Din
hija il- Liturgija ta l-Erbatax il-Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa .hsibijiet min Joe Rapa .
Il-Vanġelu
u t-Testment il-Ġdid kollu, jieħu sens biss fil-kuntest tal-Qawmien; fl-isfond
tar-Rebħa dejjiema ta’ Kristu fuq il-Mewt tagħna, fuq kull tip ta’ Mewt li
tkerrħilna l-Ħajja. Kristu ma ġiex
fid-dinja biex ineħħi s-Salib mill-Ħajja tal-individwu, biex ifejjaq u jerġa’
jfejjaq lil kulħadd mill-mard u minn dak kollu li jġagħlu jbati. Imma huwa dawwal is-slaleb tagħna bis-Salib
tiegħu u rebaħ il-Mewt tagħna bil-Mewt u l-Qawmien tiegħU.
Imma
noqogħdu attenti! Ilkoll għandna bżonn nimxu dejjem aktar fil-Fidi f’dak li
wettaq għalina il-Mulej Ġesù. Għax huma
ħafna dawk li jgħidu li jemmnu u huma midħla ħafna tal-Knisja, imma xorta
baqgħu imwerwra quddiem il-Mewt u dejjem ħosbiena fuq il-Ħajja. Għaliex dan?
Jaqaw il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu m’għadux b’saħħtu quddiem
l-esiġenzi tal-Ħajja tal-lum? Jaqaw
l-Ispirtu s-Santu m’għadux dak ir-Riħ ivenven ikaxkar kollox, dak in-Nar li
jsir Ħuġġieġa f’qalb min jemmen, dik iż-żiffa ħelwa li tkebbek fil-qilla tal-prova?
Aħna
lkoll l-istess u ħadd mhu jiġġudika lil ħadd.
Aħna lkoll bnedmin dgħajfa li għandna bżonn il-Grazzja. L-għemejjel tagħna, l-isforzi tagħna,
l-intenzjoni tagħna m’humiex biżżejjed.
Kristu għandu bżonn jikber iktar fina u għandna nkunu konxji ta’
dan. Għax il-Vanġelu hu meraviljuż għan-Nisrani
imma hu taċ-ċajt għad-dinja. Hu
tal-għaġeb u prova tal-Imħabba tal-Missier għan-Nisrani, imma hu Liġi iebsa
erba’ darbiet aktar mil-Liġi ta’ Mosè għal min hu sempliċement “reliġjuż” u
qatt ma ġie mdaħħal tassew fil-Fidi Nisranija.
Dan
mhu tort ta’ ħadd, imma tibda tifhem l-għala ħafna nies ikejlu dak li jagħtu
lil Alla: quddiesa ta’ 45 minuta eżatti nhar ta’ Ħadd u mbagħad ġimgħa sħiħa
neqsin 45 minuta għall-Ħajja normali, bħal dik tal-annimali li wkoll għandhom
il-familji tagħhom, irabbu bħall-bnedmin, u jmorru jaħdmu biex jakkwistaw
l-ikel għal-frieħ tagħhom.
Għaliex
waqt li l-Vanġelu jitkellem fuq il-“Ħajja” ħafna jaħarbu jiġru ’l hemm għax jaħseb
li se tinsterqilhom xi ħaġa, jgħidu li hu esiġenti u dak li hemm fih jgħodd
għal Ġesù Kristu u għal xi wieħed f’għoxrin elf imma mhux għall-bniedem
normali. Ma tistax tagħti l-Vanġelu lil
min għadu ma daqx tassew il-Qawmien ta’ Kristu f’Ħajtu. Meta Kristu jitkellem fid-Diskors
tal-Muntanja dwar li ma ttella’ lil ħadd il-Qorti, dwar li lil min jisirqek
tagħtih anke dak li ma seraqlekx, biex tħobb lill-għadu, biex lill-ħażin li hu
nġust miegħek ma tiqaflux, biex ma torbotx qalbek mal-flus u ma taħsibx
għall-quddiem imma tgħix illum u ħallik mill-għada, u tant u tant ħwejjeġ oħra
ta’ barra minn hawn, dawn Hu qed jgħidhom biex jurina kif jgħixu dawk li huma
ċerti li mhuma se jmutu qatt, li din il-Ħajja t’hawn hi biss qatra f’ocejna
enormi ta’ Ħajja bla tmiem għax emmnu fil-Qawmien ta’ Kristu b’tali mod li din
il-Fidi kkonvinċiethom li Kristu ma qamx għaliH innifsu imma għalihom. Kristu tqabad mal-Mewt u rebaħha għalija u
għalik!
Din
kienet il-Missjoni epokali li għaliha Missieru bagħtu fid-dinja. Għal min għandu l-Qawmien, l-Evanġelju hu
tassew l-Aħbar it-Tajba, l-Aħbar waħdanija li hi setagħna biżżejjed biex
tbiddel il-qalb tiegħi, tiegħek, tad-dinja.
L-ebda politika m’għandha s-setgħa li għandu l-Qawmien mill-Mewt ta’
Kristu meta dan il-fenomenu jidħol f’qalb il-bniedem bil-Fidi. Il-bniedem li hu ċert li mhu se jmut qatt,
anzi għandu Ħajja eterna fit-tgawdija ta’ Alla quddiemu, dan il-bniedem jiflaħ
ma jirreżistix għall-inġustizzji, ma jpattix id-deni b’deni, jħenn għal min hu
ħażin, jagħti dejjem milli għandu, ifaħħar lil Alla anke meta l-Ħajja t’hawn
tgħaddih minn xi wied ta’ dmugħ. Il-Vanġelu
huwa l-Ktieb ta’ dawn in-nies. Aħna
għandna nixxennqu li nikbru fil-Magħmudija tagħna biex ikun il-Ktieb tal-Ġmiel
tagħna wkoll. Lejn dan trid twassalna
l-Knisja.
Il-Profeti
tal-Antik Testment kienu jilmħu mill-bogħod lil dan il-poplu qaddis u qalbhom
kienet timtela bil-ferħ. Min se jifhem
it-trijonf ta’ Kristu f’Ħadd il-Palm waqt li riekeb fuq ħmar jekk mhux
il-Bniedem Ġdid? Dan il-bniedem ġdid
mhux xi superman, aħjar mill-oħrajn, qaddis minn twelidu. Alla ma ħarisx mis-sema u ra min huma dawk li twieldu
“kwieti” u “mhux tat-trouble” u beda jaħdem magħhom. Il-kontra. L-aktar li ħabbewh kienu nies
ħalliela u nġusti bħall-pubblikani, oħrajn ta’ skandlu bħan-nisa tat-triq, oħrajn li ma kellhomx moħħ u ħin
għas-sinagoga bħar-ragħajja u s-sajjieda, u l-ewwel wieħed li daħal il-Ġenna kien kriminal imsallab
miegħU. Dawn kollha kienu “mejta”;
messew ma’ Kristu u daħlu f’Ħajja Ġdida.
In-Nisrani
veru hu bħal ħaddieħor li rċieva ħafna mingħand Alla bi Grazzja. Hu ma jgħixx skont il-ġisem mhux għax hu
aħjar minni u minnek imma għax hu daq il-Qawmien. Il-Qawmien ta’ Kristu sar il-Qawmien tiegħu
ukoll! Dan hu l-għaġeb
tal-Kristjaneżmu. Temmen int li dan
jista’ jseħħ fik?
San
Pawl jgħid: “Intom ma tgħixux skont
il-ġisem, imma skont l-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar
fikom. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem
lil Ġesù jgħammar fikom, dak stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem
għall-ħajja wkoll il-ġisem tagħkom li jmut, bis-saħħa tal-Ispirtu tiegħu li
jgħammar fikom.” (Rum. 8, 9w). Huwa
dan li hemm bżonn tippriedka u terġa’ tippriedka l-Knisja: l-Aħbar it-Tajba li
hi l-bażi ta’ kollox. Tirrepetiha u
terġa’ tirrepetiha għax tant hi tal-għaġeb li hi kontra n-natura tal-bniedem li
jemmen tassew f’qiegħ qalbu li l-Mewt mhix għalih għax hu salvat minn
Kristu.
Alla
ma poġġiex lill-Knisja f’nofs dinja mwerwra mill-Mewt biex toqgħod tippriedka
x’inhu t-tajjeb u l-ħażin biss. Iktar
minn hekk, ħafna iktar minn hekk, il-Missjoni tal-Knisja, id-Dawl tal-Knisja hu
li tixhed li Kristu rebaħ il-Mewt, Hallelujah!
Min ma jemminx dan, imut tassew, imma min jemmen isir ħaġa waħda ma’ dak
li jemmen fih u jgħix, anke hu, għal dejjem.
Għal
min mhux magħżul, dan hu taċ-ċajt. Imma
għaċ-ċkejknin, din l-Aħbar tbiddlilhom ħajjithom. Ġesù
qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, talli inti dawn
il-ħwejjeġ ħbejthom lil min hu għaref u lil min jifhem, u għarrafthom lil min
hu ċkejken. (Mt. 11, 25). Meta jħares lejna, Ġesù ma jarax nies
ħżiena, imma nies imsejkna li għandhom bżonn jinħelsu mill-inkwiet u
l-biża’. Għalhekk jgħid: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu
imħabbtin u mtaqqlin, u jien nserraħkom.”
(Mt. 11, 28).
Altru
li mhux madmad tqil il-Vanġelu!
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
Qari
I
Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek ġust u
rebbieħ.
Żakk 9, 9-10
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Żakkarija
Dan jgħid il-Mulej:
“Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon,
għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm!
Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek;
ġust u rebbieħ,
umli u riekeb fuq ħmar,
fuq felu ta’ ħmara.
Hu jeqred il-karru minn Efrajm
u ż-żiemel minn Ġerusalemm;
jinqered il-qaws tal-gwerra.
Hu jxandar il-paċi lill-ġnus,
il-ħakma tiegħu tkun minn baħar sa baħar,
u mix-xmara tal-Ewfrat sat-trufijiet”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm
Responsorjali
Salm 144 (145), 1-2.8-9.10-11.13cd-14
R/. (1): Mulej, inbierek ismek għal dejjem
Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,
u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem. R/.
Twajjeb u ħanin il-Mulej,
idum biex jagħdab u kollu tjieba.
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kull ma għamel. R/.
Kull ma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.
Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Iwieżen il-Mulej lil kull min se jaqa’,
iqajjem lil kull min hu mitluq. R/.
Qari
II
Jekk tmewtu bl-Ispirtu l-għemil tal-ġisem,
tgħixu.
Rum 8, 9.11-13
Qari mill-Ittra ta’ San
Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem,
imma tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd
ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu. Jekk l-Ispirtu ta’ dak
li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu
mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa
tal-Ispirtu li jgħammar fikom.
Hekk mela, ħuti, aħna m’aħniex midjunin
mal-ġisem biex ngħixu skond il-ġisem. Għax jekk tgħixu skond il-ġisem, tmutu;
imma jekk tmewtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni
qabel l-Evanġelju
Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom
liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jien ta’ qalb ħelwa u umli.
Mt 11, 25-30
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti
dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom
liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili
minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma
jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u
mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni,
għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax
il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|