Din hija il- Liturgija tal-Hmistax il-Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa .
L-Ewkaristija
ta’ dan il-Ħadd tiftaħ bl-Antifona tad-dħul meħuda minn Salm 17 li tgħid: “Imma jien fil-ħaqq għad nara lil wiċċek;
meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.”
(S. 17, 15). Hija l-għajta
tal-bniedem tal-Fidi li l-fallimenti u d-diżappunti u t-traġedji tal-Ħajja
tassew li assedjawlu l-Fidi tiegħu u ħabbtuh u ġarrbuh, imma ma ċediex għax
it-twemmin tiegħu kien mibni fuq is-sod.
Huwa jibqa’ jittama fl-Imħabba ta’ Alla u jibqa’ nnamrat miegħU anke
jekk l-għadu jinterpretalu l-Istorja biex jikkonvinċih li kollox hu kwistjoni
ta’ xorti u kumbinazzjonijiet.
L-Istorja
neżżegħtu mix-xewqat materjali, mill-pjanijiet tiegħu... l-idoli tiegħu kollha
waqgħu wieħed, wieħed u issa hu mneżża’ għal kollox u d-dinja hi msallba għalih u hu għad-dinja (Gal. 6, 14) kif jgħid
San Pawl. Iżda dan il-fqajjar hu għani,
tassew għani, għax hu jħobb lil Alla u xewqa waħda għad baqagħlu: li jara
l-Wiċċ jiddi tal-Imħabba ta’ Alla. Kollox għosfor, imma issa jaf li dak kollu
li kien jidher ikrah, dak kollu li ġagħlu jissuspetta fil-fedeltà ta’ Alla kien
xogħol l-Imħabba, xogħol Alla li welldu mill-ġdid u għamlu bniedem ħaj għal
dejjem. Dan il-bniedem tilef kollox imma
rebaħ kollox għax mat-telfien tal-ħwejjeġ tad-dinja huwa ħaddan miegħu r-Rebħa
fuq il-Mewt li rebaħ għalih Kristu.
Dan
hu l-għana veru li Kristu mqajjem mill-Mewt joffrilna. Ma joffrilniex ħwejjeġ li jgħaddu, li
jiqdiemu, li jitmermru u jissaddu, imma joffrilna r-Rebħa fuq il-Mewt,
il-ħelsien mill-biża’ tal-Mewt, is-sigurta ta’ Ħajja li mhi se tintemm qatt
minħabba fil-Fidi fiH. U minn fejn tiġi
din il-Fidi li hi bħal blata f’nofs ta’ baħar li l-mewġ iżwed idur u jistabat
magħha bla ma jagħmlilha xejn? Il-Fidi
tiġi mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla.
Il-Kelma
ta’ Alla hi l-iktar qawwa setagħna li teżisti fl-univers. Hi l-qawwa waħdanija
li kapaċi tibdel il-qlub żonqrija, tibdel popli sħaħ, tagħmel politika
vera. B’Kelma, Alla ħalaq kollox. Hu qal: “Ħa
jkun id-dawl.” U d-dawl sar. (Ġen. 1,
3). Il-Kelma hi l-isperma
tal-Ispirtu s-Santu li tagħmel li l-bniedem li jismagħha u jemminha joħroġ tqil
b’Ġesù Kristu. Fil-bniedem iseħħ eżatt
dak il-Misteru li seħħ f’Marija. Quddiem
il-Kelma ta’ Alla li wasslilha l-Messaġġier, hi ma twebbsitx; hi laqgħetha u lissnet:
“Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa
jsir minni skont kelmtek!” (Lq.1,
38). U hi ħarġet tqila mhux
bl-intervent ta’ bniedem imma b’dak tal-Ispirtu s-Santu. Bis-saħħa tiegħU, il-Kelma li Marija semgħet
iffekondatha.
L-istess
jiġrilu n-Nisrai li jemmen il-Kelma li tgħidlu li: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min
jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.” (Ġw. 3, 16).
In-Nisrani jemmen li hu tant hu maħbub minn Alla li Hu ħolom bih sa
minn qabel beda jaħlaq id-dinja, li Hu bagħat lil Ibnu biex jaħtfu (lill-bniedem)
minn ħalq il-Mewt u jsalvah għal dejjem permezz tal-Misteru tal-Għid li Hu
għex. Mhux irħisa kienet din
is-salvazzjoni b’risq tiegħi u tiegħek.
Dak li ma kienx jaf x’inhi l-Mewt, għax kien Alla, libes laħam li jmut
bħal tagħna u bata bih, u daħal bih fil-Mewt, u rebħilha! B’ġisem bħal tagħna rebħilha, biex jekk
nemmnu, anke aħna nittamaw fir-rebħa fuq il-Mewt. Anzi l-Ispirtu tiegħU ġewwa fina
jikkonvinċina minn dan, jixhed għalina, jaċċertana li Hu huwa l-garanzija
tal-Ħajja ta’ Dejjem.
Dan
hu l-bniedem li jitwieled mill-ġdid bil-Kelma.
Hu jemmen il-Kelma ta’ Alla u din il-Kelma toqtol ġewwa fih in-natura
beżżiegħa u egoista li hu wiret minn Adam, u minflokha jilbes in-natura ta’ Kristu nnifsu! Dawn il-ħwejjeġ huma tal-għaġeb. Tant huma tal-għaġeb li ftit li xejn jgħoddu
l-merti tagħna, imma jgħoddu ħafna l-merti ta’ Kristu li bata, miet u rebaħ
il-Mewt għalina. Min hu kapaċi jibdel
lil qalbu? Min hu kapaċi jibdel l-istess
natura tiegħu? Min hu kapaċi jerġa
jwelled lilu nnifsu u jibdel lilu nnifsu f’persuna oħra totalment
differenti? Din l-Opra jagħmilha biss
Kristu, bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu. Il-Grazzja hi kollox! Bħala Nsara li għadna “tfal” fil-Fidi,
għandna nixxennqu u noħolmu u nitolbu b’qalb sinċiera biex dawn l-affarijiet
iseħħu fina.
Jekk
nibqgħu “Insara” tal-isforzi u tal-gdiedem, “Insara” tad-dwejjaq u tal-qtigħ
il-qalb, żgur fuq li hu żgur li ma nistgħux inkunu xhieda, reklam għal Kristu
quddiem id-dinja. Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied
Alla. (Rum. 8, 19). Hekk jgħid S. Pawl fit-Tieni Qari
tal-lum. Id-dinja mhix kuntenta,
anzi. Hija mejta, bla ruħ, b’kilba fuqha
biex tgħix imma ma tafx fejn tinsab il-Ħajja.
Id-dinja tfittex il-Ħajja fiż-żina, fil-flus, fil-poter, fis-suċċessi,
fil-kumdita, fis-saħħa... imma fejn hi
din il-Ħajja, dan is-Sliem, dan is-serħan il-moħħ? Aħna
nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu
biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll
nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’
ġisimna. (Rum. 8, 22-23).
Il-ħolqien
jistenna li jara b’għajnejh lil ulied Alla, lill-Insara li mxew ’il quddiem
fil-Fidi, jara nies li jissorprendu lid-dinja bl-għaqda ta’ bejniethom u
bl-Imħabba fil-qjies tas-Salib, jiġifieri Imħabba lejn l-għadu li
jippersegwitahom. Dawn iż-żewġ sinjal ma
jista’ “jikkopjahom” ħadd. Jew għandek
il-Fidi adulta jew m’għandekx. Jew jgħix
Kristu fik jew le.
Iżda
dan il-Misteru mhux awtomatiku li jseħħ.
Aħna, li aħna frott l-Imħabba, aħna liberi għax magħmulin
mill-Imħabba. L-Imħabba ma tisforza lil
ħadd. Hi tenera u sensittiva. Fejn mhix milqugħa, twarrab imnikkta. Jien nista’ niġi naqa’ u nqum minn dan kollu,
nintrabat ma’ dak li toffri d-dinja u niżżewweġ lil-Mewt minflok lil-Ħajja. Jien dan nista’ nagħmlu, u huma ħafna li
jagħmluh.
Għalhekk
il-Messaġġier ta’ Alla hu bħal bidwi li ħareġ iferrex ’l hawn u ’l hinn
iż-żerriegħa tal-Kelma. Jekk il-Kelma ma
taqax f’art tajba li tħaddanha fiha nfisha, hi ma tagħmilx il-frott tat-Twelid
Ġdid. Kollox jibqa’ għaddej kif kien
qisu ma ġara xejn. Imma hienja dawk li, b’qalb imħejjija
mill-aħjar, iżommu fihom il-kelma ta’ Alla u jagħmlu l-frott billi jżommu sħaħ
fil-fehma. (Lq. 8, 15).
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Ix-xita ġġiegħel l-art tnibbet.
Is 55, 10-11
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Dan jgħid il-Mulej:
“Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet,
u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu
l-art,
imma jġegħluha tnissel u tnibbet,
u tagħti ż-żerriegħa lil min jiżra’ u l-ħobż lil
min jiekol,
hekk jiġri minn kelmti:
hija toħroġ minn fommi,
u ma terġax lura vojta,
imma tagħmel dak li jogħġob lili,
u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 64 (65), 10abcd.10e-11.12-13.14
R/. (ara Lq 8, 8): Iż-żerriegħa waqgħet f’art
tajba, u għamlet il-frott
Inti żżur l-art u ssaqqiha,
u tagħniha bil-ġid tiegħek.
Il-wied ta’ Alla mimli bl-ilma,
il-qamħ tagħhom ħejjejtilhom. R/.
Hekk int tħejjiha:
issaqqi r-raddiet u twitti t-tub tagħha,
bl-irxiex trattabha u tberkilha ż-żrieragħ.
Fawwart is-sena bi tjubitek,
triqatek bil-ġid joqtru. R/.
Joqtru bin-nida l-mergħat tad-deżert,
u bil-ferħ jitħażżmu l-għoljiet.
Il-mergħat jimtlew bl-imrieħel,
il-widien jinksew bil-qamħ;
jgħajtu lkoll u jgħannu bil-ferħ! R/.
Qari II
Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew imxennqa
d-dehra ta’ wlied Alla.
Rum 8, 18-23
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, jiena għadni persważ li t-tbatijiet ta’
issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina. Il-ħlejjaq
kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla; għax il-ħolqien
jinsab taħt il-frugħa - mhux minn rajh, imma minħabba dak li xeħtu taħtha –
bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta’ wlied
Alla.
Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa
jitniehed bl-uġigħ tal- ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna
l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel
l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
Iż-żerriegħa hi l-Kelma ta’ Alla
u l-bidwi hu Kristu:
kull min isib lilu, għandu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Wieħed bidwi ħareġ jiżra’.
Mt 13, 1-23
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar
u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu
jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq
ix-xatt, u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.
U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’.
Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija, ġew l-għasafar u naqqruhom
kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u
malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u
nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk
kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min
mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.
Resqu lejh id-dixxipli u staqsew: “Għaliex
tkellimhom bil-parabboli?”. Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri
tas-Saltna tas-Smewwiet, iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Għax kull min għandu,
jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra
dak li għandu. Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu
ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. U hekk isseħħ fihom
il-profezija ta’ Isaija li tgħid,
“Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,
u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.
Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset;
kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom,
u għalqu għajnejhom
li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom,
u jisimgħu b’widnejhom
u jifhmu b’moħħhom,
u hekk ibiddlu ħajjithom
u jiena nfejjaqhom”.
Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin
jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta
profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u
jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom, u ma semgħuhx!
Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li
ħareġ jiżra’. Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq
il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’
mal-mogħdija. Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-kelma u
jilqagħha minnufih bil-ferħ; imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk
ftit idum; imbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u
malajr jitfixkel. Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda
l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu
l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa
dak li jisma’ l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel
mija, dak sittin, u l-ieħor tletin”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|