Din
hija il- Liturgija ta' l-Ghid il-Kbir (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Dawn tassew kienu Randan u
Ġimgħa Mqaddsa partikulari, speċjali.
Ilha d-dinja ma tgħix dan iż-żmien qaddis b’mod aktar ħaj, anke jekk
sajmin għall-kollox mill-grazzja tal-Liturġija.
Kien żmien ta’ dieqa, hekk kif pajjiżna daħal anke hu fit-taqbida
għall-Ħajja kontra l-pandemija siekta imma qerrieda. Bdejna anke aħna, kuljum, nistennew in-numri
jiġu mħabbra, statistika ta’ mard, u issa, anke mwiet. Bdejna n-niżla wara ħafna pajjiżi oħra, u
għal mument ittamajna li se nkunu differenti, li, min jaf, forsi neħilsuha;
imma qbadniha n-niżla aħna wkoll.
L-għajta ta’ Kristu fuq
is-salib
Kommoventi iktar mis-soltu
kienet iċ-Ċelebrazzjoni tant antika tal-Ġimgħa l-Kbira li waslet għandna bħala
faraġ permeżż tal-meżżi moderni tax-xandir.
L-għajta ta’ Kristu kienet l-għajta tal-umanità li tħallas u terġa’
tħallas il-prezz tad-dnub: “Eli, Eli,
lema sabaqtani! Alla tiegħi, Alla
tiegħi, għaliex tlaqtni!” (Mt. 27, 46). Ġesù u l-umanità ħaġa waħda. Kristu, Alla nnifsu, jitwaħħad mal-midneb u
jerfa’ miegħu t-toqol tal-Istorja li dejjem tieħu, dejjem tieħu lejn
il-Kalvarju, u lejn l-għajta: “Fejn int O Alla?
Għaliex tlaqtni? Għaliex
insejtni? Meta se tgħinni?” Kristu u l-midneb, mgħannqin flimkien, taħt
toqol wieħed, mexjin pass wieħed, lejn post wieħed.
Għajjat b’leħen għoli:
“Huwa l-Għid tal-Mulej!”
Kemm hu kiefer
id-dlam! Kemm hu kiefer id-dlam
tal-Fidi! Kollha kemm aħna nidħlu
fih. “Il-Lejl Mudlam tar-Ruħ” iddiskriva
San Ġwann tas-Salib din l-esperjenza.
Għaliex Alla jippermetti d-dlam, meta xejn ma jagħmel sens, meta ma
nifhmu xejn minn dak li jkun qed jiġrilna, meta l-Imħabba, li hi Alla, tgħib
jew torqod fuq il-poppa tad-dgħajsa li qed tegħreq? Għaliex Abraham dam ħajtu kollha jistenna,
jistenna, jistenna li sseħħ il-wegħda?
Għaliex Iżrael dam erba’ mitt sena lsir fl-Eġittu? Għaliex David għex nofs ħajtu vagabond,
nomadu, maħrub minn quddiem is-Sultan tiegħu?
Għaliex il-poplu ta’ Alla kellu jgħaddi mill-kalamità tal-Eżilju
f’pajjiż barrani? Għaliex il-Knisja
għadha sal-lum ippersegwitata? U biex
insemmu kas riċenti: għaliex il-Kardinal Pell tal-Awstralja kellu jgħaddi minn
tant inkwiet, tant inġustizzji, tant kalunji, tant solitudni fil-ħabs, biex
issa jinstab li wara kollox kien innoċenti?
Għaliex l-Għid mhuwiex Għid mingħajr it-tbatijiet, mingħajr id-dlam,
mingħajr il-Passjoni, mingħajr il-Mewt?
Ir-risposta hi ovvja, imma
meta tkun għaddej int mid-dlam, id-dlam innifsu jgħamik mir-risposta, anke jekk
ikun hemm min jagħtihielek b’intenzjoni tajba.
Iktar kemm hi kbira d-deżolazzjoni iktar hi kbira l-għajta li tinstema
fiż-żerniq tal-Għid! Iktar kemm hu
kiefer id-dlam, iktar tal-għaġeb jiddi d-Dawl!
Iktar kemm fond hu l-abbiss tax-Sheol li fih tinżel, iktar fil-għoli
tittella’, ’il fuq mis-sħab, fuq l-ogħla muntanja tgħollik id il-Mulej.
Għax tinstema għajta! “Hu qam mill-Mewt! Hallelujah!” “Hristos
Vaskrese!” Il-ħabba tal-qamħ midfuna
fid-dlam tal-ħamrija tgħajjat: “Hu qam mill-Mewt” hekk kif tinqasam u tnissel
qalba ġdida. Ir-Rebbiegħa tinża
mill-għata tax-Xitwa u tgħajjat “Hu qam mill-Mewt!” Il-baħar jikkwieta wara l-maltemp u ma
jbeżżax aktar, anzi jifraħ bis-sliem u jgħid: “Hu qam mill-Mewt!” Iż-żerniq iħarrab id-dlam, sebaħ, il-lejl
għadda, jum ġdid jgħajjat: “Hu qam mill-Mewt!”
Tinstema l-Għajta glorjuża
tal-Għid, il-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba, l-Evanġelju li jħabbar li l-Ħaruf ta’
għonqu mħanxar, ara, issa hu Ħaj u Rebbieħ, u miegħu hu rebbieħ jien, hu
rebbieħ int, aħna lkoll irbaħna fuq il-Mewt li ġiet murija bħala giddieba! Għax il-ħabba tal-qamħ ma tmutx imma tagħti
l-Ħajja eżatt meta l-Mewt kantat il-vittorja.
Din hi l-esperjenza tal-ħolqien kollu, miġbura fi Kristu Ġesù, l-Iben
għażiż tal-Missier Alla. Aħna m’aħniex
se mmutu imma se ngħixu għal dejjem ta’ dejjem fil-hena tal-Missier għax aħna
nemmnu li tassew, l-Iben li ħalsilna dejnna, hu Ħaj u qed jiħol għalina issa
quddiem il-Missier waqt li juriħ il-pjagi qaddisa tiegħu. Aħna lkoll salvati bil-merti tal-Ubbidjenza
ta’ Kristu. Mhux bil-merti tagħna,
imma bil-merti ta’ Kristu. Kif jista’
jkun li ma nikkonvertux u ma ngħixux kif iridna l-Mulej, jekk Kristu tana Ħajja
Ġdida, Ħajja mingħajr id-dell tal-Mewt, Twelid Ġdid, Natura ġdida?
Għall-Knisja l-Għid hu
kollox! Dan nifhmuh jekk aħna jkollna
din l-esperjenza maġika tal-Għid tal-Mulej.
Mhux veru li Alla hu liġijiet, li Hu jippretendi wisq, li hu “tough” u
jgħabbik b’salib daqshiex. Mhux veru li
hu jogħxa jurik il-limiti tiegħek, u jdejqek billi jfakkrek li jum wieħed għad
tmut. Mhux veru! Din hi karikatura ta’ Alla, ta’ Kristu! Kristu ġie biex imut ħalli jien u int ngħixu
għal dejjem! Hu bata biex ma nbatux
aħna! Hu tgħabba bid-dnubiet tagħna
lkoll u bil-konsegwenza tad-dnub li hi l-Mewt, Hu li kien innoċenti, biex aħna
niskappaw! Hu niżel mis-sema jfittex lil
Adam, li ħaseb ħażin fih, u li ried isir aqwa minnU, u meta ma sabux fuq l-art,
niżel fil-qiegħan tal-abbissi f’post l-imwiet bil-Passjoni u l-Mewt tiegħU u
hemm sabu, ħatfu minn idu u qallu: “Ejja maħbub tiegħi! Ejja noħorġu minn hawn!”
Ir-Rebħa ta’ Kristu hija
r-Rebħa tal-bniedem fuq id-dlam, fuq il-mard, fuq l-inkwiet, fuq il-Mewt, fuq
dak kollu li jeqirdu. Għaliex tħossok
waħdek? Għaliex tixxennaq qisek tallab
għall-imħabbiet żgħar tal-bnedmin? Għaliex int imdejjaq? Għaliex int imħasseb dwar il-futur? Għax qed tinkwieta fuq uliedek? Għaliex begħet ruħek lill-flus u lil xogħol
fuq xogħol? Għaliex il-piki,
is-suspetti, il-ġudizzji, il-ġlied, il-gwerer?
Għaliex il-prostituzzjoni, id-droga, il-pornografija, is-serq,
l-inġustizzji, il-moħqrija taż-żgħir u l-innoċenti? Kristu Qam mill-Mewt! Hu aqwa mid-Dnub tad-dinja! Hu, il-waħdieni li jħobbok hekk kif int, miet
għalik biex iħallas id-dejn tiegħek u jekk temmen dan, int issa stess issir
qaddis f’għajnejn il-Missier!
Bil-Mewt tiegħU Kristu
faqa’ d-diega enormi li kienet qegħda żżomm magħluqa l-ilmijiet tal-Ispirtu
s-Santu. Ġara tsunami sħiħ ta’ għarar
ta’ grazzji li faqa’ l-għatx tad-deżert.
Nistennew u naraw kif minn dan il-virus li qed ikidd id-dinja, Alla se
jislet Għid tal-Għaġeb. Hu biss kapaċi
joħloq id-Dawl mid-dlam. “Kristu qam
mill-Mewt! Halleluja!” L-Istorja tiegħek, tiegħi, ta’ kull bniedem,
tad-dinja, hija meravilja Paskwali.
Mid-dlam għad-Dawl; mill-mewt għall-Ħajja; mill-biża għall-Ferħ;
mil-luttu għall-Festa; mid-daqq kiebi għall-Halleluja dejjiema!
Jien u int, aħna ferħana
fil-qjies li nemmnu fl-Għid tal-Mulej Ġesù.
Kristu qam mill-Mewt! Hu qam
tassew! Halleluja!
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-Quddiesa ta’ Sbiħ il-Jum tal-Għid.
Qari I
Aħna kilna u xrobna miegħu wara li qam
mill-imwiet.
Atti 10, 34a.37-43
Qari
mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u
qal: “Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija,
wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’
Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u
jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. U
aħna xhud ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm. Tawh
il-mewt billi dendluh mal-għuda tas-salib; imma Alla qajmu mill-imwiet
fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla
għażel minn qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu
mill-imwiet.
Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u
nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Il-profeti
kollha jixhdu għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla’ l-maħfra
tad-dnubiet bis-saħħa ta’ ismu”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 117 (118), 1-2.16ab-17. 22-23
R/. (24): Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah
Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
Ħa jgħidu wlied Iżrael:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.
Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej. R/.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. R/.
Qari II
Fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn qiegħed
Kristu.
Kol 3, 1-4
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu
l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu
fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi
moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom,
imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Jew
Qari II
Tnaddfu mill-ħmira l-qadima, ħa tkunu għaġna
ġdida.
1 Kor 5, 6b-8
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, ma tafux li ftit ħmira ttalla’ l-għaġna
kollha? Tnaddfu mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida, kif intom bla
ħmira. Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul! Nagħmlu festa, mhux
bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla
ħmira tas-safa u tas-sewwa.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Sekwenza
Ħa jgħollu l-insara b’tifħirhom
il-Vittma tal-Għid:
għax feda l-Ħaruf in-nagħaġ tiegħu
mill-jasar tal-mewt;
Ġesù raġa’ ħabbeb il-midneb
ma’ Alla l-Missier.
F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja
inqerdet il-Mewt;
u qam Sid il-ħajja mill-qabar,
isaltan rebbieħ.
“Għidilna, Marija, ħabbrilna:
fit-triq lil min rajt?”
“Jien rajt qabar Kristu li rxoxta
fis-sebħ tal-qawmien;
rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,
il-faxxa, il-liżar.
Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi,
li fih ittamajt!
Mar hu l-Galilija qabilkom:
hemmhekk se tarawh”.
O, nemmnu li llum Kristu rxoxta
tassew mill-imwiet!
Int mela, Sultan, ħenn għalina,
O Kristu rebbieħ.
Ammen! Hallelujah!
Victimae paschali laudes
immolent christiani.
Agnus redemit oves:
Christus innocens
Patri reconciliavit peccatores.
Mors et vita
duello conflixere mirando:
dux vitae mortuus,
regnat vivus.
Dic nobis, Maria,
quid vidisti in via?
Sepulcrum Christi viventis:
et gloriam vidi resurgentis.
Angelicos testes,
sudarium et vestes.
Surrexit Christus spes mea:
praecedet suos in Galilaeam.
Scimus Christum
surrexisse a mortuis vere:
tu nobis, victor Rex,
miserere.
Amen. Alleluia.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara 1 Kor 5, 7b-8a
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu
maqtul:
nagħmlu mela festa fil-Mulej.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Kristu kellu jqum mill-imwiet.
Ġw 20, 1-9
Qari
mill-Evanġelju skont San Ġwann
Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif
kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata
mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand
id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej
mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.
Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn
il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn
Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda
hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra
l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx
mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor,
li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.
Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura
li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|