Din
hija il- Liturgija tal-Hames Hadd ta' matul is-sena (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Fuq mitejn sena ilu seħħet
ir-Rivoluzzjoni Franċiża li kienet frott moviment filosofiku msejjaħ
“l-Illuminiżmu”. Din il-filosofija, li
kellha l-bejta tagħha fi Franza, ippruvat tkun soluzzjoni għall-qagħda inġusta
tas-soċjetà li kienet tbegħdet minn Alla u mill-imħabba tal-proxxmu. Imma dan
il-moviment kien għal kollox kontra Alla u kontra l-ispirtu tal-Vanġelu u
welled politika vjolenti f’rivoluzzjoni mdemmija u, bħalma jiġri dejjem,
ipprova jiġġieled l-inġustizzja b’inġustizzja akbar.
Dinja li tilfet it-togħma
tagħha
Il-kredu ta’ dan kollu kien
li l-bniedem ma kellux bżonn lil Alla u l-Kristjaneżmu, għax issa l-bniedem ma
kienx għadu “tfal” u seta’ jiddeċiedi hu x’inhu t-tajjeb u l-ħażin għalih. Il-Knisja spiċċat ippersegwitata u mwarrba u
l-influwenza tagħha bdiet tnin f’ħafna pajjiżi tal-Ewropa. Il-bniedem sar alla u dak li qabel kien il-glorja
tal-kontinent tagħna ġie ddisprezzat, mgħajjar, u middieħaq. Il-ġnus bdew ħerġin mill-Knisja u l-frott ta’
dak li ġara mitejn sena ilu nistgħu narawh ċar illum.
Il-Fidi ddgħajfet
fil-pajjiżi tal-punent kollu, imma dak li prova jsewwi l-“Illuminiżmu” baqa’
hemm: l-inġustizzji, il-korruzzjoni, il-kilba għall-flus u l-poter, l-egoiżmi,
il-jasar tal-fqir u d-dgħajjef... Ma
tistax tibdel lid-dinja jekk ma tibdilx qalb il-bniedem u hawn l-ebda politika
tal-bniedem ma taħdem ħlief l-Aħbar ta’ Kristu, il-Vanġelu li jrattab il-qalb
bil-viżjoni tal-Imħabba meraviljuża tal-Missier għall-għadu tiegħu,
għall-bniedem prodigu li ried jagħmel esperjenza hu ta’ x’inhu tajjeb jew ħażin
għalih.
L-Ewropa u l-pajjiżi li
ħaddnu l-kultura dominanti li hi welldet, tilfu t-togħma tagħhom. Alla m’għadu jidher imkien u ta’ dan qed
iħallas il-bniedem b’soċjetà mimlija nies jgħixu waħedhom għax ħadd m’għadu
jirriskja fuq l-imħabba.
L-individwaliżmu ġie msejjaħ libertà.
“L-ieħor hu l-infern!” qal Nietzsche, u l-bliet il-kbar huma mimlija
appartamenti għal wieħed jew waħda biss u l-kelb sar il-familja. Qed tgħib il-familja u ħadd ma jrid jinħela
fuq it-tfal. Flus, ixtri u stenna
l-Mewt. Tmur l-Afrika, fejn qajla tara żvilupp, u fejn il-bniedem jonqsu
kollox, u tara nies iktar ferħana! Dan
x’ġenn hu? Id-dinja “progressiva” tilfet
lil Alla u tilfet miegħU it-togħma tagħha.
Knisja li hi melħ u dawl
Imma jekk id-dinja telqet
lil Alla, Alla ma telaqx lilha. Anzi,
dan jista’ jkun żmien meraviljuż u pożittiv immens. Il-Missier fil-parabbola tal-Iben prodigu,
lil ibnu ma qallu xejn meta dan talbu l-wirt biex jitlaq mid-dar. Ħallih jagħmel esperjenza tad-dnub għax
l-Imħabba vera ma tisforza lil ħadd. L-Imħabba, li hi Alla, taf li d-dnub
joqtol. L-Ewropa llum hi mejta, u mhux
ta’ b’xejn li “drittijiet” bħall-abort, ewtanasija u l-bqija saru tant popolari. Imma għad jasal jum meta titla’ għajta
ddisprata lejn Alla mill-bniedem li jinduna x’għamel b’idu, jinduna bil-ktajjen
li rabat lilu nnifsu bihom. Il-bniedem
għad jerġa’ lura lejn Knisja li tkun qed tistennieh.
Imma liema Knisja? Alla qed iħejji Knisja għal dak iż-żmien
billi, bil-mod il-mod, qed iħott Knisja li kienet tajba għal żminijiet oħra, u
minflokha jtella l-istess Knisja iżda mibdula għal żminijiet ġodda. Inbid ġdid f’damiġġani ġodda. Jekk il-Fidi għabet mill-qalb ta’ ħafna nies
minħabba l-esperjenza terribbli tal-materjaliżmu, din il-Fidi trid terġa
tinbena mill-qiegħ. Għandna bżonn
Knisja tal-Atti tal-Appostli li l-ħin kollu xxandar l-Aħbar tal-bidu: li Kristu
rebaħ il-Mewt, kull tip ta’ Mewt li toqtol l-ispirtu tal-bniedem. Il-bniedem għandu bżonn jiġi mgħejjun jara
l-qagħda tiegħu ta’ jasar, ta’ nuqqas ta’ ferħ, ta’ vojt u jixxandar lilu li
Kristu biss jagħmel sens.
Għandna bżonn ta’ Knisja
iżgħar imma iktar ħajja. Alla qed jiżbor
is-siġra tiegħu u jċekkina. Ħafna ġrajjiet
madwarna li jidhru li huma diżgrazzji u telfiet għall-Knisja, huma, minflok,
il-ħidma tal-Fuħħari Divin li qed isawwar opra ġdida, sabiħa u li
tissorprendi. Il-Knisja għandha tkun
id-Dawl tad-dinja u l-melħ tal-art, bħalma jgħid il-Vanġelu tal-lum. Mingħajr Knisja li hi Kristu fid-dinja,
kollox hu dlam u l-bniedem iteftef ’l hemm u ’l hawn bla ma jaf kif se jsolvi
l-problemi tiegħu għax hu agħma.
Il-borma hi bla siwi għax ta’ ġo fiha hu bla togħma għax jonqsu ftit
melħ. Ftit melħ.
Kif ħasibha l-Knisja Kristu?
Konna naħsbu li l-Knisja
ssalva d-dinja billi d-dinja tidħol kollha kemm hi fil-Knisja. Li kieku din kienet il-viżjoni ta’ Kristu,
kieku wara elfejn sena Hu falla tassew!
Imma l-Vanġelu tal-lum jitfa’ Dawl ieħor fuq dan. Għall-Mulej, il-Knisja mhix bħall-movimenti u
l-idejat umani li jixxennqu għas-suċċess, għall-popolarità... fl-aħħar
mill-aħħar għall-poter. Ħafna drabi
fl-Istorja tagħha, l-Knisja inġibdet lejn dan il-ħsieb li dejjem jispiċċa
f’illi tipprova tikkonverti ġnus sħaħ f’daqqa waħda bix-xabla u l-gwerra,
bħalma ġara.
Il-Knisja hi Dawl, u dak li
jagħti d-Dawl dejjem hu ċkejken li jokkupa spazju żgħir fil-kamra, bħall-bozza
jew il-musbieħ. Il-Knisja hi Melħ li
jagħti t-togħma lill-borma u wkoll kien jikkonserva biex l-ikel ma jitħassarx. Imma bħalma nafu li ħafna melħ jagħmel ħsara
u ma jaqdix il-missjoni tiegħu. borma
kbira, ftit melħ. Dawn iż-żewġ eżempji
li ġab Kristu huma ċari. Il-patata,
il-pastard, il-fażola, il-basal... ma jsirux melħ imma jibqgħu dak li huma,
iżda b’xi mod jinbidlu, toħroġ minnhom togħma ferm ikbar! Din hi l-Missjoni tal-Knisja li enfasiżża
tant il-Konċilju Vatikan II fid-dokument “Lemen Gentium”.
Knisja umli taċċetta li
tkun ċkejkna imma l-Fidi tagħha fir-Rebħa ta’ Kristu, fil-Misteru tal-Għid
tiegħu, tinfluwenza lill-oħrajn. Bniedem
li mhux Nisrani, imma li għandu sieħbu fuq ix-xogħol li hu Nisrani u li
jimpressjonah bl-imġieba tiegħu, tista’ ttajru karozza, u f’dak il-mument
terribbli, hu jsejjaħ l-Isem tal-Mulej Ġesù, bħalma għamel il-ħalliel it-tajjeb,
u jsalva! Ikun salva mhux għax hu
Nisrani imma għax maġenbu kellu Knisja li dawlitu xi ftit, li melħitu.
Knisja li tmut biex
“l-ieħor” jgħix
Kristu miet biex in-Nisrani
jgħix għal dejjem. Hu ta ruħu biex
titwieled Knisja. Id-Dawl jinħela biex idawwal. Il-Melħ isir xejn, ma jidhirx iktar biex
jagħti togħma. Hekk tinħadem
is-salvazzjoni tad-dinja. Knisja li tmut
għall-“ieħor” imma li tgħix għal dejjem fl-istess ħin.
Il-Liturġija tal-Kelma
għal-lum:
Qari I
Ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek.
Is 58, 7-10
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Dan jgħid il-Mulej:
“Mhux dan is-sawm li jiena rrid
li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ,
u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf?
Mhux li tlibbes lil min tara għarwien,
u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?
Imbagħad ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek,
u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek.
Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek,
u l-glorja tal-Mulej timxi warajk.
Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej;
jekk tgħajjatlu, jgħidlek: “Hawn jien!”
Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija,
ma tmiddx subgħek u ma tagħmilx deni bi lsienek,
jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ,
u xxabba’ qalb l-imnikket,
imbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam,
u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 111 (112), 4-5.6-7.8a.9
R/. (4a): Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin
Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin;
twajjeb u ħanin il-bniedem sewwa.
Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef,
li jmexxi ħwejġu bir-reqqa. R/.
Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel;
għal dejjem tibqa’ t-tifkira tiegħu.
Xejn ma jibża’ minn aħbar ħażina;
qalbu qawwija bit-tama tal-Mulej. R/.
Qalbu qawwija, m’għandux mniex jibża’.
Iqassam u jagħti lill-foqra;
għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu;
rasu merfugħa bil-ġieħ. R/.
Qari II
Ħabbartilkom ix-xhieda ta’ Kristu msallab
1 Kor 2, 1-5
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Meta jiena wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx
inħabbrilkom il-Misteru ta’ Alla bi kliem kbir jew għaref. Ma ppretendejtx li
kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u lil dan imsallab. Jiena ġejt
għandkom dgħajjef, imbażża’ u mriegħed. Il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma
kinux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf, imma bil-wiri tal-Ispirtu u l-qawwa,
sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa
ta’ Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 8, 12
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;
min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Intom id-dawl tad-dinja.
Mt 5, 13-16
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli
tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’,
biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex
jintrema barra u jintrifes min-nies.
Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda
fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt
is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk
għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba
tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|