Sunday, 19 September 2021
           
Home
L-EWWEL HADD TAL-AVVENT (2019-20) IN-NISRANI HU DAK LI JGHARREX GHALL-MULEJ PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 30 November 2019

Din hija il- Liturgija ta' L-Ewwel Hadd ta' L-Avvent ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa

 noel.jpg

 

 

Il-Knisja llum tiftaħ sena ġdida liturġika, sena mimlija providenza ta’ Alla għall kull min jemmen; providenza fil-ġisem, imma ferm aktar fl-ispirtu tal-bniedem fejn iseħħu l-vera mirakli tiegħu. 

 

Sena ta’ Providenza

 

Providenza!  Kollox hu providenza ta’ Alla.  Santu Wistin jgħid: “Ħares madwarek (u ġo fik) u ara jekk hux kollox Grazzja.”  Alla hu l-ħin kollu ġeneruż magħna li aħna tant ingrati għax drajna ngħixu b’fommna ġox-xgħir tal-Grazzja.  Il-kelma “Grazzja” tfisser rigal mogħti b’xejn, bla ma hu mistħoqq, gratis. Min minna hu tant fariżew li jimmaġina li hu jistħoqq il-Grazzji li l-Providenza se tfawwarna bihom f’din is-sena li qegħda tibda?  Alla jipprovdi kemm lil dawk li huma qribU, ħbieb tiegħU, kif ukoll lil dawk li huma mbegħda, iebsa, kollhom feriti għax huma għedewwa tiegħU.  Hu jipprovdi, jipprovdi, jipprovdi, tant li “Providenza” saret isem ieħor li aħna nagħtu lil Alla.


 

 

Ħerqat għall-ikbar rigal ta’ Alla

 

Il-Mulej jogħxa jħares lejn bniedem li jistenna ħwejjeġ kbar mill-providenza tiegħU.  Din hi l-hena tan-Nisrani: li jistenna għeġubijiet mingħand Alla f’din is-sena li ġejja.  U l-ikbar providenza tiegħU huwa l-Ispirtu s-Santu!  Ruħ il-Qodos!  L-Ispirtu tal-Qdusija.  L-Ispirtu tal-Ħajja vera.  L-ikbar don, rigal ta’ Alla.  L-ikbar Grazzja.  Ħafna jaħsbu li l-ikbar Grazzja ta’ Alla hu li wieħed jirbaħ xi lotterija.  Xi nsult!  X’ingann!  Kemm inċekknu l-Ħajja; kemm ma nafux x’inhi l-Ħajja u fejn hu l-Ferħ.  L-Ispirtu s-Santu hu l-Imħabba vera li tfejjaq il-ġrieħi tagħna li ma jidhrux u li huma frott l-Istorja, frott it-trobbija, frott l-ambjent.  Dawn huma l-ġrieħi li rċivejna mid-dnub tagħna u mid-dnub ta’ ħaddieħor u qegħdin hemm, ma jistgħux  jagħlqu u jinxfu, u jagħmluna inkapaċi nħobbu lill-mara, lit-tfal, lil sħabna, hekk kif inhuma.

 

L-Ispirtu s-Santu, li hu l-Imħabba ta’ Alla għalina hekk kif aħna, huwa l-balzmu ta’ Alla fuq dawn il-ġrieħi nterni tagħna. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħmel il-vera politika għax jibdel qalb il-bniedem li jsir “ġdid”, jinsa l-bżonn li jkun egoista, u jinagħta għall-ieħor bħalma kull Nisrani għandu jinagħta.  Ħadd ma jista’ jagħmel xejn tajjeb mingħajr l-Ispirtu s-Santu li jsaħħanlu qalbu.  Kien jaf x’inhu jgħid Kristu meta qal: “Jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti Spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”  (Lq. 11, 13).

 

L-Ispirtu s-Santu: l-ikbar rigal

 

Li kieku tassew nafu, jien l-ewwel wieħed, fuqhiex qiegħed jitkellem il-Mulej hawn, kieku din hi l-Grazzja li nitolbu mingħandU l-ħin kollu.  Kemm talb mimli frugħa!  Min jirċievi l-Ispirtu s-Santu jkun irċieva kollox għax jagħraf li hu maħbub, u b’riżultat ta’ dan, iħobb hu wkoll.  Li wieħed jitlob dan l-Ispirtu ta’ għerf u qdusija hija t-talba waħdanija li għandha garanzija li tinstema’.  Issa, dan l-Ispirtu, li hu l-ikbar enerġija u saħħa fl-univers, kien miżmum bħalma l-ilmijiet ikun miżmuma minn diega enormi. 

 

Imma seħħ fatt storiku, ġrajja fl-Istorja tal-umanità: l-Inkarnazzjoni u l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Alla niżel jgħammar f’laħam bħal tagħna u bl-Ubbidjenza tiegħu sa fuq is-Salib, u bir-rebħa tiegħu fuq il-Mewt, kisser id-diega u l-ilmijiet fawru d-deżert li hemm f’qalb il-bniedem.  Din hija r-Rebħa l-Kbira tal-bniedem!  Mhux li niżel fuq il-qamar, jew ma nafx x’jivvinta.  Bi Kristu, dan l-Ispirtu hu disponibbli għal kull min jemmen u jixxennaq għalih fit-talb tiegħu.

 

Il-bniedem tal-Avvent: dejjem jistenna

 

U hekk titwieled fil-bniedem stennija meraviljuża.  In-Nisrani hu l-bniedem tal-Avvent, dejjem fi stennija, dejjem jgħarrex, dejjem f’tensjoni sana u li ssebbaħlu Ħajtu. Stennija għal dan l-Ispirtu ħelu li jikxiflu dejjem aktar il-Misteru ta’ Kristu f’Ħajtu. 

 

Kull bniedem jistenna xi ħaġa.  Min ma jistenna xejn hu mejjet.  L-istennija hi dik li tifred lill-bniedem mill-annimal.  L-annimal iħobb biss ir-rutina li tagħtih l-ikel.  Il-bniedem għandu fih stennija għall-ferħ, għall-imħabba, għall-ħelsien ikbar, għall-eternità!  Ma nċekknux din l-istennija għall-ħmerijiet li jgħaddu.  Il-Kelma li hi Kristu tgħid: “Fittxu l-ewwel is-Saltna ta’ Alla u kollox jinagħtalkom ukoll.”  (Mt. 6, 33).  Dan hu li jagħmel lill-bniedem tassew “bniedem”, xbieha ta’ Alla nnifsu! 

 

L-istennija

 

L-Avvent hu ż-żmien li fih nidħlu f’iktar intensità f’din l-istennija għall-ħwejjeġ glorjużi ta’ Alla.  L-istennija tagħti kulur lill-Ħajja.  L-istennija tal-omm li tistenna t-twelid riesaq tal-ewwel tarbija tagħha.  L-istennija ta’ żewġ għarajjes għal jum it-tieġ u l-bidu ta’ Ħajja ġdida flimkien.  L-istennija ta’ emigrant li tbiegħed minn pajjiżu minħabba x-xogħol u issa ġej lura.  Ħajjitna hija stennija wara stennija.  Imma kollox jgħaddi.  Waħda biss hi l-istennija li tibqa’ għal dejjem, li tagħmel lill-bniedem etern: l-istennija għal Kristu u għall-Ispirtu tiegħu.

 

IL-miġjiet tal-Mulej

 

Din il-miġja tal-Mulej hi waħda personali, fil-Ħajja tal-individwu.  Kristu hu Ħaj.  Mhux xi ħadd li naqraw fuqU jew nistudjawH, jew inpinġuH biss.  Kristu jgħaddi mill-Ħajja ta’ kull wieħed fl-Istorja ta’ kull wieħed minna.  L-Istorja tagħna hi qaddisa għax hi xogħol Alla, anke jekk aħna nirreżistuh u ntaqqlulu u ntawlulu xogħolu kemm nifilħu.  L-umli jinfetaħ għall-miġja ta’ Kristu, u hieni hu.  Bħal namrat fuq tiegħu, il-Mulej jgħarrex biex jara minn fejn se jiftaħ u jidħol għandna, anke jekk aħna nimbarrawlu l-bibien u t-twieqi ta’ ruħna.

 

Kemm kbira hi x-xorti tan-Nisrani veru!  Kemm għandu jkun grat.  Hu magħżul biex jagħraf lil Kristu għax jiltaqa’ miegħu f’laqgħa ħajja.  Qabel ikun sema’ ħafna fuqu, imma jiġi żmien meta hu jkun jista’ jgħid: “Jien issa nafu lill-Maħbub ta’ qalbi, għax rajtu u ltqajt miegħU!”  Kif jista’ jkun dan?  Kif jista’ jkun li jien jew int niltaqgħu ma’ Kristu meta għadna hawn?  Jiġi mument meta int tkun ċert li Kristu ġie.  Mument li jibqa’ Memorjal għal dejjem f’Ħajtek u tiftakru fuq is-sodda tal-Mewt meta l-għadu jiġi biex jassedjak bid-dubji.  Jiġi mument meta l-Misteru jiċċara, id-dubji jgħibu, u int tħossok maħbub minn Alla hekk kif int... imma inti ma tibqax hekk kif int  għax issa tkun trid ħaġa waħda biss: li tagħmel ir-rieda ta’ Dak li ħabbek tant anke meta int kont għadu tiegħU.

 

Kemm jgħodd il-kliem tal-Papa San Iljun il-Kbir: “Agħraf, o Nisrani, x’dinjità għandu għerfek, ara għal liema stħarriġ inti mistieden, ifhem għal liema premju inti msejjaħ.”

 

Imma dan iż-żmien ikellimna anke fuq żewġ miġjiet oħra: dik li ġrat elfejn sena ilu, li nikkontemplawha meta nħarsu lejn il-presepju.  U l-oħra li nsejħulha il-Parusija tal-Mulej li fuqha jitkellem il-Vanġelu tal-lum, meta l-Mulej jiġi biex jieħu miegħu lil dawk li kienu fidili miegħu.

 

Il-Liturġija tal-Qari tal-lum:

 

Qari I

Il-Mulej jiġma’ l-ġnus kollha fis-sliem tas-saltna ta’ dejjem.

Is 2, 1-5

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Il-kelma li ġiet f’dehra lil Isaija bin Amos,

dwar Ġuda u Ġerusalemm.

Għad jiġri fl-aħħar jiem

li l-għolja tad-dar tal-Mulej

togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji,

u tintrefa’ ’l fuq mill-għoljiet,

lejha għad jiġru l-ġnus kollha.

Kotra ta’ popli għad jiġu u jgħidu:

“Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej,

lejn id-dar ta’ Alla ta’ Ġakobb,

biex jgħallimna triqatu,

u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu”.

 

Għax minn Sijon joħroġ it-tagħlim,

u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalemm.

Il-Mulej jagħmel il-ħaqq bejn il-ġnus,

u jaqta’ s-sentenza bejn ħafna popli;

u huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet,

u l-lanez tagħhom fi mnieġel.

Ebda ġens ma jerfa’ x-xabla kontra ġens ieħor,

u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.

 

Ejja, dar Ġakobb,

ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 121 (122), 1-2.4-5.6-7. 8-9

 

R/. (ara 1): Immorru ferħana f’dar il-Mulej!

 

Fraħt meta qaluli:

“Sejrin f’dar il-Mulej!”.

Diġa’ qegħdin riġlejna

fi bwiebek, Ġerusalemm! R/.

 

Lejha t-tribujiet jitilgħu,

it-tribujiet tal-Mulej,

biex, skond il-liġi ta’ Iżrael,

ifaħħru isem il-Mulej.

Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq,

it-tronijiet tad-dar ta’ David. R/.

 

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm:

Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!

Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek,

u l-ġid fil-palazzi tiegħek! R/.

 

Minħabba ħuti u ħbiebi,

ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”.

Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna,

nixtieq illi jkollok il-ġid. R/.

 

Qari II

Is-salvazzjoni tagħna fil-qrib.

Rum 13, 11-14a

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta bdejna nemmnu. Il-lejl għoddu għadda, u qorob il-jum.

 

Inwarrbu mela l-għemil tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl. Ngħixu kif jixraq, bħal f’binhar; mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żìna u t-tbahrid, mhux bil-ġlied u l-għira. Imma ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ħallukom mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 84 (85), 8

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,

u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ishru biex tkunu lesti.

Mt 24, 37-44

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewġu u jżewġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Imbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla.

 

Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 

 
< Prev   Next >