Din hija il- Liturgija tas-Sbatax il-Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-kelma “reliġjon” hi kelma għażiża għal ħafna, imma
bosta oħrajn jiddarsu biha. B’reliġjon
huma ma jimmaġinaw xejn ħlief sagrifiċċji, kmandamenti, sforzi, ċaħdiet u ħin
sagrifikat. Fuq kollox jaħsbu li
r-“reliġjon” tpoġġi quddiemek sistema ta’ morali li hi mpossibbli għall-biedem
li jfassal ħajtu fuqha, imma se jkun iġġudikat fuqha. Fit-tmintax-il seklu fi Franza bdiet l-imxija
tal-“illuminiżmu”, filosofija li għeżżet is-sistema reliġjuża tal-kontinent
Ewropew u nidiet kultura moderna anti-reliġjuża, anti-moralista,
anti-klerikali... f’kelma waħda anti-kollox li għandu riħa ta’ Knisja.
Għal ħafna dan kien “ħelsien”. Illum, il-ġnus, ingannati minn karikatura
falza tal-Kristjaneżmu u ta’ Kristu, qed jaħarbu jiġru mill-Knisja, u anke
mill-Knejjes Protestanti. Hawn qed
nirreferu għall-ġnus tal-Punent, speċjalment tal-Ewropa, il-benniena
tal-Kristjaneżmu. X’ġara biex il-ġmiel
tal-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu qagħad fuq l-istonku tal-Ewropa li issa qed
tirremettih ’il barra? Kif Aħbar Tajba
setgħet qatt issir katina li l-bniedem ried iqaċċat minn madwaru?
L-Istorja hi twila u huwa tqil titkellem fuqha fi ftit
versi, imma hemm bżonn niddawlu ftit biex nifhmu l-problemi li għandha l-Knisja
fil-Punent, u ma rridux ninsew li aħna qegħdin fil-Punent ukoll. Fl-ewwel tliet sekli, kull min kien Nisrani
kien sar hekk għax emmen il-Kerigma, il-predikazzjoni mqanqla u qawwija dwar
l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Ġesù. Din
l-Aħbar tgħid li Alla hekk ħabb
lid-dinja li hu bagħat lil Ibnu l-Waħdieni biex min jemmen fih ma jintilifx
imma jkollu l-Ħajja ta’ dejjem. (Ġw. 3, 16).
San Pawl jinżel fil-profond ta’ din l-Aħbar li taċċerta l-bniedem li
hu maħbub minn Dak li ħalqu u li l-Istorja tiegħu hi proċess ta’ Mħabba li
tintwera lilu. Kristu kien imħabbar
lill-midneb bħala l-Ħaruf li tgħabba bid-dnub sħiħ ta’ kull maħluq u daħal Hu
għall-kastig biex kull bniedem li jemmen isir iġġustifikat, magħmul ġust mhux
bl-opri tiegħu imma bil-merti ta’ Kristu miksuba fil-Mewt u l-Qawmien tiegħU.
Biex tispjega dan kollu b’mod sħiħ, il-Knisja kienet
tagħmel katekumenat ta’ madwar xi erba snin u mbagħad il-katekumenu kien jersaq
għall-Magħmudija, jekk jaċċettah l-Isqof.
Il-Magħmudija bl-immersjoni kienet tkun it-tmiem tal-katekumenat ta
tħejjija għall-adult. Sadanittant
il-Fidi dejjem tikber tagħmel li dak li
jidher minn barra fis-sinjali tal-Magħmudija, jkun qed iseħħu tassew fih. Hekk il-bniedem tad-dnub jegħereq fl-ilmijiet
tal-Ispirtu s-Santu u midfun ma’ Kristu, jerġa jqum miegħu ukoll bħala bniedem
ġdid. Imma dan ried jidher mill-mod ta’
Ħajja. Kristu mhux teatrini! Jekk fik hemm Kristu, int twettaq l-Opri ta’
Kristu. Kienu s-sinjali tal-għaqda u
l-imħabba l-iktar li kienu jiġbdu lill-pagani lejn il-Knisja.
Kien żmien ukoll ta’ persekuzzjoni. Meta l-Knisja kellha Fidi qawwija mmens fi
Kristu, dejjem kellha persekuzzjonijiet qawwija. Ma Kostantinu din it-tbatija waqfet. Beda żmien ġdid. Il-Kristjaneżmu, bil-mod il-mod sar
ir-reliġjon tal-Istat. Hi kurjuża kif
l-ewwel Insara ma kinux iħarsu lejn l-Aħbar ta’ Kristu bħala reliġjon imma xi
ħaġa aqwa minn reliġjon, xi ħaġa li tmur lil hemm minn reliġjon. Infatti r-Rumani kienu jattakkaw lill-Insara
bħala “ateji” li ma jemmnux fl-allat u li saħansitra kienu qed jisfrattaw
il-familji. X’ħin toqgħod tqis kollox,
iż-żewġ akkużi kienu minnhom għax fl-allat ma kinux jemmnu, u ħafna familji
sfaw mifruda, kif ħabbar Kristu, meta xi membri minnhom kienu jikkonvertu u
oħrajn le.
Ma’ Kostantinu, il-poplu daħlu alenija fil-Knisja. Ħafna b’intenzjoni ħażina. Il-Knisja ma setgħetx tlaħħaq biex tagħmel
Katekumenat ma’ kulħadd, u dan bil-mod il-mod inqata’ u kulħadd beda jiġi
mgħammed bit-tama li jiġu edukati għall-Fidi wara. Dawn il-pagani ġabu magħhom
‘mindset’, mod ta’ kif jaħsbuha, pagan.
Flok l-istatwi tal-allat għamlu dawk ta’ Kristu imma ftit li xejn
inbidlu fil-qalb. Baqgħu jaħsbu li lil
Alla trid togħġbu biex iħobbok, trid tofrilu s-sagrifiċċji, trid tagħmel ħiltek
kollha biex issalva lilek innifsek, u jekk tidneb b’mod serju ħoll
xagħrek u ġib iż-żejt. Fl-allat antiki
ma kinux jilmħu l-Imħabba li wasslet lill-Iben ta’ Alla jitla’ fuq salib biex
ipatti hu għad-dnub tal-bniedem, u issa sabuha bi tqila mmens biex jemmnu
l-Aħbar it-Tajba. Din l-Aħbar irreduċiet
ruħha f’”reliġjon” ftit li xejn differenti minn ta’ qabel, esiġenti, prepotenti
u Alla sar ibeżża’.
Qajla qajl bdejna nitbegħdu mill-oriġini. Imma Alla kien iqanqal f’kull żmien nies li
għarfu li Kristu mhux madmad imma Teżor moħbi.
Dawn kienu jwettqu ħwejjeġ li kienu jidhru tal-ġenn għad-dinja pagana/“mgħammda”. Seħħet l-imxija tal-ħarba lejn id-deżert,
l-aktar tal-Eġittu fejn numru kbir ta’ Nsara “veri” bdew jgħixu bħala eremiti,
waħedhom jew fi gruppi żgħar biex ikunu jistgħu jibnu ambjent Nisrani
awtentiku. Wara dawn kien hemm
il-qawmien straordinarju tal-monasteri mal-Ewropa kollha, fejn mill-ġdid seħħ
il-fenomenu ta’ “ħarba mid-dinja” li uffiċċjalment kienet “Kristjana”.
Dan kollu qed ngħiduh għax illum it-tema tal-Liturġija
tal-Kelma fl-Ewkaristija hi li Kristu, li d-dinja tibża’ minnU, li d-dinja
taħseb li se jeħdilha l-ħelsien u l-gost tal-Ħajja, dan Kristu fil-fatt hu Teżor! Huwa s-sens tal-eżistenza ta’ kollox, hu dak
li jagħti sens lill-Istorja tiegħek.
Kulma tinsab għaddej minnu int, sabiħ jew ikrah hu Misteru li jgħaġnek
biex tkun tista’ tilqa’ dan it-Teżor.
Ħafna jgħaddu Ħajjithom kollha jikkumbattu dan il-proċess tal-Missier u
hekk jirvinaw Ħajjithom u Ħajjet
ħaddieħor. In-Nisrani veru hu dak li
skopra din is-Sorpriża tal-għaġeb. Bħal
dak li sab li fl-għalqa ta’ maġenbu kien hemm teżor moħbi u mar biegħ kulma
kellu biex jixtriha u jibda jħaffer, hekk għamlu ħafna nies li kienu rashom
iebsa fid-dnub, u mimlijin preġudizzji fuq il-Knisja. Kemm konverżjonijiet iseħħu kuljum!
Bħalma dejjem ngħidu: il-Grazzja trid tkun. Kristu jgħid ċar u tond: “Ħadd
ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja.” (Ġw. 6, 44).
Altru li mhux qed nagħtu xi ħaġa lil Alla aħna, imma messna
nitkarrbu quddiemU biex jagħtina l-Grazzja l-Kbira li ngħarfu l-ispettaklu
tal-Imħabba li hemm fi Kristu għalina!
Hu ċar li ħadd, ħadd u ħadd minna ma jistħoqqlu din il-Grazzja,
imma bħall-mistagħġeb tal-presepju, min isib lil Kristu jibqa’ skantat,
imbellaħ u maħsud bl-għana bla tmiem li jkun irċieva biH.
Salamun mess ma din ix-xorti, imma bl-għerf kollu tiegħu,
aħna xxurtjati iktar minnu għax hu ma kienx jaf x’inhu l-Għid tal-Mulej. Henjin aħna jekk qed inħossu l-għatx għal
Kristu għax dan hu sinjal li l-Missier irid li aħna niskopru l-Imħabba tiegħu
li dehret f’Ibnu. Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex
jieħdu sura xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk
li ippredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom
ukoll; lil dawk imbagħad li iġġustifikahom, sebbaħhom ukoll. (Rum. 8, 29-30). Biex sebbaħhom? Bil-Ħajja għal dejjem li tibda minn
hawn!
X’differenza minn dak li
jaħsbu ħafna nies, anke li jmorru l-Knisja.
Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Qiegħed nagħtik moħħ
għaref u għaqli.
1 Slat 3, 5.7-12
Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien f’Gibgħon
il-Mulej deher lil Salamun fil-ħolm bil-lejl. “Itlobni x’nagħtik”, qallu Alla.
U wieġbu Salamun:
“Mulej, Alla tiegħi, lili, qaddej tiegħek, għadek kemm qegħedtni sultan flok
David missieri. Iżda jiena għadni daqsxejn ta’ żagħżugħ, bla ma naf mnejn
għandi ngħaddi. Il-qaddej tiegħek sab ruħu f’nofs dan il-poplu li int għażilt,
poplu hekk kotran li ħadd ma jista’ jgħoddu jew iqisu. Agħti, għalhekk,
lill-qaddej tiegħek moħħ ħafif biex jifhem, biex jista’ jmexxi l-poplu tiegħek,
u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin; għax inkella min jasal biex imexxih, dan
il-poplu tiegħek ta’ kotra hekk kbira?”.
Il-Mulej
ħa gost li Salamun talab dil-ħaġa. Għalhekk qallu Alla: “Ladarba tlabt din
il-ħaġa, u ma tlabtnix għomor twil, jew għana, jew il-ħajja tal-għedewwa
tiegħek – iva, talli tlabt li tagħraf tifhem kif għandek tmexxi – hawn jien se
nagħmel kif għedt int. Qed nagħtik moħħ għaref u għaqli, hekk li ħadd qablek ma
kien hawn bħalek, u anqas warajk ma jkun hawn”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 118 (119), 57.72.76-77.127-128.129-130
R/. (97a): Kemm inħobbha l-liġi tiegħek,
Mulej
Mulej, dan hu sehmi,
li nħares il-kelma tiegħek.
Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok
mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda. R/.
Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi,
skond il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek.
Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja;
għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi. R/.
Għalhekk inħobb il-kmandamenti tiegħek,
aktar mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin.
Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti tiegħek,
u nobgħod kull triq qarrieqa. R/.
Tal-għaġeb huma l-preċetti tiegħek,
għalhekk tħarishom qalbi.
It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl,
ifiehem lil min ma jafx. R/.
Qari II
Ippredestinana biex nieħdu
sura xbieha ta’ Ibnu.
Rum 8, 28-30
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti,
aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skond
il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.
Għax
lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura
fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li
ppredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll;
lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.
Mt 13, 44-52
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
F’dak iż-żmien Ġesù qal
lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed
raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik
l-għalqa.
Tixbah ukoll is-Saltna
tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa
ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.
Tixbah ukoll is-Saltna
tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta
timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li
jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu
jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun
hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.
|