Din
hija il- Liturgija tas-Seba' Hadd ta' matul is-sena (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Għalina hu diffiċli ngħarfu
li l-Magħmudija hi proċess, bħalma l-Fidi hija “vjaġġ”. Aħna mdorrijin bil-Magħmudija tat-trabi u
naħsbu li din hi xi ħaġa tal-maġija: la darba għammduna, sirna Nsara; meta
l-verità hi li hemm proċess, vjaġġ li fihom iridu jikbru l-Magħmudija u
l-Fidi. hu veru li ġuridikament (skont
ir-regoli) nistgħu nissejħu “Nsara” u għandna dritt għas-Sagramenti l-oħra, kif
ukoll iniżżluna fir-registru tal-parroċċa biex inżidu l-biljuni ta’ Nsara
fid-dinja. Imma dan hu li jagħmilha
diffiċli għal bosta li jifhmu x’inhi l-Magħmudija u x’differenza hemm bejn
ir-reliġjożità naturali, li kulħadd għandu, u l-Fidi adulta Nisranija.
Naturalment, il-Knisja
tgħammed lit-trabi għax isserraħ moħħha li l-ġenituri għandhom Fidi biżżejjed
tant li kapaċi jgħinu fil-proċess tal-Magħmudija ta’ wliedhom. Ħafna, dan id-dmir, ma jagħtuhx importanza u
jfarfru r-responsabiltà fuq il-qassis jew il-katekista tad-duttrina.
Biex nifhmu l-Kelma nagħrfu
li aħna fi proċess
Dan kollu għalfejn qed
ngħiduh? Għax mingħajr persepttiva ta’
proċess (fl-antik: katekumenali) qajla nifhmuha l-Kelma ta’ Alla. Alla juri ruħu bil-mod il-mod lil Iżrael, u
l-istess jagħmel man-Nisrani. Abraham
kien politeista (jemmen f’ħafna allat) u fil-bidu Alla ma jgħidlux li Hu kien
l-uniku Allam imma biss li huwa l-aqwa fosthom.
Li huwa l-Waħdieni urihulu aktar tard.
Lil Mosè Alla ma wissihx li għandu jħobb lill-għadu. Kif seta’ Iżrael jifhimha din meta l-eżistenza
tiegħu kienet tiddependi f’li jirbaħ il-gwerer u jeqred lill-għadu? Imma meta waslet il-milja taż-żmien, deher
il-Messija u wera li l-Ħajja vera hi li tinagħtalek is-setgħa mingħand Alla li
tħobb, tħobb, tħobb saħansitra lill-għadu.
Il-bniedem il-ġdid iwettaq
id-Diskors tal-Muntanja
Hemm qabża kbira, abbiss,
bejn dak li se jgħidilna l-Levitiku llum u dak li nsibu fid-Diskors
tal-Muntanja fil-Vanġelu li ġej.
L-Vangeli nkitbu minn Knisja kmieni fl-Istorja tagħha meta kienet
imsejsa fuq sistema katekumenali ta’ tħejjija progressiva lejn
il-Magħmudija. Il-Vanġeli nkitbu b’din
il-mentalità ta’ nies mexjin lejn għarfien dejjem ikbar tal-Mulej Ġesù u
għalhekk kienu jistennew li għada se jinagħtaw Spirtu aqwa milli kellhom
il-bieraħ. Għalhekk noqogħdu attenti!
Id-Diskors tal-Muntanja (Mattew Kapitli 5, 6 u 7. Aqrawhom xi darba!)
mhux Liġi li jekk tobdiha inti tajjeb u jekk le int ħażin. Alla jaf min aħna u jaf li skont in-natura
tagħna hu mpossibbli li nwettquh. Dan
id-Diskors ta’ Kristu hu rigal, anzi ritratt ta’ x’jixtieq jagħmel Hu
fina. Iktar kemm tikber il-Magħmudija
fina iktar jegħreq il-bniedem il-qadim u iktar jitwieled il-bniedem il-ġdid,
xbieha ta’ Kristu. Huwa dan
il-bniedem il-ġdid li kapaċi “jgħix” id-Diskors tal-Muntanja, anzi dan id-Diskors
huwa ritratt tiegħu!
Id-Diskors tal-Muntanja
jitlob Magħmudija li seħħet fil-milja tagħha fina, jiġifieri n-natura li ma
tistax twettqu għerqet u mietet fl-ilma battezimali, waqt li minflokha twieled
Kristu fina, Kristu adult. Dan jieħu
ż-żmien! L-għaxar xebbiet raqdu
jistennew lill-Għarus, imma ħamsa minnhom x’ħin ġew imqajma kellhom iż-żejt...
Kull min jixtieq jagħraf
dejjem iktar l-Imħabba mmensa u eterna ta’ Alla għalih, jaf li jinsab fi vjaġġ,
fi proċess, f’moviment lejn il-bniedem ta’ dan id-Diskors ta’ Kristu. Għax dan id-Diskors twettqu biss l-Imħabba
ta’ Alla.
Jekk taħseb li
bil-ponnijiet tiegħek tasal, miskin int!
L-alternattiva għal dan hu
li int taħseb li wasalt għax int “tal-knisja” u allura timmaġina li suppost
tagħmel hekk u hekk... u meta ma jirnexxilekx, anke jekk tinqered bl-isforzi u
t-tqanżiħ, timtela tilja frustrazzjoni, tibgħat kollox jixxejjer u tgħid: “Jien
m’inix Ġesù Kristu!” Il-verità hi li dan
kollu Ġesù qalu lil nies normali, tax-xogħol, miżżewġin bit-tfal, bil-problemi
normali ta’ kif se jitimgħu lil uliedhom u jipprovdulhom saqaf fuq rashom.
Patrijiet ma kinux jeżistu u lanqas qassisin u isqfijiet...
Għall-kuntrarju, l-fatt li
Kristu jgħidlek: “Jekk xi ħadd jagħtik
daqqa ta’ ħarta... dawwarlu l-ieħor ukoll... ħobbu lill-għedewwa tagħkom...
kunu perfetti bħalma hu perfett Missierkom... (Mt.
5), dan kollu hu AĦBAR TAJBA għalik!! Biex inġib eżempju: jiena ċappa tafal, bla
sura, kollha żrar u ħmieġ. Imma Alla
(il-Fuħħari) jersaq lejja u jurini ritratt ta’ vażun tal-għaġeb, sabiħ, kollu
kuluri li jgħammxu, u jgħidli: “Minnek jien se nagħmel dan!” Dan kollu Alla jixtieq iwettqu magħna bi
Grazzja, bla ma hu mitlub xejn minna ħlief li ngħidulu “Iva!” Hu tant hu sensittiv u jirrispetta l-libertà
tagħna li jistenna l-permess mingħandna biex jibda jaħdem, bħalma stennieh
mingħand Ommna l-Verġni Marija.
Hu dan ix-xogħol ta’ Alla fina (li hu
l-proċess tal-Magħmudija) li jagħmilna Tempju ta’ Alla (ara 1 Kor. 3, 16) fejn
jgħammar l-Ispirtu s-Santu li hu l-Imħabba u l-Ħajja għal Dejjem. Nifirħu, għax aħna msejħin għal ħwejjeġ kbar
ħafna!
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.
Lev 19, 1-2.17-18
Qari
mill-Ktieb tal-Levitku
Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Għid lill-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael:
“Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom.
La tbejjitx lil ħuk f’qalbek, imma lil għajrek
wissih u erġa’ wissih, biex ma tkunx ħati tiegħu.
La titħallasx b’idejk, u la żżommx f’qalbek għal
ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek: Jiena l-Mulej””.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 102 (103), 1-2.3-4.8.10.12-13
R/. (8a): Ħanin u twajjeb il-Mulej
Bierek, ruħ tiegħi, lill-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, lill-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.
Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u bil-ħniena. R/.
Ħanin u twajjeb il-Mulej,
idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna;
ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna. R/.
Daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.
Bħalma jħenn il-missier għal uliedu,
hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’
tiegħu. R/.
Qari II
Kollox tagħkom; u intom ta’ Kristu, u Kristu
ta’ Alla.
1 Kor 3, 16-23
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, ma tafux li intom tempju ta’ Alla, u li
l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom? Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla
jeqred lilu. Għax qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li huwa intom. Ħadd ma għandu
jitqarraq! Jekk xi ħadd fostkom jaħseb li hu għaref f’din id-dinja, ħa jiblieh,
biex isir għaref. Għax l-għerf ta’ din id-dinja hu bluha quddiem Alla. Għax
hemm miktub: “Hu li jaqbad l-għorrief fil-ħażen tagħhom”; u terġa’: “Il-Mulej jaf li fiergħa huma
l-ħsibijiet tal-għorrief”.
Għalhekk ħadd ma għandu jiftaħar bil-bnedmin,
għax kollox hu tagħkom: sew jekk Pawlu, sew jekk Apollo, sew jekk Kefa, sew
jekk id-dinja, sew jekk il-ħajja, sew jekk il-mewt, sew jekk iż-żmien ta’ issa,
sew jekk li ġej; kollox hu tagħkom, u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
1 Ġw 2, 5
Hallelujah. R/. Hallelujah
Kull min iżomm il-kelma ta’ Kristu,
fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja
tagħha.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ħobbu lill-għedewwa tagħkom.
Mt 5, 38-48
Qari
mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli
tiegħu: “Smajtu xi ntqal: “Għajn b’għajn u sinna b’sinna”. Imma jiena ngħidilkom
biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq
ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid itellgħek
il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. U jekk xi ħadd iġagħlek
timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min jitolbok u ddawwarx
spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek.
Smajtu xi ntqal: “Ħobb lil għajrek, u obgħod
lill-għadu tiegħek”. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u
itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu
fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq
it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.
Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas
jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil
ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu
mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|