Friday, 14 December 2018
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-TIENI HADD TAL-AVVENT (2018) IL-FERH LI TASSEW JIMLA’ QALB IL-BNIEDEM
IT-TIENI HADD TAL-AVVENT (2018) IL-FERH LI TASSEW JIMLA’ QALB IL-BNIEDEM PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 08 December 2018

Din hija il- Liturgija tat-Tieni Hadd ta' L-Avvent ( 2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

johnbaptist_preaching-678x380.jpg

 

Ilkoll kemm aħna niġru wara ħafna affarijiet biex jagħtuna l-Ferħ u sikwit dawn l-affarijiet li fihom nittamaw mhuma xejn ħlief dnub, mewt, investiment fix-xejn.  Imma lkoll kemm aħna ġieli nħossu bħal leħħa ta’ Ferħ veru, Ferħ ġej minn Alla, żiffa ta’ dak li għalih titħannen ruħna.  Il-Ferħ huwa l-Ħajja.  Tassew li fil-Ħajja hemm ukoll it-tbatija u d-dieqa imma dawn huma l-melħ li jagħtu togħma lill-eżistenza.  Għax jekk kollox jiġina tajjeb, malajr nibdew nixbgħu minn kollox u l-Ħajja tispiċċa monotona!  Mank temmen, imma l-Ferħ jitwieled min-niket u t-tbatija!  Kos x’misteru!  Kollox irid ikun. 

 

Waqt li r-Randan għandu bidu u tmiem, l-Avvent huwa msejjaħ bħala xbieha tal-Ħajja tan-Nisrani.  Huwa żmien ta’ stennija, stennija sabiħa, stennija għall-Ferħ ġenwin u sempliċi li ma tixtrihx bil-flus.  In-Nisrani huwa dak il-bniedem li jistenna dejjem ħwejjeġ kbar mingħand Alla.  Il-qalb tiegħu titqanqal għal dak li kapaċi jagħtih Alla li jista’ kollox.  U inqas kemm it-tqanqil tiegħu huma għal ħwejjeġ materjali, ikbar hija l-probabiltà li dan il-Ferħ hu fil-qrib.  Alla huwa Festa, qal xi ħadd, u min daqu, dan jafu tajjeb.  Alla huwa wkoll Sorpriża.  Anke l-bniedem ta’ Fidi kbira ma jista’ qatt jimmaġina dak li Alla jrid idewqu.  Il-Mulej dejjem jissorprendi bil-meravilja tiegħu u l-bniedem jibqa’ mistagħġeb, b’ħalqu miftuħ quddiem il-Ferħ li jinvadih bħalma l-Ispirtu s-Santu biss jaf jinvadi n-nies.


 

Dalwaqt nidħlu fl-eqqel taċ-ċelebrazzjoni tad-dehra tal-Mulej b’ġisem bħal tagħna, dik li nsejħulha l-ewwel dehra tiegħU.  Fil-Ħdud li għaddew il-Knisja għenitna biex nikkontemplaw il-Parusija tal-Mulej, it-Tieni Miġja tiegħu fl-aħħar taż-żmien.  It-ton apokalittiku tat-tmiem ta’ kollox, lilna jħassibna, idehexna, inħossuna mhedda għalkemm malajr nistkennu wara l-ħsieb li aktarx ma nkunux hawn meta jseħħ.  Imma lkoll se jkollna t-tmiem tagħna u għalina dan ikun it-tmiem ta’ kollox għax id-dinja materjali tgħib għalina.

 

Il-Milied tal-Mulej u l-Parusija tiegħU donnhom li huma żewġ fusien għal kollox differenti li fuqhom tistrieħ il-Fidi tagħna.  Il-Milied, bla ma rridu, jimliena b’tama ġdida; insiru tfal mill-ġdid, donnha l-Ħajja għadha qegħda tinfirex quddiemna.  U dan mhux biss għax il-foklor u d-drawwiet marbuta mal-Milied immarkawna meta konna żgħar u għalhekk jidħol is-sentiment tan-nostalġija.  Lil hemm minn dan hemm rejaltà aktar vera, aktar profonda: hemm arja ta’ sempliċità, donnu li għal mument, għal ftit żmien, il-bniedem jiskopri tassew dak li għalih kien maħluq: il-Ħajja sempliċi, bla kumplikazzjoni.   Ħajja fqira imma għanja,  “Jien” differenti minn dak tas-soltu li ħafna drabi hu mażra madwar għonqna li jġagħalna ngħixu nħarsu lejn l-art, meta l-kwiekeb huma tagħna!  Insibu ruħna nidħku aktar malajr, nitbissmu iktar lil dak li jkun, nifirħu bla ma nafu eżatt għaliex.  Dan hu l-Milied.

 

Il-Miġja tal-Mulej fl-aħħar żmien, għal Jum il-Ħaqq, għandha togħma għal kollox kontra ta’ dan.  L-ideja biss theddidna.  Il-kelma “Ħaqq” tbeżżagħna mill-kastig.  Dan m’għandux ikun hekk.  U għalhekk huwa mportanti li bejn l-ewwel Miġja u l-aħħar waħda, hemm bżonn li Kristu jwettaq Miġja oħra f’Ħajjitna, jew Miġjiet oħra.  Hemm bżonn li Kristu jiġi jżurna f’qalbna permezz tal-Ispirtu s-Santu li jaħdem b’ħafna affarijiet... bis-Sagramenti, għal min jemmen, bil-Kelma, l-aktar bl-Aħbar it-Tajba, bl-Istorja nnifisha li minnha ngħaddu.  Infatti, nistgħu ngħidu li Ħajjitna kollha hija l-intervall bejn l-ewwel u l-aħħar miġjiet ta’ Ġesù, intervall li fih Alla jaħdem il-ħin kollu biex jiġi bid-Dawl tiegħu u jurina kemm aħna mqarrqa meta għadna ma skoprejniex l-Imħabba tal-għaġeb li kull wieħed minna hu maħbub biha.

 

Jekk Alla hu Festa, jekk Alla hu Sorpriża, dan għaliex Alla hu Mħabba; Imħabba moħbija, rigal imgeżwer f’karti tal-ġażżetti, Mħabba ġġudikata, ikkalunjata, imwarrba, mhix emmnuta.  Imma għal kull maħluq hemm mument ta’ Dawl, Miġja ta’ Alla f’Ħajtu, skoperta li tbellah għax wieħed jibqa’ mutu, iċċassat quddiem esperjenza li turih li Alla li ħalaq l-univers kollu daħal jgħammar għandu, poġġa maġenbu bħal ħabib u qasam miegħu il-ħobż tal-Istorja.  Huwa dan li jagħmel lill-bniedem kbir: il-fatt li Alla jiġi u jpoġġi maġenbu u jagħtih esperjenza li ssir Memorjal li jibqa’ jiftakar għal dejjem.  Fuq dan il-fatt ħafna bnew il-Fidi tagħhom.  Ateji kbar ikkonvertew għax Alla żarhom. Bħalma għamel ma’ Żakkew, Alla jgħid lili u lilek: “Illum, jenħtieġ li jiena niġi għandek, f’darek.” 

 

Dan dejjem hu l-bidu tal-konverżjoni.  Meta jkollok laqgħa ħajja ma’ Ġesù Kristu, fik tibda tikber il-Fidi u allura ma tibqax tibża’ mill-aħħar miġja tal-Mulej, sew jekk din tkun fl-aħħar tad-dinja, sew jekk tkun fl-aħħar mumenti ta’ ħajtek. Il-Mewt tbeżża’... dan hu naturali, imma meta l-ispirtu tiegħek jitħannen għat-tgħanniqa eterna ta’ Dak li miet għalik, inti tesperjenzja ħelsien, rebħa fuq il-biża’ tal-Mewt.  Kif tgħid l-Aħbar it-Tajba f’vers memorabbli minn San Ġwann Evanġelista: “L-Imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ’l barra!” (1 Ġw. 4, 18), u terġa’ f’vers ieħor jgħid: “L-Imħabba ssir sħiħa fina, meta aħna nqawwu qalbna għal Jum il-Ħaqq.”  (1 Ġw. 4, 17). 

 

Għalhekk il-Miġjiet fostna ta’ Kristu għandhom rabta, konnessjoni diretta bejniethom.  Kristu twielded f’Betleħem tal-Lhudija biex Alla libes laħam il-bniedem;  għalfejn?  Biex ikun jista’ jgħix il-Misteru tal-Għid.  Bil-Misteru tal-Għid hu sar Spirtu rebbieħ fuq il-Mewt u fuq dak kollu li joqtol u jnikket lill-bniedem.  Il-Misteru tal-Għid Hu għexu totalment b’risq tiegħi u tiegħek.  Għalhekk Hu jxerred l-Ispirtu rebbieħ tiegħu fuqi u fuqek biex aħna nitwieldu mill-ġdid u nsiru werrieta tar-Rebħa tiegħu fuq il-Mewt.  Din in-natura ġdida tagħmel li aħna jkollna garanzija ta’ Ħajja għal Dejjem, ċertezza ta’ salvazzjoni.  Jistgħu jaqgħu il-kwiekeb u jitgerbu l-muntanji ġol-baħar li jibla’ l-art, imma l-Fidi tan-Nisrani ma jegħlibha ħadd.

 

L-Ewwel Qari

 

In-Nisrani hu, di natura, bniedem ottimista, li qed jistenna, kif ġa għidna,  ħwejjeġ kbar mingħand Alla u moħħu mistrieħ bl-Istorja għax jaf li Alla hu Missieru li lanqas ħafirha lil Ibnu fix-xewqa kbira tiegħu li jsalva l-bniedem mill-Mewt ta’ Dejjem.  Iżda fl-istess ħin, in-Nisrani hu bniedem realista.  Alla ma jħallihx joħlom fil-vojt.  Saqajh jinsabu fl-art.  Hu jaf li qed jgħix f’dinja fejn il-biċċa l-kbira tal-bnedmin lanqas jafu xi tfisser titwieled mill-ġdid fi Kristu.  Il-maġġoranza tal-bnedmin jgħixu sa ma jmutu maħkuma mill-bniedem il-qadim li wirtu mingħand missirijiethom.  Għalhekk il-bnedmin huma egoisti u dejjem jiġbdu lejhom infushom.  Mhux għax huma ħżiena, imma għax huma lsiera u ma daqux il-Ħelsien li hemm fi Kristu.  Hu għalhekk li wieħed inutli jitlob għall-Paċi fid-dinja anke jekk  nagħmlu sew nitkarrbu u ninterċiedu għad-dinja.  Imma sakemm qalb il-bniedem għadha mhix imfejqa, u kull bniedem iġorr ġrieħi ġewwinija li ma jafx fejn imur biex ifejjaqhom, kif jista’ jkun li jkun hawn il-Paċi?  Infatti, gwerra tieqaf u oħra tibda.  Qatt ma kien li fid-dinja kollha kien hemm il-Paċi.  Ħitler qal li l-Istorja tal-bniedem hi storja ta’ gwerra, b’intervall ’l hemm u ’l hawn ta’ waqfien mill-ġlied sakemm il-bnedmin jerġgħu iħejju ruħhom għal gwerra oħra.  Din tidher opinjoni ta’ bniedem miġnun li l-vanġelu tiegħu kien il-gwerra u l-qerda.  Imma fiha xi ftit verità wkoll din il-kwotazzjoni.

 

Huwa dan l-Ispirtu marid u ħażin li jgħammar fil-bniedem, li jipperswadi lil ħafna nies biex jippersegwitaw il-Knisja.  Il-Knisja, li hi l-ġabra ta’ nies meħlusa fi Kristu, mibdula u mwelldin mill-ġdid, tinsab imdawra b’nies imsejkna li ma jafux x’inhi l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn.  Hi bħal Ġerusalemm ta’ żmien Baruk, imnikkta għax dejjem imdawra mill-għedewwa.

 

Illum il-Knisja tinsab għaddejja minn żmien diffiċli.  Mhux l-ewwel darba f’dawn l-elfejn sena.  Imma kull meta l-Knisja irtirat f’qoxritha, mġegħla tiddefendi ruħha mill-qerda, hi dejjem irriformat ruħha, inħelset minn toqol ta’ drawwiet li kienu għamlu żmienhom, u spiċċat dejjem eħfef u iktar b’saħħitha minn qatt  qabel.

 

Lil Ġerusalemm, Baruk ikellimha bi kliem il-faraġ ta’ Alla.  Hu jistedinha biex terfa’ rasha, tibdel ilbies il-vistu f’dak tal-festa, titla’ fil-għoli biex tara dak li se jiġri... ir-ritorn lura ta’ tant ulied li kienu ittieħdu lilha.  Lill-Knisja insterqitilha l-Ewropa kważi kollha. Anke l-Knisja f’Malta qegħda tirtira waqt li tipprova tinża minn drawwiet qodma u tweġġa’ waqt li tirriforma ruħha għal żminijiet ġodda.  Imma bħal Ġerusalemm, il-Knisja għad tistagħġeb bil-qawwa tal-Mulej li għad iqabbad Ħuġġieġa qaddisa f’ħafna qlub.  Għad ikollna mxija ta’ Evanġelizzazzjoni ġdida mal-Ewropa kollha. 

 

Hemm bżonn li l-kontinent tagħna jaħrab mill-Knisja u jduq u jisker bi frott il-paganeżmu biex jara hu d-differenza.  Pajjiżna qisu l-iben il-ħali li għadu ma weġġax bid-dnub, imma qiegħed jgħajjat quddiem missieru biex jagħtih ġidu ħa jagħmel bih li jrid hu.  Pajjiżna qiegħed jagħmel bħal dawk tal-Ewropa qablu.  Se jitlaq minn dar missieru, għax jemmen li issa sar adult u jista’ jagħmel li jrid b’ħajtu, jiddeċiedi hu x’inhu t-tajjeb u l-ħażin għalih. 

 

Dan mhux negattiv, imma pożittiv ħafna.  Se nweġġgħu, imma id-dnub qatt ma ssodisfa lill-bniedem u għalhekk li r-rebħa hi ta’ Kristu, dejjem.  L-iben telaq u sparixxa, imma meta għadda ż-żmien, rawh ġej lura, fqir, imċerċer, magħlub, maħmuġ u ħafi.  Fuq kollox ġie lura umli għax l-esperjenza għalmitu li ma’ missieru kien l-aħjar.  Hekk għad jiġri f’dawk il-pajjiżi kollha li llum irrimettew il-valuri Nsara u bagħtu jixxejjer dak kollu li kien għażiż għal missirijiethom.

 

Imma l-Knisja għandha l-faraġ tal-Kelma.  Din il-Kelma tal-lum tfarraġ lil kull min qalbu tinagħfas għall-Knisja. Il-Knisja dejjem tgħix fl-Avvent; dejjem tistenna l-mogħdija tal-Mulej u l-Miġja tiegħu. L-Għarus tagħha huwa Sid l-Istorja.  Hu jdawwar kollox għall-ġid tal-Għarusa tiegħu, bħalma jdawwar kulma ngħaddu minnu aħna għall-ġid tagħna.  Min għandu l-Fidi hu ċert minn dan u jserraħ rasu fil-Mulej.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Baruk.  5, 1-9

 

Neħħi minn fuqek, Ġerusalemm,

lbies il-vistu u n-niket tiegħek,

u ilbes għal dejjem id-dija tal-glorja ta' Alla.

Ilbes mantar il-ġustizzja ta' Alla,

qiegħed fuq rasek id-dijadema 

tal-glorja ta' Alla ta' dejjem.

 

Għax Alla għad juri sbuħitek

lid-dinja taħt  ix-xemx,

Alla jsemmik għal dejjem:

"Sliem tal-Ġustizzja u Glorja tal-Qima ta' Alla."

 

Qum, Ġerusalemm, itla' fl-għoli,

u ħares madwarek lejn il-lvant, 

ara 'l uliedek miġmugħa, 

minn fejn tinżel ix-xemx sa fejn titla', 

għall-kelma tal-Qaddis,

ferħana li Alla ftakar fihom.

 

Telqu mingħandek bil-mixi,

mkarkra mill-għedewwa,

u issa Alla se jġibhomlok, 

merfugħin fil-ġieħ bħalkieku 

fuq tronijiet  is-slaten.

 

Għax Alla ordna;

jitniżżlu l-muntanji għolja, 

u l-għoljiet ta' dejjem, 

jimtlew il-widien u titwitta l-art, 

biex hemm Iżrael jimxi 'l quddiem,

bla tfixkil ta' xejn, 

taħt il-ħarsien ta' Alla.

 

U l-foresti u s-siġar tal-fwieħa,

jixħtu dellhom għal fuq Iżrael, 

bl-ordni ta' Alla.

Għax Alla jmexxi lil Iżrael ferħan,

b'dawl il-glorja tiegħu, 

msieħba mill-ħniena u l-ġustizzja 

ħierġa minnu.

 

Salm Responsorjali

 

Għall-ġid tagħha, Alla ried li Iżrael tittieħed fl-Eżilju.  Alla ried li saħansitra t-Tempju jiġi meqrud u l-Liturġija tieqaf għal żmien twil, sebgħin sena!  Il-belt fejn kienet tgħammar il-Preżenza ta’ Alla f’nofsha, issa saret l-għamara tal-animali slavaġ bħax-xakalli, ilpup, sriep u avultuni, l-għasafar li jgħammru fejn hemm il-mejtin biex jieklu laħamhom.  Dan Alla kellu jagħmlu, kemm mal-poplu tiegħu fit-Testment l-Antik, kemm mal-Knisja, u kemm magħna fuq livell personali.  Għaliex?  Għax il-bniedem qatt ma jirriforma ruħu, qatt ma jinqata’ minn drawwiet u vizzji li jkunu qed jeqirduh bla ma jinduna, jekk mhux għax imġiegħel. 

 

Għalhekk l-Istorja hi dejjem qaddisa anke meta tidher qżież f’għajnejna.  Alla rriforma lil Iżrael fl-Eżilju, kif se jixhed is-Salm Responsorjali.  Dan għaddiet minnu wkoll il-Knisja, kemm-il darba.  U ngħaddu minnu aħna, jekk għandna għajnejn biex naraw.  Meta nkun għaddejja minn Storja diffiċli, flok niddispraw, għandna numiljaw ruħna u nitkarrbu mingħand Alla d-Dawl biex ngħarfu l-id tiegħU f’Ħajjitna.

 

Iżrael reġa lura lejn pajjiżu wara sebgħin sena, ħafna differenti minn kif kien imġiegħel jitlaq.  Alla reġa’ tah kollox, anke jekk f’nofs ħafna tbatija.  Ġerusalemm reġgħet inbniet, it-Tempju reġa’ ttella’ u l-poplu rema l-idoli tiegħu u għaraf l-għemil tal-Mulej miegħu.  Għad jgħidu l-ġnus għall-Knisja: “Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!” (v. 2).  U mhux għall-Knisja biss.  Anke aħna, jekk nafdaw fih, għad naraw li l-Istorja, anke jekk hi diffiċli għal ħafna, hi Qaddisa, hi xogħol il-Mulej, hi wirja ta’ Mħabba.  Nistabru quddiem il-Mulej, inħalluH jaħdem, nittamaw fiH, nemmnu li Hu jaf x’inhu jagħmel u li kollox se jispiċċa għall-ġid tagħna.

 

Ritornell: Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

 

Salm 126

 

Meta l-Mulej reġġa' lura l-imjassra ta' Sijon,

konna qisna mitlufa f'ħolma;

mbagħad bid-daħk imtela fommna,

u bl-għajat ta' ferħ ilsienna.

 

Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:

"Kbir f'għemilu l-Mulej magħhom!"

Kbir f'għemilu l-Mulej magħna!

U aħna bil-ferħ imtlejna.

 

Biddel, Mulej, xortina

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ

jaħsdu bl-għana ta' ferħ.

 

Huma u sejrin, imorru jibku,

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b'għana ta' ferħ,

iġorru l-qatet f'idejhom.

 

It-Tieni Qari

 

Darbtejn f’dan il-qari, Pawlu jsemmi l-Jum ta’ Kristu, il-Jum tar-Rebħa finali tiegħU, il-Jum Glorjuż tal-Parusija tiegħU, meta l-għedewwa tiegħu jarawH ġej u jħabbtu fuq sidirhom.  Dak ikun il-Jum tar-Rebħa tal-Imħabba u kollox jinġabar taħt saqajn il-Mulej.  Ikun il-Jum tal-premju għal dawk li batew miegħu, għal dawk li ġiet maqtula fihom in-natura tal-bniedem il-qadim u minflok ġew imlibbsa, bi Grazzja, n-natura ġdida, in-natura divina, in-natura ta’ Kristu nnifsu li għamlithom ulied adottivi tal-Missier.

 

Fil-belt ta’ Filippi, fil-provinċja tal-Maċedonja fit-tramuntana tal-Greċja, kien hemm komunità Nisranija ferm għal qalb Pawlu.  Hu kien jara f’dawn l-aħwa, nies fi proċess ta’ tqaddis, proċess ta’ passaġġ mill-bniedem il-qadim li jmut ftit ftit, għall-bniedem il-ġdid, xbiha ta’ Kristu.  Dan il-proċess huwa l-proċess tal-Magħmudija, għax il-Magħmudija hija proċess.  Mhix rit li jinagħta darba malajr malajr lit-trabti.  Mhix rit ta’ dħul bħala membru fi Club.  Huwa l-bidu ta’ proċess li jtul tul il-ħajja kollha.  Fl-ilma tal-Magħmudija jmut il-bniedem il-qadim biex jitla’ minfloku mill-ilma l-bniedem il-ġdid li Kristu tant tkellem ċar dwaru ma’ Nikodemu.  Il-Magħmudija ma tistax tieqaf tikber.  Jekk tieqaf, tmut bħaż-żerriegħa li titnawwar.  Il-Magħmudija tikber bis-saħħa tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, bis-saħħa tas-Sagramenti tal-Knisja li huma effettivi fina skont il-Fidi li biha nilqgħuhom, u wkoll bis-saħħa tal-Istorja li l-Mulej jibagħtilna. 

 

Imma, barra minn dan, għandna bżonn Knisja, jew Komunità li tgħinna meta naqtgħu qalbna, tħeġġiġna meta nibirdu, tfarraġna meta nkunu f’xi sogħba.  Il-Komunità ta’ Filippi kienet imħeġġa għax-xandir tal-Evanġelju, jiġifieri kienu jħobbu jitkellmu u jipproklamaw ma’ min irid jisma’ l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Ġesù.  Min jemmen tassew f’dak li Kristu għamel għalih ma jistax ma jxandarx, ma jistax ma jaqsamx ma’ ħaddieħor dak li nagħta lilu bla ma kien jistħoqqlu.

 

Pawlu jawgura lil din il-Komunità li tagħha hu kien il-katekista prinċipali, bħalma kien mal-ewwel Komunità Maltija, li jipproduċu frott tal-ġustizzja.  X’inhi din il-ġustizzja li awtomatikament tnissel mill-Insara frott ta’ għemejjel ta’ Mħabba?  Hija l-Ġustifikazzjoni.  Jekk nemmnu tassew fil-merti li Kristu kiseb a favur tagħna bl-ubbidjenza tiegħu sa fuq is-Salib, allura, aħna li m’aħniex ġusti, nidhru ġusti quddiem il-Missier għax bil-Fidi tagħna, il-merti ta’ Kristu jsiru l-merti tagħna, l-ubbidjenza ta’ Kristu jsiru l-ubbidjenza tagħna, l-Imħabba ta’ Kristu ssir l-Imħabba tagħna.  Mhux għax dawn l-affarijiet li aħna kapaċi nikkoppjawhom, imma għax jekk nikbru fil-Fidi, aħna niġu bħal imlibbsa din il-libsa bajda tal-innoċenza li m’għandniex, tal-qdusija li m’għandniex.  Din il-libsa tal-Ġustifikazzjoni nilbsuha bil-Fidi fl-Iben ta’ Alla.  Dak kollu li hu tiegħU isir tagħna u aħna nkun l-werrieta ta’ Alla.  Din hi l-Glorja li l-istennija tagħha tferraħ il-qalb ta’ kull Nisrani.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin. 1, 4-6,  8-11

 

Niżżi ħajr lil Alla tiegħi kull meta niftakar fikom,  u nitlob dejjem ferħan fit-talb tiegħi għalikom,  minħabba s-sehem li intom ħadtu fix-xandir tal-Evanġelju, mill-ewwel jiem sa llum.  Jiena żgur minn dan: li dak li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-jum ta' Kristu Ġesù.

 

Iva, jixhidli Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta' Kristu Ġesù!  U jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf u b'kull dehen,  biex tistgħu tagħrfu tagħżlu l-aħjar, u mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-jum ta' Kristu, mimlijin bil-frott tal-ġustizzja li ġejja permezz ta' Ġesù Kristu, għall-glorja u l-foħrija ta' Alla.

 

Evanġelju

 

Jien dejjem jolqotni meta nisma’ lil xi ħadd jgħid li l-Kristjaneżmu mhux “reliġjon” imma Ġrajja, Storja li ġrat, avveniment, fatt li seħħ u li biddel ix-xejra tad-dinja.  Dan il-fatt storiku huwa Aħbar Tajba għal kull bniedem, imma tħalli effett enormi f’dawk biss li jemmnuha.

 

Il-Vanġelu tal-lum iħabbar il-ftuħ tal-Missjoni ta’ Kristu, u jagħmel dan billi jsemmi fatti storiċi, konkreti, bħal min kienu l-ħakkiema tal-provinċji fl-Art Imqaddsa u fil-madwar tagħha meta deher Kristu jistieden lill-bniedem għall-bidla fix-xorti tiegħu.  Araw kif il-Kristjaneżmu mhux teoriji, filosofija, tagħlim, imma Fatt Storiku, f’post storiku, fi żmien storikament affermat billi jissemmew dawn in-nies ħakkiema li huma mniżżla fl-istorja.

 

Meta waslet il-milja taż-żmien, deher Alla fost il-bnedmin.  Ġie Alla jfittex lill-bniedem li bir-reliġjonijiet li dejjem ivvinta kien prova jfittex hu lil Alla bla ma seta’ jsibu.  Issa ġie Dak li kien ilu mfittex mill-ewwel żerniq tal-Istorja.  F’Ġesù ta’ Nazaret, Alla ġie biex jitqabad mal-Mewt li hi l-ikbar għadu tal-Ħolqien.  Hu libes ġisem biex ikun jista’ jimbela’ mill-Mewt imma fil-mument meta kollox deher mitluf, Kristu sar il-velenu tal-Mewt rebbieħa u qatilha bil-Qawmien tiegħu.  Hu qam mill-mewt u ġie lura miċ-ċimiterju b’ġisem ta’ bniedem.  L-Aħbar hi li fi Kristu l-bniedem rebaħ il-Mewt għal dejjem. 

 

Imma kien hemm bżonn li l-bniedem jitħejja biex jilqa’ dan il-fatt storiku li kien se jseħħ.  Jidher Ġwanni l-Battista jitħabat biex iħejji l-art għaż-żerriegħa qaddisa li kellha tintefa’ fiha.  Il-qtajja marru jisimgħuh u twal kienu l-fili ta’ nies li ġew biex jinħaslu minn dnubiethom.  Imma kienu biss il-ftit dixxipli ta’ ġewwa ta’ Ġwanni, bħal Indri, Pietru, Ġwanni, Ġakbu li wara ssieħbu ma’ Ġesù. L-oħrajn, min telaq ’l hawn u min telaq ’l hemm.  Baqgħu sal-aħħar fidili dawn li kienu ma’ Ġwanni qabel deher Ġesù u xi ftit oħra.  L-oħrajn, il-kotra baqgħu fuq livell “reliġjuż”, kollhom ħeġġa u għajat sakemm kollox sejjer tajjeb, imma malli deher is-Salib u ħassew il-kesħa tad-dell tiegħu, kollha telqu, ħarbu ’l hemm.  Għalihom Kristu ma kienx il-Messija għax kien falla, spiċċa fix-xejn. Huma riedu mirakli u sinjali.  Kristu kien urihom dawn, imma meta rawH fuq is-Salib, kollox intesa.

 

Imma l-ftit li Ġwanni l-Battista kien ħejja kienu biżżejjed biex titwieled Knisja.  Aħna l-eredi, l-werrieta ta’ dawn in-nies ta’ Fidi.  Huma wkoll kellhom jitqabdu t-taqbida tal-Fidi meta s-Salib kien bħal id kiesħa tagħfas madwar qalbhom.  Dak li nbeda fl-għar imwarrab ta’ Betleħem, sploda fl-Istorja tal-bniedem nhar il-Pentekoste meta Ġerusalemm inqalbet ta’ taħt fuq minn grupp ta’ nies li fihom kienet seħħet xi ħaġa tal-għaġeb.  Huma ma għallmux lin-nies; ma pridkawx kif imdorrijin aħna nisimgħu il-priedki; ma kkoreġewx lin-nies dwar il-ħajja morali tagħhom... huma xandru fatt li kien ġara: dak il-bniedem li n-nies kienu qatlu bla ma kienu jafu x’inhuma jagħmlu, kien ġie lura mill-Mewt.  Minn dak in-nhar l-Istorja tal-bniedem ma baqgħetx l-istess.

 

Versett:  Hallelujah. Hejju t-triq tal-Mulej; wittu l-mogħdijiet tiegħu; u kull bniedem jara s-salvazzjoni ta’ Alla.  Halleluja.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  3, 1-6

 

Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta' Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka ta' l-artijiet ta' l-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta' Abileni,  fiż-żmien meta l-uffiċċju ta' qassis il-kbir kien f'idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert.  

 

U ġie fl-inħawi kollha ta' madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta' ndiema għall-maħfra tad-dnubiet,  kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta' Isaija:

 

     ‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

     Ħejju t-triq tal-Mulej,

     iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.

     Kull wied jimtela,

     kull muntanja u għolja titbaxxa,

     il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw,

     u t-triqat imħarbta jitwittew.

     U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta' Alla.'

Last Updated ( Saturday, 08 December 2018 )
 
< Prev   Next >