residenti ta’ Triq San Bert sellmu lil San Ġwann bi tfigħ ta’ fjuri tul it-triq kollha. Kif l-istatwa tal-Battista waslet fil-bieb tar-Rotunda ntlaqgħet bil-kant tal-Antifona u sar id-dħul solenni fit-tempju dedikat lilu. Wara saret konċelebrazzjoni tat-tieni jum tat-tridu mmexxi minn Mons. Ġużeppi Curmi flimkien mal-Arċipriet Mons. Carmelo Mercieca, saċerdoti u patrijiet Xewkin. Filgħaxija, saret dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġwann iż-żgħir li kienet inħadmet 50 sena qabel. Ta’ min isemmi li f’din is-sena wkoll, kien sar ir-restawr u induratura ġdida tal-padestall tal-istatwa. Ix-xoghol sar minn Publiju Magro u sewa Lm 3,500.
2015
Tfakkar il-170 sena mill-miġja tal-istatwa. Fost oħrajn kien ittella’ fil-pjazza l-feature 170 Sena ta’ Storja mill-Miġja tal-Istatwa ta’ San Ġwann.
2020
Kif ilkoll nafu matul l-aħħar xhur saru diversi proġetti u inizjattivi b’rabta mal-175 anniversarju fosthom ewlieni r-restawr u l-konservazzjoni tal-istess statwa u I-pedestall tagħha mid-ditta PrevArti. Mill-istudji li saru nkixef li l-injam użat kien ġej minn zokk tal-arżnu u mhux dak ta’ tuta kif kienet iżżomm it-tradizzjoni popolari. Sar ukoll xogħol ta’ rinovazzjoni u tisbiħ fuq in-niċċa tal-istatwa.
Tagħrif ikkumpilat minn Mario Xerri għar-Rivista Gourgion Għadd 62, 2020