Din
hija il- Liturgija ta't-tieni Hadd ta'r-Randan (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa.
L-Ewwel Ħadd tar-Randan
tefa’ dawl fuq il-qagħda tal-bniedem, werriet tan-natura ta’ Adam li tilef
l-innoċenza tiegħu, u hekk inżergħet is-susa tal-Mewt f’din in-natura
tagħna. Dan hu l-veru flaġell
tal-bniedem. Jiġru kemm jiġru traġedji,
l-Omm tat-traġedji kollha hija l-waqgħa tal-bniedem fl-hekk imsejjaħ “Ġnien
tal-Għeden”. Kull bniedem huwa midneb
għax kull bniedem jitwieled f’dell il-Mewt.
Isiru ħafna kampanji edukattivi biex titjieb l-imġieba tal-bniedem, u
jissawru liġijiet biex jikkontrollawh. Dawn
kollha huma tajbin u jħallu dejjem effett pożittiv, imma l-bniedem għandu qalbu
miġrugħa u hija qalbu li trid tinbidillu.
Il-biża’ tal-Mewt iwebbes qalb il-bniedem u l-ewwel reazzjoni ta’ Adam
wara li dineb kien li jwaħħal f’martu, dik li qabel kien qal dwarha: “Din id-darba din hi għadma minn għadmi u
laħam minn laħmi.” (Ġen. 2, 23).
It-tweġiba ta’ Alla
għad-dnub.
Id-dnub dejjem joqtol u
jġib tbatija fuq il-bniedem. Mhux faċli
temmnu dan, imma jekk wieħed iħares madwaru jara li huwa l-egoiżmu tal-bniedem
li jikkawża tant faqar, tant gwerer, tant inġustizzji, tant żwiġijiet imfarrka
u tbatija għat-tfal... saħansitra l-mard fiżiku jitnibbet minn nuqqas ta’ paċi
f’qalb il-bniedem.
Quddiem dan it-tifrik
kollu, Alla ma jweġibx b’xi kastig.
Il-kastig hu marbut awtomatikament mad-dnub. Min jidneb jitlef is-sliem u m’hemmx
x’tagħmel. Hija t-tweġiba ta’ Alla li
ssalva lill-bniedem. It-tweġiba tiegħu
hi li Hu jsejjaħ lill-bniedem biex jagħtih idu ħalli jmexxiħ ’il barra
mill-jasar tiegħu. Hemm Tama għall-bniedem! Hemm Storja ta’ Salvazzjoni li hi kollha
sejħat għalina biex nagħtu jdejna lil Alla ħalli jaħtafna u jiġbidna ’l fuq,
għax aħna m’għandniex saħħa nqumu waħedna.
Abraham
Alla jsejjaħ lil Noe biex
isalvah. Hu jsejjaħ lil Abraham. Meta jsejjaħ, Alla jkun qed jintervjeni,
jidħol fl-Istorja. Il-ħin kollu jagħmlu
dan. B’Abraham Hu żera’ l-Fidi fuq din
l-art. Minn Abraham ’il quddiem,
il-bniedem beda jħares ’il fuq. Jaqa’ u
jqum; jaqa’ u jqum. Abraham kellu
widnejh miftuħa għas-Sejħa li qalbitlu ħajtu.
Alla kien “ħammillu” widnejh bl-Istorja li kien tah qabel, Storja ta’
ħafna suċċessi fin-negozju, fil-fama u r-rispett, imma li kienet immarkata minn
falliment wieħed u totali. Xtaq iben u
martu ma setgħetx tagħtih tfal.
Widnejna, l-Mulej ikollu
jħammilhom waħda sew għax illum ittarraxna bil-ġenn tad-dinja moderna. Għandna ħajjitna mimlija lussu, u naqilgħu
ħafna flus, u nonfqu fuq li nonfqu għax dawk li jaħkmu d-dinja għandhom
leblieba biex dejjem jivvintaw ġugarelli ġodda li jiftħu l-aptit. Minn ħaġa għall-oħra. Qiesna mġienen. Min se jisma’ l-leħen ta’ Alla f’dan
l-istorbju kollu?
Abraham sema’ għax kien
fallut. Anke aħna, nisimgħu għax inkunu
fallejna. Għax ngħiduha kif inhi, naħdmu
kemm naħdmu, naqilgħu kemm naqilgħu u nonfqu kemm nonfqu, xejn ma jwieġeb
għall-id kiesħa li sikwit tagħfas madwar qalbna. Hemm vojt misterjuż li ħadd u ħadd ma jista’
jiċħdu. Aħna l-ġenerazzjoni li saret
mgħallma kif taħbi l-uġigħ. Dejjem
bil-festi, imma l-verità hi oħra. Il-verità hi oħra. Huwa Alla li falla lil Abraham u jfalli lili
u lilek. Kristu dawwar dahru fuq
is-suċċess, kif rajna fil-Vanġelu tal-Ħadd li għadda, għax kien jaf li
fil-falliment tinfetaħ it-triq tas-suċċess veru li hu r-rebħa fuq il-Mewt, u
s-sliem dejjiemi tal-qalb.
Abraham qal “Iva!”
għas-sejħa u mexa ’l barra mill-jasar ta’ qalbu. Is-sejħa ta’ Abraham hija s-sejħa tagħna
bħalma l-falliment tiegħu huwa l-falliment tagħna. Min minna m’għandux dik ix-xi ħaġa li tonqsu
u li saret ġerħa għalih? U jekk
jakkwistaha, araha tinbet ħaġa oħra. Min
minna m’għandux salib? Huwa dan li
jsalvana. Bis-salib Alla jħaffer lil
widnejna biex leħen is-Sejħa jirbombja u jqajjimna fuq riġlejna u nibdew nimxu
lejn il-meravilji ta’ Alla.
Is-sejħa qaddisa
tan-Nisrani.
Is-sejħa li għandi jien u
għandek int hija li niskopru lil Ġesù Kristu.
Il-Missier jixtieq jikxfilna l-Misteru ta’ dak li wettaq għalina l-Mulej
Ġesù biex aħna ngħarfu kemm aħna maħbubin minn Alla u hekk inserrħu rasna bih,
nafdaw fih f’kull ċirkostanza u saħansitra jgħib minna l-biża’ tal-mewt,
il-biża ta’ kull tip ta’ mewt minn ħajjitna, għax Alla hu l-Abba, il-Pa tagħna. X’għeġubijiet hemm jistennewa minn din
id-dinja stess jekk ngħarfu min hu Alla għalina, min hu Ġesù tassew. Forsi ħafna naħsbu li nafuh lil Ġesù għax ilna
nitgħallmu dwaru. Tista’ tkun taf ħafna
dettalji dwaru imma li tkun tafu jfisser tkun iltqajt miegħu, tkun għaraft
għaliex spiċċa mdendel fuq salib minflokok u xi gwadan enormi għalik huwa
l-Qawmien mill-mewt tiegħU. Dawn huma
ħwejjeġ tal-għaġeb li ħadd minna mhu kapaċi jinfiltra. Imma teżisti l-Grazzja!
Għandna bżonn il-Grazzja.
S. Wistin jgħid: “Ħares
madwarek u ara jekk hux kollox Grazzja!”
Huwa l-Ispirtu s-Santu li jurini lil Ġesù biex inkun salv biH ġa minn
hawn. U dan mhux għax ħaqqni, għax
nitlob ħafna, għax nagħmel il-penitenzi u niekol l-għatba tal-Knisja. Dawn kollha huma ħwejjeġ tajbin imma
il-Grazzja hi rigal mogħti b’xejn. Tant
hi kbira l-Grazzja li l-Missier jixtieq jagħtina li ħadd ma jista’ jaqlagħha
b’tali mod li hi tkun il-ħlas għat-taħbit tagħna. San Pawl jgħid ċar li l-Grazzja ta’ Alla li
turina minn hu tassew Ġesù mhix paga li Alla jħallas lil min jaħdem. Hi rigal mhux mistħoqq. Hu
sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna, imma skond il-pjan
tiegħu nnifsu. (2 Tim. 1, 9).
Dan għandu jimliena
bil-kuraġġ. Għax anke jekk nidinbu
sikwit għax writtna n-natura ta’ Adam, hu lest li jneħħi minn fuqna l-liebsa
mċappsa bil-ħmieġ tad-dnub u jagħtina l-libsa l-bajda maħsula fid-Demm għażiż
ta’ Kristu. Abraham lanqas biss kien
jafu, imma Alla għażlu u sejjaħlu.
Jista’ jkun li aħna, li aħna tant reliġjużi, lanqas biss nafuh lil
Kristu, imma hu qed isejħilna biex jgħabbina bil-ġid tiegħu.
It-Tabor
Alla dejjem
jissorprendi. Id-dinja dan ma
tafux. Għaliha l-flus huma alla. Imma
l-flus ma jixtrux il-Mewt. Pietru qal: “Kemm hu sew li aħna hawn!” (Mt. 17, 4).
Qal hekk għax għajnejh bdew “jaraw” tassew u “ra” għall-ewwel darba
lil Ġesù, anke jekk kien ilu mat-tliet snin jiġri miegħu. Fuq it-Tabor, mhux Kristu li nbidel. Kristu dejjem kellu dik il-Glorja li hi
r-rebħa fuq il-Mewt, il-Ħajja għal Dejjem.
Dejjem kien jgħammex, imma dan kollu kien moħbi min-nies għax ma
kellhomx għajnejn imfejqa mill-qxur tad-dnub.
Il-qassisin il-kbar u l-iskribi u l-Fariżej, bl-isforzi kollha tagħhom,
ma kellhomx għajnejn qaddisa biex jaraw lill-Qaddis. Huma raw biss raġel kollu trab mill-ġiri
tiegħu, ġej minn raħal minsi, bin mastrudaxxa, u li għalihom kien l-aktar
bniedem prużuntus li qatt deher f’nofshom.
Għal mument, it-tliet
appostli fuq it-Tabor ġew mogħtija l-Grazzja li “jaraw” lil Ġesù hekk kif inhu.
Mhux li kien, mhux li kien, mhux li kien, li anke aħna ngħarfuh bħala
il-waħdieni li jwieġeb għat-tħannin tagħna lkoll! Xi Grazzja li jkollna għajnejn li jiskopru
lil Ġesù u l-Imħabba tiegħu għalina. Din
hija s-Sejħa li l-Mulej qiegħed jagħmlilna.
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum:
Qari I
Is-sejħa ta’ Abram, missier il-poplu ta’ Alla.
Ġen 12, 1-4a
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Abram:
“Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek,
u minn dar missierek,
lejn l-art li jien nurik.
U jien nagħmlek ġens kbir,
inbierkek u nkabbarlek ismek,
u int tkun barka.
Jien inbierek lil min ibierkek,
u nisħet lil min jisħtek.
U jitbierku bik it-tribujiet kollha tal-art”.
U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 32 (33), 4-5.18-19.20 u 22
R/. (22): Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek
fuqna
Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.
Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu
minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.
Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. R/.
Qari II
Alla jsejħilna u jdawwalna.
2 Tim 1, 8b-10
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju
Għażiż, aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju,
u afda fil-qawwa ta’ Alla, li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax
qies l-għemejjel tagħna, imma skond il-pjan tiegħu stess u skond il-grazzja
tiegħu. Din il-grazzja tahielna qabel iż-żmien tal-eternità fi Kristu Ġesù,
imma dehret issa permezz tad-dehra tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesù li qered
il-mewt, u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mk 9, 7
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Fi sħaba kollha dawl, leħen il-Missier instema’:
“Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt l-għaxqa
tiegħi; isimgħu lilu”.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Wiċċu sar jiddi bħax-xemx.
Mt 17, 1-9
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil
Ġakbu u lil ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel
quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U
dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej,
kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik,
waħda għal Mosè u waħda għal Elija”. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha
dawl għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż,
li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.
Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom
fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La
tibżgħux”. Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu. Huma
u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd
b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|