Din
hija il- Liturgija tat-tieni Hadd ta' matul is-sena (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa.
X’ħin tikkunsidra kemm jidher li hu
nfinit l-univers; kemm hi setagħna u b’saħħitha n-natura, kemm taf tkun
selvaġġa fit-terremoti, vulkani li jiżbruffaw, rwiefen u maltempati li jeqirdu
kollox quddiemhom; x’ħin tħares lejn l-istorja tal-bniedem, mimlija ġlied,
piki, qtil, mibegħda u armamenti ta’ ġens kontra ġens; abbuż totali
tal-ambjent; trid iġġebbed moħħok biex timmaġina li ċ-ċentru ta’ kulma ħalaq
Alla huwa l-Ħaruf mans, innoċenti, li jieħu fuqu din il-qerda kollha biex
jitgħabba Hu bil-konsegwenzi tat-taħsir li daħal fil-ħolqien. Anzi kollox inħalaq biex jitħassar imma jsib
Salvazzjoni dejjiema fil-Ħaruf. Din hija
l-politika ta’ Alla: li l-umiltà, id-dgħufija, l-innoċenza, il-faqar
fl-ispirtu, il-ħlewwa... fuq kollox l-Imħabba jintwerew bħala qawwiet aqwa
mill-guffaġni u l-vjolenza tad-“Dnub”.
Bniedem maħluq
mill-Imħabba
Alla kien jaf minn qabel dak kollu
li se jiġri... minn qabel ma kiser il-baħħ u mela kollox bil-ħolqien. Kulma għamel, għamlu għax iħobb. Hija l-Imħabba li ħalqet kollox, u
lill-bniedem, xbieha tiegħu, Alla ma setax ma jagħmlux ħieles fl-għażliet
tiegħu. Allura Alla, li hu l-Blata
eterna tas-sigurtà, ma setax jaħrab milli jsawwar kollox prekarju. Il-prekarjetà timmarka kollox, għax kollox
jiddependi mill-għazliet tal-bniedem.
Lill-bniedem, l-Imħabba setgħet ħalqitu “robot”, ipprogrammat biex
jagħmel it-“tajjeb” biss, ir-Rieda ta’ Alla biss, imma din kienet tkun vjolenza
fuq il-ħolqien u l-bniedem ma kien ikun xbieha ta’ Alla xejn għax Alla mhux
magna u lanqas l-Imħabba mhi “robot”.
L-Imħabba ma jista’ jisfurzaha ħadd għax hi kwistjoni “tal-qalb”.
L-Imħabba ħalqet lill-bniedem kapaċi
jaħseb ħażin fiha, u dan hu li l-bniedem għamel. Dak kollu li ħaseb Alla minn
qabel, seħħ. Il-bniedem, bid-dubju
fis-subkonxju tiegħu dwar min ħalqu, inqata’ mill-Ħajja, li hi l-Imħabba, li hi
Alla... u miet. U l-Imħabba sofriet l-ewwel
Passjoni tagħha. Imma dan kollu kien
ix-xenarju maħsub minn qabel biex isseħħ Epifanija glorjuża, Manifestazzjoni
ta’ min hu Alla. Alla hu Mħabba li
tinagħta sal-Mewt għall-għadu!
Inkarnazzjoni fil-qalba
tad-“Dnub”
Kollox ġie maħluq bil-ħsieb li
l-Istorja timxi lejn il-punt li jidher il-Ħaruf ta’ Alla. Kollox ġie msawwar minn Kristu, bi Kristu u
għal Kristu. L-Istorja kollha, politika,
ekonomika, soċjali, militari u l-kumplament, juru u jwasslu għal Kristu,
il-Ħaruf li jmut biex il-ħolqien jgħix għal dejjem! Din l-Epifanija tal-Imħabba ta’ Alla, ta’ min
hu Alla, ma setgħetx isseħħ f’ambjent perfett, f’ambjent ta’ Qdusija, imma
fil-qalba tad-“Dnub”, fil-qalba tal-egoiżmu, tat-taħsir, taċ-ċaħda ta’
Alla. Il-Ħaruf tnissel f’ġuf ta’ xebba
mdawwar bil-mibegħda ta’ bniedem li ma emminx li hu maħbub u għalhekk inbidel
f’annimal feroċi. Mhix sorpriża li
l-ewwel merħba li dan il-Ħaruf tas-sagrifiċċju rċieva kien bieb magħluq għalih
fil-lukandi, u d-dagħdiha tal-poter politiku li biċċer saħansitra lit-tfal
tat-twelid. X’għerf artistiku
fil-Knejjes tal-lvant li jpinġu l-maxtura ta’ Betlehem f’forma ta’ qabar!
Xi ħtija hienja!
M’hemmx Imħabba vera li ma
tbatix. Għalhekk li Kristu huwa l-Iljun
li jirbaħ imma li sar Ħaruf biex ibati, għax ġie meħud għall-qatla mill-Istorja
tal-bniedem, u bir-rieda sħiħa tal-Missier, biex jinbela’ mill-Mewt u jsir
għaliha l-velenu tal-qerda tagħha. Din
il-meravilja ta’ Salvazzjoni ma kinitx isseħħ li kieku ma deherx
id-“Dnub”. Il-Knisja dan minn dejjem
għarfitu tant li fil-Lejl tal-Għid tkanta “Xi
ħtija hienja li stħaqqilha Feddej kbir bħal dan! Xi ħtija hienja!” (Exultet). Hu għalhekk li lanqas id-“Dnub” ma jista’
jifred lill-bniedem minn Alla. Hu
għalhekk li l-Imħabba hi akbar mid-“Dnub”, mill-mibegħda, mill-vjolenza. Hu għalhekk li, fi Kristu, il-bniedem huwa
etern, jien u int aħna maħluqa biex ngħixu għal dejjem. Kontrina hemm it-taħsir u d-“Dnub”, imma
favur tagħna hemm xi ħaġa aqwa: l-Imħabba li hi Alla, u li ma tistax tmut. Hu għalhekk li l-Knisja tkanta ferħana li
d-“Dnub” ġie mdawwar fi Grazzja għax huwa x-xenarju li ġab lil Alla jgħammar
fostna!
Dan ma jfissirx li l-bniedem għandu
jidneb biex iġarrab iktar il-Ħniena ta’ Alla!
Id-“Dnub” joqtol! Jista’
jkun li lanqas biss nafu x’inhi l-Ħajja, u din li għandna hi biss eżistenza
fiżika. Jista’ jkun li qatt ma għexna
tassew għax dejjem dnibna. Drajna
fid-“Dnub”! Alla jibki fuqna għax Hu
waħdu jaf x’qegħdin nitilfu. Tant hu
kbir il-madmad li drajna nġorru li għal Alla kien vallapena li jitlaq
lill-Ħaruf innoċenti fi tbatija orribbli, biex jieħu fuqU l-qrusa tal-eżistenza
tagħna. Din kienet id-dippressjoni
tal-Ġetsemani. Kristu ħareġ minn hemm
imsaħħaħ għat-tbatija li kien jaf li ġejja fuqU għax fit-Talb tiegħu “ra” ċar
liema hi l-qagħda tal-bniedem.
Mhux int li ssalva lilek
innifsek!
Il-Ħaruf li jbati għall-għadu huwa
ċ-ċentru tat-Teoloġija Nisranija. Fuq
jekk nemmnux f’dan se nkunu ġġudikati. Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma
d-dinja ma għarfitux. Ġie f’daru, u
niesu ma laqgħuhx.” (Ġw. 1, 10-11). Huma dawk li jilqgħu u jemmnu fil-Misteru
tal-Ħaruf li jsiru wlied Alla, li jitwieldu mill-ġdid minn Alla u mhux
mill-ġenituri fiżiċi tagħhom. Mhux int li ssalva lilek innifsek, imma huma
l-Merti ta’ Kristu li jsalvawk.
Imma int tista’ twaqqa’ dankollu
għaċ-ċajt billi tgħid: “Mhux hekk!
Toqgħod tistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqek!” Noqogħdu attenti, għax din li
nemmnu iktar fil-merti tagħna milli f’dawk ta’ Kristu ġġib fix-xejn is-Salib
tiegħU. Il-Fariżej emmnu dan u qatlu lil
Alla meta deher quddiemhom. “Il-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie
fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom
kien ħażin.” (Ġw. 3, 19). U d-Dawl huwa l-Opra li wettaq il-Ħaruf li
ġie meħud għall-qatla, il-Misteru tal-Għid.
Imma ħafna jippreferu jserrħu moħħhom bl-opri tal-Liġi li jwettqu huma
milli jistrieħu fuq il-Fidi f’dak li għamel Kristu għalina, il-Ħaruf maqtul
imma rebbieħ fuq il-Mewt.
L-Iskrittura kollha turi
l-Ħaruf
Is-sistema tas-sagrifiċċji kollha
tat-Testment il-Qadim, li aħna nsibuha tant stramba, tant maqtugħa mill-kultura
tagħna, tant diffiċli biex nifhmuha, ġiet imfassla minn Alla nnifsu biex tħejji
t-triq għall-Opra tremenda tal-Messija.
Il-Liturġija tat-Testment il-Qadim wettaqha Kristu f’persuntu, f’laħmu.
Dwar dan, il-Kelma tgħid: Hu daħal darba
għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u tal-għoġġiela
imma bis-saħħa ta’ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem. (Lhud 9,
12).
Iżrael żgur li ma fehemx l-għaliex
Alla ordnalhom joqtlu l-Ħaruf fl-Eġittu u b’Demmu jċappsu l-ġnub u l-blatiet
ta’ bwiebhom hawn il-Lejl tal-ħelsien tagħhom.
Minn obda mingħajr ma fehem ra l-Anġlu tal-Qerda jibża’ mid-demm
“qaddis” u l-flaġell qabeż lil daru. Min
jemmen fid-Demm ta’ Kristu mxerred għalih fuq is-Salib, dan ma jmut qatt! Jekk int temmen li Kristu qered il-Mewt,
il-Mewt tibża’ minnek mhux il-kontrarju!
Ara kif il-Ħaruf meħud għall-qatla, imħabbar b’mod tal-għaġeb minn
Isaija (ara Is. 42 1-4; 49, 1-6;
50, 4-7; 52, 13 – 53, 12)
jsir Iljun għax Hu jagħti l-Ispirtu rebbieħ fuq il-Mewt lil min jemmen
fil-Merti li rebaħ għalina.
Imma dan mhux ‘trick’ psikoloġiku
biex nersqu lejn il-Mewt b’inqas biża’. Dan l-Ispirtu, meta hu awtentiku,
jidher mill-fatti. In-nies lill-fatti
temmen. Id-Diskors tal-Muntanja,
l-ebda ‘brain-washing’ ma jġagħlek twettqu!
Id-Diskors tal-Muntanja huwa l-vera Morali Nisranija, iktar profonda
mill-Għaxar Kmandamenti ta’ Mosè. Min
għandu l-Ispirtu rebbieħ fuq dak kollu li joqtolna, dan biss jista’ jixbaħ
lir-ritratt tan-Nisrani li jofrilna Ġesù fid-Diskors imsemmi.
It-tnebbih ta’ Ġwanni
l-Għammiedi
San Ġwann Battista kien l-aħħar
profeta, imma kien il-Bieb tat-tiġdid ta’ kollox fi Kristu. Kien hu l-ewwel li mdawwal mill-Ispirtu
s-Santu “ra” (xi Grazzja!) il-Pjan ta’
Alla għall-bniedem, għalija u għalik!
Minn fommu, l-ħolqien sema’ għall-ewwel darba l-Kelmiet li regħdu
l-infern: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla li
jneħħi d-dnub tad-dinja.” (Ġw. 1,
29). Mela m’għadux il-bniedem li
jneħħi d-dnub tiegħu, li jixtri l-Ġenna bl-għemejjel imsejkna tiegħu, imma l-ħtija titneħħa bi Grazzja,
l-ilsier jinħeles għax Ħaddieħor ħallas għalih.
“Kollox hu Grazzja!” għajjat Santu Wistin. Is-Sorpriża, li tagħmel l-Aħbar Nisranija
għal kollox differenti mill-idejat kollha umani, hija li fiċ-ċentru m’hemmx
iktar Alla magħmul xbiha tal-bniedem u li hu “mħallef” bħall-imħallfin tagħna,
iżda l-“Alla-Ħaruf” li jħallas Hu l-prezz tad-dnub.
Hija din l-iskoperta ta’ x’inhi
tassew l-Imħabba vera li tbiddel qalb il-bniedem. bħalma jgħid is-Salm tal-lum: “Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u
offerti; imma widnejja inti ftaħtli; ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u
tat-tpattija. Imbagħad jien għidt: ‘Hawn
jien ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek’.
(S. 40, 7w).
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum:
Qari I
Jiena nagħmel minnek dawl għall-ġnus.
Is 49, 3.5-6
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Il-Mulej qalli:
“Iżrael, inti l-qaddej tiegħi,
bik jiena nkun imfaħħar”.
Issa tkellem il-Mulej,
li minn ġuf ommi għamilni qaddej tiegħu,
biex għandu nraġġa’ lura lil Ġakobb,
u biex Iżrael jinġabar miegħu mill-ġdid
– għax jien kont imfaħħar f’għajnejn il-Mulej,
u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi –
u Hu qalli:
“Tkun ħaġa żgħira wisq għalik,
li inti tkun il-qaddej tiegħi,
biex tqajjem it-tribù ta’ Ġakobb,
u traġġa’ lura l-fdal ta’ Iżrael.
Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus,
biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art
tinfirex”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 39 (40), 2.4ab.7-8a.8b-9.10
R/. (8a.9a): Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel
ir-rieda tiegħek
Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;
hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.
Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,
għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna. R/.
Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u b’offerti;
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.
Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej”. R/.
“Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi
li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, dan jogħġobni;
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”. R/.
Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
xufftejja ma żammejthomx magħluqa.
Mulej, dan inti tafu. R/.
Qari II
Grazzja lilkom u sliem minn Alla Missierna u
Sidna Ġesù Kristu.
1 Kor 1, 1-3
Bidu tal-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Pawlu, li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu
ta’ Kristu Ġesù, u Sòsteni ħuna, lill-knisja ta’ Alla li qiegħda f’Korintu; lil
dawk li tqaddsu fi Kristu Ġesù, imsejħa biex ikunu qaddisin flimkien ma’ dawk
kollha li f’kull pajjiż isejħu l-isem ta’ Ġesù Kristu, is-Sid tagħhom u tagħna;
grazzja u sliem mingħand Alla missierna u l-Mulej Ġesù Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 1, 14a.12a
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-Verb sar bniedem u għammar fostna,
u lil dawk li laqgħuh
tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Hawn hu l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnubiet
tad-dinja.
Ġw 1, 29-34
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġwanni, ra lil Ġesù riesaq lejh,
u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih
għedtilkom: “Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli”. Anqas jien
stess ma kont nafu, imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun
mgħarraf lil Iżrael”.
U Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt
l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Tabilħaqq, anqas jien ma
kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli: “Fuq min tara
l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu”. Dan rajtu
b’għajnejja, u għalhekk xhedt, dan hu l-Iben ta’ Alla”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|