Din
hija il- Liturgija tat-Tielet Hadd tal-Ghid (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa.
L-Għid ma ġiex u għadda
ħmistax ilu, imma għadu għaddej u aħna ninsabu ngawduh għal ħamsin jum sħaħ,
sakemm tasal l-esperjenza glorjuża tal-Pentekostè. Għax dawn il-festi, bħall-festi kollha
tal-Knisja, mhumiex sempliċi “tifkira”, jew ċelebrazzjonijiet ta’ avvenimenti
kbar li ġraw diġa. Dawk l-affarijiet
inħalluhom għad-dinja li tħobb tfakkar l-imgħoddi.
L-Insara “jerġgħu jgħixu”
l-Inkarnazzjoni ta’ Kristu, “jerġgħu jgħixu” il-Mewt u l-Qawmien tiegħu,
“jerġgħu jgħixu” it-‘tsunami’ tal-Ispirtu s-Santu li jkompli jinvadina
fil-Pentekostè. In-Nisrani hu dejjem
miexi ’il quddiem lejn destinazzjoni glorjuża u dawn l-esperjenzi liturġiċi
huma tapep f’mixja li hi għad-dritt.
Dawn il-“Memorjali”, (kelma aħjar minn festi), ma jirrepetux ruħhom kull
sena bħall-istaġuni tan-natura, u allura l-ħajja tiġi ċikli ta’ sena dejjem
iddur, iddur fl-istess post. Le! L-Istorja tas-Salvazzjoni tagħna dejjem
miexja ’l quddiem u l-Għid ta’ din is-sena mhux bħal tas-sena l-oħra, u lanqas
il-Pentekostè li ġej.
Tafu għaliex? Għax aħna m’aħniex in-nies li konna sena
ilu. L-Għid din is-sena ġie jsibna
f’sitwazzjoni differenti minn tas-sena l-oħra, u s-sena d-dieħla, jekk inkunu
għadna hawn, se jsibna f’sitwazzjoni terġa differenti. Dejjem mexjin ’il quddiem, jew, jekk
niddeċiedu li nieqfu, nispiċċaw immorru lura...
Iż-żmien għaddej u m’hemmx waqfien!
Għalhekk in-Nisrani hu dejjem fi stennija. Il-Fidi tiegħu kibret f’dan l-Għid, imma dan
mhux biżżejjed.
L-Appostli emmnu li Kristu
kien qam mill-Mewt għax rawH, imma dan għall-ewwal ftit li xejn sewa
fil-konkret f’Ħajjithom. Allura Kristu
jħeġġiġhom jistennew in-Nar tal-Ispirtu s-Santu, u kull Nisrani li jistħoqqlu
dan l-isem, issa qed jistenna biex, mal-Ġemgħa, mal-Knisja, jiċċelebra Għid
il-Ħamsin, imma biex jgħixu b’mod li ssir taqliba f’Ħajtu. Għax l-Istorja tas-Salvazzjoni ma tiddependix
minn x’kapaċi nagħmlu aħna bil-moraliżmu tagħna, imma x’se jagħtina Alla, kemm
se nagħrfu fuq livell aħjar x’għamel għalina Kristu, u dan id-Dawl iġibulna
l-Ispirtu s-Santu u mhux l-intelliġenza miskina tagħna. Għalhekk aħna nistennew il-Pentekostè
b’antiċipazzjoni u tensjoni, għax żgur se jkun differenti minn dawk kollha li
ġew qabel. Ilna ħafna niġbru zkuk ta’
tagħrif dwar Kristu. Issa għandna bżonn
Xi Ħadd jisparkja ftit nar biex dan il-munzell injam jieħu u jsir Ħuġġieġa
Qaddisa! U dan ix-Xi Ħadd huwa l-Ispirtu
s-Santu. Huwa b’dan il-mod li “ngħixu”
s-Solennitajiet tal-Knisja u mhux bil-mod mejjet ta’ tifkira. Għax il-festi tal-Knisja huma Misteri iktar
minn festi. Huma Misteri għax dawn
il-ġrajjiet li qed ngħixu seħħew storikament elfejn sena ilu, imma għadhom qed
iseħħu f’Ħajjitna issa, għax issa qegħdin ngħixu aħna!
L-Ewkaristija li
niċċelebraw hija eżempju klassiku ta’ dan li qed ngħidu. Fl-Ewkaristija nfakkru l-Misteru tal-Għid
tal-Mulej. Imma mhux biss! Fl-Ewkaristija il-Knisja, aħna, nerġħu ngħixu
il-Mewt u l-Qawmien u l-Merti ta’ Kristu qishom qed jerġgħu iseħħu dak
il-ħin. L-Ewkaristija hija l-Memorjal
tal-Mulej. Dak kollu li seħħ fuq
il-Kalvarju u fil-Qawmien ta’ żerniq l-Għid jerġa’ jseħħ, mhux fiżikament, imma
bl-istess qawwa. Iktar kemm ngħixu dan
bil-Fidi, iktar tissaħħaħ ir-rebħa fuq il-Mewt fina, għax Kristu rebaħ il-Mewt
mhux għaliH imma għall-bnedmin. Għalhekk
il-Grazzja tal-Ewkaristija hija enormi, infinita!
L-Ewkaristija tiġbor
il-qalba tal-Fidi Kristjana, Nisranija, Kattolika. U l-qalba hi li Kristu,
l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla, libes laħam il-bniedem biex ikun jista’ jgħix
il-Għid. Hu miet biex ikun il-Ħaruf
tat-tpattija li fuqu tkellmu l-Profeti ħalli d-dnubiet tad-dinja jinħaslu
f’Demmu, u qam mill-Mewt għax l-Imħabba tiegħu saret il-velenu tal-Mewt. Min jemmen f’dan, jista’ jsejjaħ Isem il-Mulej
u jkun salv, ġa minn hawn; ikollu anke hu r-rebħa fuq id-Dnub u l-Mewt. Dan ukoll huwa l-bażi tal-Ekumeniżmu għax din
il-Fidi tgħaqqad flimkien bħal aħwa lill-Knejjes, gruppi, komunitajiet li
jemmnu li l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu hu kollox. Fi Kristu, fil-Fidi fiH, m’hemmx iktar Lhudi
jew Griegi, raġel jew mara, lsir jew ħieles, iżda għaqda ta’ bejn l-aħwa,
Bniedem Ġdid, il-Ġisem rebbieħ ta’ Kristu, li tiegħu int u jien nagħmlu parti.
F’dan iż-żmien glorjuż
tal-Għid, il-Kelma fil-Liturġija tal-Knisja l-ħin kollu tħabbar l-Aħbar
it-Tajba tal-Għid qaddis tal-Mulej Ġesù.
L-Aħbar it-Tajba kienet titħabbar b’mod sempliċi. “Lil
dan Ġesù, intom tajtuh u qtiltuh billi sallabtuh b’idejn nies ħżiena; imma Alla
qajmu billi ħall l-irbit tal-mewt, għax ma setax ikun li hu jinżamm
minnha.” (Atti 2, 23-24). Issa dan kollu aħna nafuh bl-amment. In-nies li semgħu dan l-ewwel darba, din
l-Aħbar kienet bomba. Imma jista’ jkun
li aħna qed nieħdu il-qalba tal-Kristjaneżmu “for granted”. X’ħasra!! Hawn jinsab it-Teżor li jagħmel
minnek bniedem għani, b’ġid li ħadd ma jista’ jisraqulek. Hawn tinsab moħbija Ħajja ta’ Dejjem għalik,
Ħajja ta’ tgawdija għal dejjem li b’xi mod tibda ġa minn hawn fil-qjies
tal-Fidi tagħna. Hawn nibqgħu inġorru
s-Salib tagħna, imma x’differenza tħares lejn is-Salib tiegħek bl-għajnejn
tal-Fidi milli mingħajrha! Għax
il-ħelsien tal-Ħajja ta’ Dejjem li jibda minn hawn idawwal it-tbatija, jagħtiha
sens, u s-Salib tagħna jsir glorjuż bħalma glorjuż sar is-Salib ta’ Kristu.
Dan hu l-bażi
tal-predikazzjoni Nisranija. Il-bqija,
r-reliġjonijiet kollha jippridkawh.
Ħafna qed jippruvaw idawru l-Kristjaneżmu f’etika. X’ereżija!
Daż-żgur li l-Kristjaneżmu għandu l-etika tiegħu u l-morali. Imma kemm hu iktar minn hekk! Anzi, bniedem jista’ jgħix moralment tajjeb
(sa ċertu punt u f’ċertu qjies!) u ma jkun Nisrani xejn li xejn. In-Nisrani jiftaħar bil-Għid ta’ Kristu għax
hu ġġustifikat b’dak li għamel l-Iben ta’ Alla għalih meta obda u daħal
fil-ġrajja tal-Għid. Nirrepetu li l-Għid
mhux il-Qawmien biss, imma t-tbatija, il-Mewt u l-Qawmien, għax m’hemmx Qawmien
mingħajr kriżi, tbatija u Mewt.
In-Nisrani hu dak
il-bniedem li jagħraf li hu dgħajjef u midneb, li kellu anke hu sehem fil-Mewt
tal-Ħaruf ta’ Alla, imma li Alla ħabbu anke meta kien għadu tiegħU tant li
r-rebħa ta’ Kristu seħħet b’risq tiegħu.
Aħna salvi bil-Fidi tagħna fl-Opra meravijuża tal-Mulej Ġesù! Huwa hu s-Salvatur tagħna, għax ħadd minna
mhu kapaċi jsalva lilu nnifsu.
Huwa meta nikbru f’din
il-Fidi fl-Imħabba murija lilna fi Kristu, li ninagħtaw l-Ispirtu tal-Qdusija u
nibdew ngħixu ħajja moralment tajba.
Imma mingħajr il-Fidi fi Kristu dan hu mpossibbli.
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum:
Qari I
Ma setax ikun li Ġesù jinżamm fl-irbit
tal-mewt.
Atti 2, 14.22-33
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru flimkien mal-Ħdax
qam u qal lil-Lhud b’leħen għoli: “Nies tal-Lhudija, u intom ilkoll li toqogħdu
f’Ġerusalemm, kunu afu dan u isimgħu sewwa x’se ngħidilkom jien. Ġesù ta’
Nażaret kien bniedem li Alla takom prova tiegħu permezz tal-mirakli u
l-għeġubijiet u s-sinjali li għamel bih fostkom, kif intom stess tafu. Lil dan
Ġesù, Alla telaqhulkom f’idejkom skond l-għerf u l-pjan li fassal minn qabel, u
intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz ta’ nies ħżiena. Imma Alla qajmu
mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, għaliex ma setax ikun li l-mewt
iżżommu taħt is-setgħa tagħha. Għax David jgħid fuqu, “Żammejt lill-Mulej
dejjem quddiemi, għax hu fuq il-lemin tiegħi, biex qatt ma nitħarrek. Għalhekk
ferħet qalbi u mtela bl-hena lsieni; u ġismi wkoll jistrieħ fit-tama, għax inti
ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi, u ma tħallix il-Qaddis tiegħek jara t-taħsir.
Inti għarraftni t-triq tal-ħajja, timlieni bil-ferħ meta nkun quddiemek”.
Ħuti, ħalluni ngħidhielkom kif inħossha fuq
il-patrijarka David; hu miet u kien midfun u l-qabar tiegħu għadu magħna sa
llum stess. Issa hu kien profeta, u kien jaf li Alla ħaliflu b’ġurament li
kellu jqiegħed fuq it-tron tiegħu bniedem ġej minn nislu. David ra minn qabel u
ħabbar il-qawmien tal-Messija, u qal: “La kien mitluq fl-imwiet, u lanqas ġismu
ma ra t-taħsir”.
Lil dan Ġesù, Alla qajmu mill-imwiet, u ta’ dan
aħna lkoll xhieda. Għalhekk, issa li Alla għollieh bil-leminija tiegħu, huwa
rċieva mingħand il-Missier l-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed, u sawbu fuqna,
kif qegħdin taraw u tisimgħu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 15 (16) 1-2a.5.7-8.9-10.11
R/. (11a): Mulej, int tgħallimni t-triq
tal-ħajja
Jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.
Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi,
m’għandix ġid ieħor ħliefek”.
Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,
inti żżomm f’idejk xortija. R/.
Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma;
imqar billejl qalbi tgħallimni.
Inżomm lill-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.
Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,
u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. R/.
Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.
Qari II
Kontu mifdija bid-demm għażiż ta’ Kristu, bħal
Ħaruf bla tebgħa.
1 Piet 1, 17-21
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Għeżież, jekk intom issejħu Missier lil dak li,
bla ma jħares lejn l-uċuħ, jagħmel ħaqq minn kulħadd skond l-għemil ta’ kull
wieħed, għixu fil-biża’ ż-żmien tal-ħajja li qegħdin tgħaddu f’art barranija.
Kunu afu li intom kontu mifdija mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand
missirijietkom, mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda jew id-deheb, imma
bid-demm għażiż ta’ Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa.
Hu kien ippredestinat sa minn qabel ma saret
id-dinja, imma deher fl-aħħar taż-żminijiet minħabba fikom. Bih intom temmnu
f’Alla, li qajmu mill-imwiet u tah il-glorja; hekk il-fidi tagħkom hi wkoll
tama f’Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Lq 24, 32
Hallelujah R/. Hallelujah
Mulej, Ġesù, fissrilna l-Iskrittura;
ħeġġilna qalbna, int u tkellimna.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin.
Lq 24, 13-35
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa
Dakinhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li
tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju
bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. Huma u
jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi
magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu
qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom.
Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani
f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”.
“X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara
lil Ġesù ta’ Nażaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem
Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh
f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna
nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa
għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!
Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax
marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li
dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud
minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”.
Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex
temmnu kull ma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk
jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-profeti kollha
jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.
Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu
għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh
jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa
wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq
il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad
infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed
lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna
fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.
Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm.
Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej
qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom
fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|