Din
hija il- Liturgija tar-Raba' Hadd ta'r-Randan (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ir-Randan għandu storja
tassew twila fil-Knisja. Fl-ewwel sekli,
meta l-Knisja kienet għaddejja mill-Magħmudija tal-persekuzzjonijiet taħt
il-ħakma tal-Imperu Ruman, hi kellha żmien ta’ tħejjija għal dawk li riedu
jinagħqdu magħha fil-fidi fil-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu, u jsiru
“Insara”. Din kienet tħejjija li kienet
tieħu xi snin, normalment erba’ snin, u kien żmien serju ħafna għax
is-Sagrament kbir tal-Magħmudija kien jinagħta mportanza li llum aħna kemm kemm
għandna l-ħila nifhmu.
Il-meravilja tal-Magħmudija
Ħafna minn dawk li kienu
jitgħammdu kienu jkun ġa adulti u l-Magħmudija kienet tkun waqt li jiddefinixxi
l-Ħajja ta’ dak li jkun, “a moment of no return”, kif jgħidu l-Ingliżi. Għalhekk it-tħejjija għal dan is-Sagrament
kbir kienet tinagħta kura speċjali fil-Knisja u dan iż-żmien ta’ tħejjija kien
jissejjaħ Katekumenat. Dan iż-żmien kien
jilħaq il-qofol tiegħu fl-aħħar erbgħin jum qabel il-Magħmudija li kienet tkun
dejjem bl-immersjoni.
Lanqas biss kienu joħolmu
li jgħammdu kif ngħammdu t-trabi tagħna aħna, għax is-Sagrament ismu miegħu:
sinjal li jidher fl-għajnejn fiżiċi dak li jkun qed isir fil-moħbi fir-ruħ
tal-Katekumenu. Meta dan kien jinża’ ħwejġu
biex jinżel fil-ħawt tal-Magħmudija, dan kien ifisser li hu kien qata’ għal
kollox mill-bniedem il-qadim tad-dnub li bih kien twieled.
San Pawl igħid: “Intom
għandkom twarrbu l-ħajja tagħkom ta’ qabel u tinżgħu l-bniedem il-qadim,
imħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa, u għandkom tiġġeddu b’tibdila
spiritwali tal-fehma tagħkom u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skont Alla,
fil-ġustizzja u qdusija tassew.” (2 Ef.
4, 22-24) u x’imkien ieħor igħid: “Tnaddfu
mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira.” (1 Kor. 5, 7).
Dan il-bniedem il-qadim
jinżel fl-ilma u jegħreq għal kollox fih. Dan mhux ilma normali,
tas-soltu. Huwa l-ilma tal-Magħmudija li
fih jgħammar l-Ispirtu s-Santu! Fih imut
il-bniedem il-qadim li għandu ġibda inkontrollabli għall-allat tad-dinja, u
joħroġ bniedem “ġdid”, imwieled mill-ġdid, bniedem li, iktar ma jmur, iktar
jinbidel fi xbiha ta’ Kristu rebbieħ fuq dak kollu li joqtol lill-bniedem. San Ċiprijanu li tgħammed fis-sena 246 AD,
igħid: “Jien inżilt f’dawk l-ilmijiet li jagħtu l-Ħajja u twelidt mill-ġdid,
bniedem ġdid. Id-dubji kollha li kelli
għabu. Jien stajt nara dak li qabel kien
moħbi minni. Issa stajt nagħmel dak li
qabel kien impossibbli għalija.”
Ir-Randan = Tħejjija
għall-Magħmudija
Fejn jidħol ir-Randan f’dan
kollu. Oriġinarjament kien l-aħħar erbgħin jum qabel il-Magħmudija
għall-katekumeni li kienu jkunu se jitgħammdu fiċ-ċelebrazzjoni meraviljuża
tal-Lejl tal-Għid, l-Omm tal-Liturġiji kollha tal-Knisja. Il-Magħmudija kienet tinagħta darba fis-sena
biss, matul dan il-Lejl. L-aħħar erbgħin
jum, imfassla fuq l-erbgħin sena li Iżrael mexa fid-deżert (Katekumenat prim!),
u Ġesù għadda fid-deżert jirbaħ it-tentazzjonijiet tad-dinja, kienu jkunu
mimlijin katekeżi tal-aħħar mogħtija mill-Isqof tal-post. Għandna ħafna minn dawn lil-katekeżijiet
tal-Missirijiet tal-Knisja li waslu s’għandna bi Grazzja.
Allura, dan kollu jurina li
kien hemm proċess lejn il-Magħmudija.
Aħna, li tgħammidna ta’ trabi, il-Knisja tgħammidna għax temmen li dan
il-proċess, speċi ta’ Katekumenat, jitwettaq aktar tard matul il-ħajja
tat-tarbija, mill-ġenituri, mill-presbiteri tal-Knisja, mill-katekisti,
mil-Liturġija nfisha. Mela, ir-Randan
mhux biss żmien Liturġiku mportanti, imma fuq kollox hu Ħajjitna, għax hemm
bżonn li nibqgħu miexja dejjem ’il ġewwa fil-Misteru tal-Magħmudija li, jekk
nirriflettu sewwa, nindunaw li hija l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu ingastat
fina.
Alla jaħdem bi proċess
Alla dejjem jaħdem fina bi
proċess. Il-Bibbja turi l-proċess,
bil-mod il-mod, tar-rivelazzjoni ta’ Alla lil Iżrael, wirja li laħqet il-milja
fi Kristu, l-Iben ta’ Alla, u fil-Misteru tal-Għid tiegħU. San Ġwann tas-Salib igħidilna: “Fi Kristu
l-Missier uriena dak kollu li seta jurina dwarU nnifsu, u min jitlob għal aktar
tagħrif jew wirja aqwa jkun qed jiżbalja bis-sħiħ.” Jekk jien u int ma nħossux u ma nifhmux li
ninsabu fi proċess qaddis ta’ għarfien dejjem akbar tal-Imħabba ta’ Alla,
insibuha diffiċli ferm nifhmu ħafna mill-Iskrittura, speċjalment tat-Testment
il-Ġdid. Wara kollox il-Vanġeli inkitbu
minn Knisja katekumenali.
Il-proċess, mixja,
tal-agħma
Xbiha meraviljuża ta’ dan
il-proċess li Alla jwettaq magħna, waqt li jinqeda wkoll bl-Istorja li ngħaddu
minnha (anke mill-esperjenza tal-koronavirus li huwa sejħa urġenti
għall-konverżjoni!), huwa l-Vanġelu tal-lum.
Hu Vanġelu twil imma tkun ħasra jekk ma jinqarax kollu hekk kif
tagħtulna l-Knisja.
Ġesù jilmaħ raġel agħma
minn twelidu. Hu ċar li dan id-difett
fiżiku mhux kastig, imma mezz biex tidher il-Glorja ta’ Alla. Jiġrulna bosta ħwejjeġ li huma salib, u aħna
nistaqsu: “Għaliex dan? X’għamilt?” Huwa fis-salib biss li tidher il-Glorja ta’
Alla u meta dan iseħħ aħna nkunu nistgħu insejħu t-tbatija tagħna: “Is-Salib
Glorjuż”!
Dan il-bniedem ħaġa waħda
seta’ jagħmel: jittallab. Din hi Kelma
ta’ Alla! Aħna lkoll tallaba! Ilkoll nittallbu l-Imħabba, l-affett,
il-prosit, il-popolarità, is-suċċess, il-fama... fl-aħħar mill-aħħar,
“il-Ħajja” vera. Aħna vojta għax
għomja. Aħna għomja għax għadna
m’għarafniex il-profondità meraviljuża ta’ dak li Kristu wettaq għalina
fil-Misteru tal-Għid (il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħU). Aħna nfittxu l-“Ħajja” kullimkien barra minn
Kristu. Kristu qiegħed hemm għax aħna
nħossuna obligati “nagħtuH”. Mur
obsor! U għadna m’għarafniex il-Ħajja li
hemm fi Kristu għax il-Magħmudija tagħna għadha lewża midfuna taħt il-ħamrija u
’l bogħod milli ssir siġra kbira li fiha jistkennu l-għasafar tal-ajru.
Kristu jaf ikun
skomdu! Kristu mhux dak li naraw
fis-santi tal-Ewwel Tqarbina! Hu jmur
fuq l-agħma, jobżoq fl-art (il-bżieq ta’ Kristu = il-Kelma setagħna ta’ Alla,
waqt li t-trab tal-art = il-miżerja tal-bniedem), u jċaflas it-tajn ma’
għajnejn l-imsejken. Dak kien b’idu
maħruġa biex jiddobba xi biċċa tal-flus, imma ma’ din l-azzjoni ta’ Kristu
mill-ewwel ħaseb li dan kien xi wieħed mill-vandali, mill-“kesħin” li sikwit
kienu jgħaddu ħinhom jiddieħku bih.
Din hi l-Istorja
tagħna. Ma’ dan il-bniedem inbeda
proċess ta’ fejqan. Hu kien dara
tallab. Anzi kien komdu tallab! Aħna lkoll komdi kif aħna, sakemm tinqala’ xi
waħda li Alla jippermetti u din tkun terremot li taqlagħna mill-aljenazzjoni
tagħna. Kristu jgħidlu biex imur
jinħasel fil-menqa tas-Silwam li kienet fil-qrib. U żgur li jmur. Is-Silwam hi xbieha tal-menqa, l-vaska
tal-Magħmudija! Jgħaddas rasu fiha u
jiġi jara! X’waħda din! L-istess esperjenza ta’ San Ċiprijanu u ta’
tant oħrajn f’kull ġenerazzjoni!
Dan hu l-għan tal-proċess
ta’ Alla f’Ħajti u f’Ħajtek: li niġu “naraw”.
X’ “naraw”? L-Imħabba ta’ Alla
għalija personali u għalik li dehret fil-Wiċċ sofferenti ta’ Kristu fuq is-Salib. Fil-qari tal-lum San Pawl igħid: “Intom kontu darba dlam, imma issa intom
dawl fil-Mulej.” (Ef. 5, 8). Imberkin aħna jekk l-Istorja li ngħaddu
minnha turina li għad fadlilna ħafna x’niskopru fi Kristu... Il-proċess irid
ikompli.
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum:
Qari I
David ikkonsagrat sultan ta’ Iżrael.
1 Sam 16, 1b.6-7.10-13a
Qari
mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel
F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Samwel: “Imla
l-qarn biż-żejt u itlaq. Jien se nibagħtek għand Ġesse l-Betlemita, għaliex
minn fost uliedu jien għażilt għalija sultan”.
Ġara li malli wasal, Samwel ra lil Elijab u qal:
“Hawn quddiem il-Mulej il-midluk tiegħu?”. U l-Mulej qal lil Samwel: “Tħarisx
lejn is-sura tiegħu, jew it-tul ta’ persuntu, għax jiena diġa’ warrabtu. Għax
il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma
l-qalb”.
Ġesse ressaq quddiem Samwel sebgħa minn uliedu;
imma Samwel qallu: “Il-Mulej ma ħatar lil ħadd minn dawn”. U ssokta jgħidlu:
“Dawn huma t-tfal kollha?” Ġesse wieġbu: “Għad fadal iż-żgħir, qiegħed jirgħa
n-nagħaġ”. U Samwel qal lil Ġesse: “Ibgħat għalih u ġibu, għax ma noqogħdux fuq
il-mejda qabel ma jiġi hawn”. U bagħat għalih u ġiebu. Kien żagħżugħ ruxxan,
għajnejh ħelwin, u sabiħ fis-sura tiegħu. U l-Mulej qal lil Samwel: “Qum u
idilku, għax dan hu”. Samwel ħa f’idejh il-qarn biż-żejt, u dilku quddiem ħutu.
Minn dakinhar ’il quddiem niżel fuq David u ħakmu l-ispirtu tal-Mulej.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6
R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma
jonqosni
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni. R/.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni. R/.
Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.
Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.
Qari II
Qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu.
Ef 5, 8-14
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, intom kontu darba dlam, imma issa intom
dawl fil-Mulej; għixu ta’ wlied id-dawl li intom; frott id-dawl jinsab f’kull
ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja, f’kull ma hu verità. Fittxu li tagħrfu
dak li jogħġob lill-Mulej, 11u tisseħbux fl-għemejjel tad-dlam bla frott, imma
ikxfuhom fil-beraħ. Għax dak li qegħdin jagħmlu huma fil-moħbi, tistħi mqar
jekk issemmih; imma meta wieħed joħroġhom fil-beraħ, id-dawl juri kollox, għax
kull ma jidher hu dawl; għalhekk jingħad: “Stenbaħ int, li int rieqed, u qum
mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ara Ġw 8, 12
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jiena d-dawl tad-dinja,
jgħid il-Mulej;
min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Mort, inħsilt, u ġejt nara.
Ġw 9, 1-41
Qari
mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, kif kien għaddej, Ġesù lemaħ
raġel agħma minn twelidu, u d-dixxipli tiegħu staqsewh: “Rabbi, dan twieled
agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?”. Ġesù wieġeb:
“Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’
Alla jidher fih. akemm għadu binhar, jeħtiġilna nagħmlu x-xogħol ta’ dak li
bagħatni, għax jasal il-lejl meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem. Sakemm għadni
fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja”.
Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu
tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma u qallu: “Mur inħasel fil-menqgħa ta’
Silwam”. Din tfisser “il-Mibgħut”. Mela dak mar, inħasel u ġie jara. Il-ġirien
u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan mhuwiex dak li
kien joqgħod bilqiegħda jittallab?”. Xi wħud qalu: “Iva, hu”. Oħrajn qalu: “Le,
imma jixbhu”. Iżda hu qalilhom: “Jiena hu”. Qalulu: “Mela kif infetħulek
għajnejk?”. Weġibhom: “Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli
għajnejja bih, u qalli: “Mur fis-Silwam u nħasel hemm”. Mort, inħsilt, u ġejt
nara”. Qalulu: “Fejn huwa dan ir-raġel?” Qalilhom: “Ma nafx”. Lil dan
il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand il-Fariżej. Issa dakinhar li
Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma nzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej
ukoll staqsew mill-ġdid
lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom:
“Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara”.
Xi wħud mill-Fariżej qalu: “Dan il-bniedem
mhuwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt”. Iżda oħrajn qalu: “Kif
jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?” U ma qablux bejniethom.
U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek
minnu, issa li fetaħlek għajnejk?” Qalilhom: “Dak profeta”. Il-Lhud ma ridux
jemmnu li hu kien agħma u ħa d-dawl qabel ma bagħtu għall-ġenituri ta’ dak li
sar jara, u staqsewhom: “Dan, li intom qegħdin tgħidu li twieled agħma, dan
binkom? Mela issa kif ġie jara?”. Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom: “Nafu
li dan hu t-tifel tagħna u li twieled agħma; imma kif issa ġie jara, dan ma
nafuhx, u anqas ma nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu: żmien għandu, ħa
jitkellem hu għalih innifsu”. Il-ġenituri tiegħu wieġbu hekk għaliex beżgħu
mil-Lhud, għax il-Lhud kienu ġa ftiehmu bejniethom li jekk xi ħadd jistqarr li
Ġesù hu l-Messija, isib ruħu barra mis-sinagoga. Kien għalhekk li l-ġenituri
wieġbu: “Żmien għandu, staqsu lilu”.
Għal darb’oħra reġgħu bagħtu għal dak li kien
agħma u qalulu: “Agħti glorja lil Alla! Aħna nafu li dan il-bniedem huwa
midneb”. Dak weġibhom: “Jekk hux midneb ma nafx. Ħaġa waħda naf: li jien kont
agħma u issa qiegħed nara”. Qalulu: “Imma hu x’għamillek? Kif fetaħhomlok
għajnejk?”. U hu weġibhom: “Ġa għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu tisimgħu
iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?”. U qabdu jgħajruh u
qalulu: “Dak int dixxiplu tiegħu! Aħna ta’ Mosè dixxipli! Aħna nafu li lil Mosè
kellmu Alla, imma dan ma nafux minn fejn hu!”. Weġibhom ir-raġel u qalilhom:
“Sewwa! Hawn qiegħed l-għaġeb, li intom ma tafux minn fejn inqala’, u
madankollu lili fetaħli għajnejja! Aħna nafu li Alla mhux se jisma’
lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun iqim lil Alla u jagħmel ir-rieda
tiegħu, lil dan jisimgħu. Qatt fid-dinja ma nstema’ li xi ħadd fetaħ għajnejn
wieħed agħma mit-twelid. Li kieku dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien
ikollu ħila jagħmel”. Imbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, int li
twelidt dnubiet waħdek”. U keċċewh ’il barra.
Ġesù sama’ li keċċewh ’il barra; sabu u qallu:
“Temmen inti f’Bin il-bniedem?” Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen
fih?”. Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek”.
Qallu: “Nemmen, Mulej!”. U nxteħet għarkubbtejh quddiemu. Imbagħad Ġesù qal:
“Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min jara
jagħma”. Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh jgħid dan u
staqsewh: “Aħna wkoll għomja?”. Weġibhom Ġesù: “Li kieku kontu għomja, ma
kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma issa qegħdin tgħidu: “Aħna naraw,” mela
d-dnub tagħkom għadu fuqkom”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|