Din
hija il- Liturgija tas-Sitt Hadd tal-Ghid (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa .
Hawn ħafna li
l-Kristjaneżmu għalihom hu biss kultura, drawwiet sbieħ, mod ta’ ħajja li
wasslulna missirijietna mingħand missirijiethom u għalhekk mhux ta’ min
jitlifha għal kollox, anke jekk issa sirna “moderni” u moħħna nfetaħ, kif
jgħidu xi wħud. Oħrajn l-anqas iriduh iktar bħala kultura. Jgħidulek li issa qed ngħixu f’dinja “ġdida”,
dawn huma affarijiet tal-Medju Evu, tan-nanniet, niddevertu, nieklu u nixorbu
għax din hi l-ħajja waħdanija li għandna u ngawduha kemm nistgħu.
Sfortunatament, dawn
kollha, jew kważi kollha, huma mniżżlin fir-reġistru tal-kappillan bħala
“Nsara”, meta Nsara mhumiex. Tassew li hu veru li qed ngħixu fi żmien ġdid, u
l-“coronavirus” qed jurina kemm boloh huma dawk li jagħmlu mid-dinja “alla”
tagħhom... Tassew hu veru li għadda
ż-żmien meta kulħadd kien Nisrani f’pajjiżna.
Anzi, ejjew ngħidu l-verità: l-Insara huma minoranza. Jekk ma nkunux
radikali f’dan il-ħsieb ftit nistgħu ngħinu biex nirriformaw lilna nfusna u
lill-Knisja. Minoranza ta’ nies ivvutat
kontra d-divorzju. Minoranza ta’ nies
jgħixu l-Liturġija Qaddisa tal-Ħadd. Dan
jagħmel mill-Aħbar ta’ Kristu minoranza f’pajjiżna. Il-bqija hija kultura u drawwiet u dawn
l-affarijiet mhumiex eterni. Mhumiex Kristu.
Dawk li għalihom Kristu
huwa mportanti; li għajnejhom idemmgħu quddiem il-friegħi li jitqaċċtu
mid-dielja; li rashom baxxuta quddiem l-aħbarijiet ħżiena li sikwit nisimgħu;
dawn il-minoranza ta’ nies hemm bżonn li jsibu mill-ġdid il-ferħ tagħhom fi
Kristu; hemm bżonn li jiġu spirati mill-ħsieb li l-Fidi mhix xi ħaġa li
akkwistaw darba u daqshekk, imma hija Mixja, Vjaġġ li jieħdok minn post
għall-ieħor, minn esperjenza għal oħra, minn Fidi għal Fidi akbar, sakemm
il-Mewt tkun tassew mirbuħa, u l-Ispirtu ta’ Ġesù jgħammar fil-milja tiegħu
fina. Dak in-nhar ma nibżgħux iktar
mill-Mewt għax inkunu mimlija b’Dak li lill-Mewt rebħilha. Ikollna ċ-ċertezza, l-eskatoloġija qaddisa li
l-Mewt mhix l-aħħar kelma imma li hi Bieb sabiħ li jinfetaħ biex warajh naraw
lill-Għarus, lill-Isbaħ Wieħed jistenniena biex jagħmel Festa bina
fis-Sema. U hekk, sakemm inkunu għadna
hawn, nixhdu għal Kristu bil-ferħ tagħna, bis-sliem tagħna, bl-Imħabba tagħna,
għax dawn l-affarijiet ma jeżistux għand id-dinja.
Din hija aspirazzjoni,
stennija, ambizzjoni qaddisa li għandha timliena b’sens ġdid għall-Ħajja. ’Il
bogħod minna l-“Insara” tal-gdiedem, dawk li jaħsbu li Alla jridhom ibatu hawn
biex igawdu n-naħa l-oħra. Dawn qatt ma
jistgħu ikunu XHIEDA għal Kristu, u jekk
mhumiex Xhieda mhumiex Insara għax l-għan ta’ Knisja ħajja hi li tixhed
li Kristu hu Ħaj illum u li kull min hu ngastat fih bil-Magħmudija li kibret
maż-żmien hu ngastat f’Ħajja li ma tintemm qatt!
Min il-ħin kollu jmarmar
kemm hu tqil timxi wara Kristu, għadu ma sabx l-Imħabba ta’ Kristu. Hu veru li mhux faċli timxi wara Kristu, imma
taħsbu intom li hu faċli tgħix f’din id-dinja selvaġġa mingħajr il-Fidi? Ħarsu madwarkom u araw ir-rabja,
il-frustrazzjoni, it-tħassib, il-piki, il-mibegħda, l-inġustizzji, il-biża’ ta’
dawk li jgħixu bla Alla.
Kristu ma ġiex fid-dinja
biex ineħħi s-Salib mill-Ħajja ta’ dawk li jemmnu fiH! Imma hu ġie biex jimlina bl-Imħabba tiegħu,
biex jikkonvinċina li aħna maħbubin minn Alla, li għal Alla jien u int niswew
id-Demm ta’ Ibnu. Meta nemmnu li aħna
maħbubin b’dan il-mod, aħna nistrieħu serħan li l-moħħ qatt ma ħaseb li jeżisti
u t-tbatija tieħu ħlewwa bl-Imħabba.
Kemm batejna għal uliedna u dan qisu xejn... Għax fejn hemm l-Imħabba l-bniedem jista’
kollox. Imma fejn il-bniedem ma jħossux
maħbub, allura kollox isir bil-fors, ligi, u jitqal għal mitt darba.
Min se jixhed għal Kristu
ħlief dawk li sabu, skoprew l-Imħabba ta’ Alla għalihom meta kienu
midinbin? Min ħasel riġlejn il-Mulej
bil-fwieħa? Min bkieH imdendel fuq is-Salib? Min kien l-ewwel li daħal fis-Saltna? Min kien l-ewwel li raH imqajjem
mill-Mewt? Min kien l-ewwel li xandar
lid-dinja l-Aħbar it-Tajba nhar Għid il-Ħamsin?
Dawn kienu nies żienja, ħallelin, minn dawk li tradewh għax ma ridux
ixellfu difirhom mal-awtorità minħabba fiH.
Dawn kienu kollha midinbin li esperjenzjaw li Kristu ħabbhom, u ħabbhom
tassew meta kienu għedewwa tiegħU. Hu
skużahom! Hu miet biex id-dnub tagħhom
ma jgħoddx!
Il-Fariżej u l-Qassisin
il-Kbar li kienu għorrief fil-Liġi imma mhux fl-għarfien tagħhom infushom,
qatlu lil Dak li ġie biex isalvahom.
Għalhekk li nikbru fil-Fidi jfisser li ngħarfu dejjem iktar aħna min
aħna... imma mhux biex nibqgħu hemm, imma biex imbagħad tiddi bħax-Xemx tiela’
l-Aħbar stupenda li Kristu jħobbna lil hemm mid-dnubiet kollha tagħna. Din l-Imħabba tnissel Imħabba reċiproka
f’sidirna li qatt ma bsarna li tista’ teżisti u ngħaddu biex inwettqu l-Opri li
l-Mulej ġa ħejja għalina li għandna nagħmlu.
Knisja magħmula minn nies
bħal dawn m’għandhiex għalfejn tkun kbira fin-numru; m’għandhiex għalfejn
ikollha setgħa u privileġġi; m’għandhiex għalfejn ikollha suċċess f’dak li
tagħmel. Ħaġa hu mitlub minnha: li tkun
melħ li ma qatax. Li, għax tħobb
b’Imħabba li mhix tagħha imma mogħtiha lilha, hi lesta tmut biex il-borma tieħu
togħma tajba.
Għall-Imħabba, din l-ideja
li tmut, bħall-Imgħallem, għall-oħrajn, ma tbeżżax. Għax tħobb.
Għax l-Imħabba taf li xejn ma jista’ joqtolha, li hi se tgħix għal
dejjem. Għax l-Imħabba hi Alla u jekk
inħalluha timlina bil-Fidi f’Ġesù, anke aħna, kif jgħidu l-Missirijiet
tal-Knisja, insiru Alla, bl-istess natura ta’ Alla. U dan kollu bi Grazzja, b’rigal mogħti lilna
midinbin, b’xejn. Għax min hu kapaċi
jasal għal din l-Imħabba bil-ponnijiet tiegħu?
Min hu kapaċi jixtriha? Min
jaħseb li jista’ jixtri l-Imħabba, ikun qed iżeblaħha.
L-Imħabba li tagħmilna
Insara “kbar”, adulti, maturi, veri, tiġi għandna bla ma jistħoqqilna, anzi
minflok il-kastig ta’ dnubna. Din hi
s-Sorpriża Qaddisa u stupenda tal-Misteru ta’ Kristu li triegħed l-infern. Din hi l-Opra, il-Miraklu Morali tal-Ispirtu
s-Santu. Ejjew nistennew ħwejjeġ kbar
mingħand Alla. Hu f’Alla biss li nistgħu
ngħidu: “Il-kbir għadu ġej!”
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum:
Qari I
Qiegħdu idejhom fuqhom, u huma rċevew
l-Ispirtu s-Santu.
Atti 8, 5-8.14-17
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Filippu niżel f’belt
tas-Samarija u xandar lil Kristu lin-nies tagħha. Il-folol tan-nies b’fehma
waħda kienu joqogħdu attenti għal dak li kien jgħidilhom Filippu, meta kienu jisimgħuh
u jaraw il-mirakli li kien jagħmel. Kien hemm nies maħkuma mill-ispirti ħżiena,
u dawn b’għajat kbir kienu joħorġu minn ħafna minnhom; u ħafna nies oħrajn,
mifluġa jew zopop, kienu jitfejqu. U kien hemm ferħ kbir f’dik il-belt.
L-appostli, li kienu Ġerusalemm, semgħu li
s-Samarija laqgħet il-kelma ta’ Alla, u bagħtu hemm lil Pietru u lil Ġwanni.
Dawn niżlu hemm u talbu biex dawk li emmnu jirċievu l-Ispirtu s-Santu; għax
l-Ispirtu s-Santu kien għadu ma niżel fuq ħadd minnhom, imma kienu tgħammdu biss
f’isem il-Mulej Ġesù. Imbagħad l-appostli qiegħdu idejhom fuqhom, u huma rċevew
l-Ispirtu s-Santu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 65 (66), 1-3a.4-5.6-7a.16.20
R/. (1): Għajtu bil-ferħ lil Alla,
bnedmin tad-dinja kollha
Jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Għajtu bil-ferħ lil Alla,
bnedmin tad-dinja kollha;
għannu s-sebħ ta’ ismu,
xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.
Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek!
R/.
L-art kollha tagħtik qima,
tgħannilek u tgħanni lil ismek”.
Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;
tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin. R/.
Biddel il-baħar f’art niexfa,
għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.
Għalhekk, nifirħu bih!
Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem. R/.
Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,
intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,
ngħidilkom x’għamel miegħi.
Imbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;
ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu! R/.
Qari II
Ġie mogħti għall-mewt fil-ġisem, imma ħa
l-ħajja fir-ruħ.
1 Piet 3, 15-18
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Għeżież, lill-Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom.
Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama
li għandkom. Imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett. Żommu safja l-kuxjenza
tagħkom biex, meta jgħidu fuqkom, dawk stess li jkasbru l-imġiba tajba tagħkom
fi Kristu jkollhom għalxiex jistħu. Jekk din tkun ir-rieda ta’ Alla, aħjar
tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin.
Għax Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba
d-dnubiet; hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla; kien
mogħti l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 14, 23
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid
il-Mulej;
u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru
għandu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jiena nitlob il-Missier, u hu jagħtikom
Difensur ieħor.
Ġw 14, 15-21
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli
tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U
jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom
għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la
tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa
fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma
taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad
tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena
fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min
iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili
nnifsi”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|