Din
hija il- Liturgija tal-Hadd fuq l-ewwel ta' Jannar (2020) Kristu muri lid-dinja bhala s-Salvatur (L-Epifanija) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Epifanija
hi kelma Griega li tfisser “Wirja”.
Ħafna drabi kienet tintuża għal meta xi sultan kbir, jew imperatur kien
jgħaddi minn xi belt biex juri ruħu lilha, jagħmel manifestazzjoni, Epifanija
tiegħu nnifsu. Il-belt kienet toħroġ bi
ħġara, sa lill-morda kienu joħorġu, biex almenu darba f’ħajjithom jaraw
lis-sultan, jew lill-imperatur, fi żmien meta ma kellhomx l-għerf teknoloġiku
li għandna llum.
Termini
Griegi
Fi
żmien it-twelid tal-Knisja, il-kultura Griega, flimkien ma’ dik Latina, kienet
tiddomina parti kbira mid-dinja magħrufa f’dak iż-żmien. Influwenzat ħafna lill-Knisja żagħżugħa, tant
li l-biċċa l-kbira tal-Kotba Qaddisa l-Knisja kitbithom bil-Grieg, l-ewwel, u
bla ma ridna, fil-lingwaġġ tal-Knisja daħal ħafna kliem Grieg, bħal Eukaristia
(radd il-ħajr), koinonija (għaqda), agapè (imħabba), Christos
(Messija/il-Midluk), Leitourġia (qima pubblika lil Alla), Euangelion (Bxara
Tajba), Ecclesia (li minnha ġejja l-kelma tagħna “Knisja”), u ħafna termini oħra.
Festa
antika ħafna
Il-kelma
Epifanija kienet ħafna popolari fl-ambjent Nisrani, speċjalment wara l-ħelsien
mogħti lill-Knisja mill-Imperatur Kostantinu.
Meta l-Knisja għaddiet imsaħħa mill-flaġell tal-persekuzzjonijiet,
bil-kuraġġ kollu bdiet turi lid-dinja li l-fatti kienu qed juru li l-bniedem
Ħellies wieħed għandu, u dan kien Ġesù ta’ Nazaret. Bdiet tagħmel Epifanija, Wirja ta’ Kristu,
il-Messija mistenni, il-Midluk mibgħut mill-Missier biex isalva lill-bniedem
dgħajjef u mjassar. Malajr, malajr,
l-Epifanija saret festa mportanti, anke qabel il-Milied, u biha l-Knisja kienet
turi, permezz ta’ tliet ġrajjiet, li tama waħda kien hemm għall-bniedem: li
jiskopri s-Salvatur.
Tliet
Wirjiet f’Epifanija waħda
Dawn
it-tliet ġrajjiet li huma Epifanija, huma l-iskoperta mill-Maġi tat-tarbija misterjuża
f’Betlehem tal-Lhudija u hekk il-Knisja ndunat li Kristu ġie għal kulħadd u
mhux għall-ġens Lhudi biss; il-Magħmudija tal-Mulej minn Ġwanni, meta l-Missier
innifsu, flimkien mal-Ispirtu s-Santu taw xhieda li dan il-bniedem li niżel
tant fil-baxx ma kienx ħlief l-Iben ta’ Alla, indaqs miegħu f’għaqda intima li
nsejħulha t-Trinità Qaddisa; u t-Tieġ ta’ Kana, meta Kristu bexxaq tieqa fuq
il-Misteru kbir tiegħu fl-ewwel miraklu meta l-ilma nbidel fi nbid, sinjifikat
enormi għall-Missjoni tiegħu li jibdel l-ilma bla togħma li ħafna drabi hi
Ħajjitna, f’inbid ta’ festa li hi l-Ħajja tal-Fidi.
Bxara
Tajba
Imma
biex wieħed jifhem il-glorja tal-Epifanija u jrodd ħajr minn qiegħ qalbu
għall-Grazzja enormi li f’Ħajtu ġie muri Kristu bħala Salvatur, l-ewwel irid
jifhem, jiskopri, jinduna f’liema jasar jinsab jgħix, jew kien jgħix qabel ma
dar lejn Kristu. Huwa l-ilsir biss li
jdur lejn Kristu biex jixtrih mill-jasar bil-prezz ta’ Demmu. U hawn niġu wiċċ imb’ wiċċ, bħal dejjem,
mal-Misteru tal-Kerigma. Hawn min jisma’
l-Aħbar it-Tajba li l-Epifanija tħabbar, u qisu ma sema’ xejn. Imma jkun hemm min, bid-Dawl tal-Ispirtu
s-Santu, jisma’ li Kristu hu l-Waħdieni li miet għalih, li kellu bżonn li Xi
Ħadd importanti jmut għalih, li biex jinħeles kellu jitħallas prezz għoli
mmens, u dan il-bniedem jemmen, jiddawwal fuq l-Istorja kollha tiegħu, jara li
kollox ġara f’Ħajtu bis-sens, li kollox kien qed jaħdem biex iwasslu lejn dan
l-għarfien spettakolari tal-Ħelsien tiegħu minn Kristu.
Bniedem
aljenat
Hu
mportanti nkunu nafu xi jfisser meta ngħidu li l-bniedem hu mjassar, għax hawn
ħafna, illum iktar minn qatt qabel, li ma jemmnux li l-bniedem għandu bżonn min
isalvaħ, għax il-bniedem, bl-għerf tiegħu, sar qisu xi alla, u jemmnu li,
bil-mod il-mod, għad isolvi l-problemi kollha li għandu. Temmnu li jeżistu dawn in-nies li jemmnu li
l-bnedem għandu din is-setgħa kollha?
Fil-punent nistgħu ngħidu li dawn huma fil-maġġoranza llum għax iġġennu
bl-avanzi kbar li l-bniedem wettaq fl-oqsma tat-teknoloġija, tal-mediċina, tal-psikoloġija
eċċ.
Liema
problema; liema jasar?
Dan
kollu jagħmel mill-bniedem ħlejqa aljenata.
Il-problema vera tal-bniedem hu li hu jrid imut. Il-Mewt dehret fit-tielet kapitlu tal-ewwel
ktieb tal-Bibbja, u minn hemm ’il quddiem timmarka kull paġna
tar-Rivelazzjoni. L-unika soluzzjoni li
sab fit-taqtigħa tiegħu kontra dan il-mostru hu li jinsiha, jaljena ruħu
minnha, jisker u jiddroga ruħu b’ħafna ħwejjeġ li jogħġbuh, imma hi hemm
tibqa’, fid-dell, tistenna. Dan
jagħmel minna lkoll dgħajfa.
Il-bniedem
irid, imma ma jistax
Ftit
ħafna huma n-nies li għandhom intern tassew ħażin, li huma tant mill-agħar li
ħsiebhom biss kif se joħolqu problemi għal ħaddieħor. Ġeneralment, il-bniedem għandu intenzjoni
tajba u jixtieq iħobb u jagħmel il-ġid u jaf, b’xi mod, li meta hu maħbub u
jħobb lura li jkun tassew Ħaj, kuntent u fis-sliem.
Imma
l-bniedem huwa ferut. Għandu natura li
wiret li hi egoista. Bla ma jrid, kull
bniedem jaħseb fih innifsu l-ewwel u qabel kollox. Hu veru li jiġu ħafna mumenti meta ninsew
lilna nfusna għal dawk li nħobbu għax iħobbuna.
Imma m’aħniex kapaċi nħobbu dejjem, inħobbu lil min jonqosna, lil min
jheddidna, lil min flok jibnina, jkissirna.
M’aħniex kapaċi nħobbu lil min joqtolna b’xi mod jew ieħor, lil min
imiss l-“Ego” tagħna, lil min jagħfas b’sebgħu fuq xi ferita moħbija. Huwa minn hawn li jinbtu d-dnubiet
kollha. Aħna egoisti għax hemm il-biża’
tal-Mewt jgħammar fina, kif tgħid l-Ittra lil-Lhud.
Min
se jsalva lill-bniedem?
Huwa
hawn li l-bniedem, f’ċerti waqtiet ta’ kriżi, li huma waqtiet importanti ħafna,
iħares lejn is-sema u quddiem il-fallimenti tiegħu, quddiem il-verità fuqu
nnifsu li ddardru, jgħajjat għall-għajnuna, jgħajjat għall-ħelsien, jgħajjat
għall-Fidwa. L-ebda teknoloġija ma
twieġeb għal dan; l-ebda mediċina magħmula mill-ħxejjex; l-ebda parir; l-ebda
proponiment. Il-bniedem iħossu marbut
bla ma jista’ jagħmel li jrid. San Pawl kien bniedem meħlus, imma hu
jitkellem b’fomm il-bniedem għadu lsir meta jgħid: “Ma nafx x’jien nagħmel; naf li mhux dak li rrid nagħmel iżda dak li ma
rridx... Ir-rieda tajba qiegħda hemm fija, imma li nagħmel it-tajjeb mhux
hemm. M’inix nagħmel it-tajjeb li rrid
imma l-ħażin li ma rridx.” (Rum. 7,
15w).
Kemm
nies ilhom għaxriet ta’ snin miġġielda ma’ ħuthom jew qrabathom minħabba
l-wirt. Huma jixtiequ kieku jirranġaw;
jafu li qed jaħlu flushom u ħinhom u fuq kollox is-sliem tagħhom. Imma jridu u ma jistgħux. L-“Ego” tagħhom, is-suppervja tagħhom ma
tħallihomx. Min se jagħmel l-ewwel
pass? Jispiċċaw ma jagħmlu ħadd... Qed idaħħqu n-nies bihom, imma jkomplu
jitqabdu kontra kull raġuni. Dan iseħħ
ukoll fuq livell internazzjonali, bejn il-ġnus!
Pawlu
jkompli: “Skont il-liġi ta’ ġewwa
togħġobni l-liġi ta’ Alla; iżda nilmaħ fil-membri ta’ ġismi liġi oħra titqabad
kontra l-liġi ta’ moħħi u tjassarni taħt il-liġi tad-dnub li hemm ġo
ġismi. Imsejken bniedem li jien! Min se jeħlisni minn dan il-ġisem
tal-mewt?” (Rum. 7, 22-24).
Epifanija
= Kristu biss isalva
Aħħħ! Ekku!
Sa fl-aħħar, il-bniedem, imġarrab mid-dgħufija tiegħu jasal biex
jistaqsi min se jeħilsu. Dan hu mument
importanti. Din hi Grazzja li sa
fl-aħħar il-bniedem jinża mis-suppervja u l-pulikarja tiegħu u jemmen li għandu
bżonn l-għajnuna ta’ Xi Ħadd aqwa mill-bnedmin bħalu! U kollu ferħan, Pawlu jagħmel Epifanija minn
Kristu: “Niżżi ħajr lil Alla, permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna!” (Rum. 7, 25).
Il-Knisja
tagħmel Epifanija ta’ Kristu mhux ħmistax wara l-Milied biss imma s-sena kollha
u tul is-sekli li ilha teżisti. Hi
turi lil Ġesù bħala l-Waħdieni li kapaċi jagħti natura ġdida lilek. Ġesù hu l-Waħdieni li miet għalik! Ġesù hu l-Waħdieni li rebaħ lill-Mewt,
l-għerq tal-problemi kollha. Mhux li
kien li ninagħtaw il-Fidi, iċ-ċertezza, il-garanzija soda fil-profond tagħna,
li l-Mewt tassew li m’għadhiex teżisti għax fdiena minnha Alla nnifsu meta Hu
daħal fiha meta hi belegħtu, imma sar għaliha l-velenu li qeridha.
Huwa
l-Ispirtu s-Santu li jrid jaċċertana minn dan. Imma meta jaċċertana l-Ispirtu s-Santu,
sseħħ ħaġa tal-għaġeb: nitwieldu mill-ġdid, insiru ħolqien ġdid, qalbna mfejqa ssir Ħuġġieġa ta’ Mħabba
saħansitra għal min kien għadu tagħna, imma issa m’għadx baqagħlu l-ħila
joqtolna iktar għax il-Ħajja Ġdid li nirċievu mill-Fidi fl-Iben ta’ Alla ma
jista’ jeħodhielek ħadd u ħadd! Int
m’għadikx aktar egoista u issa m’għandek xejn x’titlef għax l-għana veru
tiegħek hu dak li wettaq Kristu fik.
Din
hi l-Epifanija! Din hi l-Epifanija li
għandna bżonn! Ara, hemm Kewkba sabiħa fis-sema, fid-dlam tas-sema... Fejn se teħodna, Kewkba sabiħa? Ħudna għand dak li Hu biss kapaċi jfejjaqna
minn ġewwa. Għand dak li Hu biss kapaċi
jagħmilna “ġodda”.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Is-sebħ tal-Mulej jiddi fuqek.
Is 60, 1-6
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Qum! Ħa jiddi wiċċek!
Id-dawl tiegħek wasal!
Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!
Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed
il-popli:
iżda fuqek jiddi l-Mulej, u s-sebħ tiegħu jfiġġ
fuqek.
Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,
u s-slaten fid-dija tas-sebħ tiegħek.
Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara:
ilkoll miġbura ġejjin għandek.
Uliedek ġejjin mill-bogħod,
u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.
Imbagħad tħares u wiċċek jiddi,
u tħabbat u timtela qalbek,
għax fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid tal-ibħra,
u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.
Imrieħel ta’ iġmla għad jgħattuk,
l-iġmla żgħar ta’ Midjan u Għefa;
ilkoll minn Seba jiġu, mgħobbija bid-deheb u
l-inċens,
u jxandru t-tifħir tal-Mulej.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 71 (72), 1-2.7-8.10-11,12-13
R/. (ara 11): Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk
qima, Mulej
O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,
il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,
biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,
u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. R/.
Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,
u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.
Isaltan minn baħar sa baħar,
u mix-xmara sa truf l-art. R/.
Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh
ir-rigali,
is-slaten ta’ Seba u ta’ Saba għotjiet iġibulu.
Iqimuh is-slaten kollha,
il-ġnus kollha lilu jaqdu. R/.
Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,
u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.
Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;
il-ħajja tal-fqajrin isalva. R/.
Qari II
Issa ġie rrivelat li l-pagani huma msejħa biex
ikollhom sehem mill-istess wegħda.
Ef 3, 2-3a. 5-6
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla
tani għall-ġid tagħkom, jiġifieri, li permezz ta’ rivelazzjoni għarrafni
l-misteru. Dan hu l-misteru li fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx
mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa ġie rrivelat lill-appostli qaddisa tiegħu u
lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri, li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem
mill-istess wirt, ikunu membri tal-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess
wegħda, fi Kristu Ġesù permezz tal-Evanġelju.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 2, 2
Hallelujah. R/. Hallelujah
Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa mil-Lvant,
u ġejna nqimu l-Mulej.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġejna mil-Lvant nagħtu qima lis-Sultan.
Mt 2, 1-12
Qari
mill-Evanġelju skont San Mattew
Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi
żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax
rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u
tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u
l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled
il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb
mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost
il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi
Iżrael”.
Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u
tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba;
bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh
ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.
Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara,
il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet
fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir
tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu
fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra.
Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi,
telqu lura lejn arthom minn triq oħra.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|