Din hija il- Liturgija tat-Tmintax il-Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Fidi
fil-Mulej Ġesù rebbieħ fuq il-Mewt, fuq il-Mewt tiegħi u tiegħek, mhix xi dmir
li Alla jesiġi minna, mhix xi ħaġa li l-bniedem “suppost” jirregala lil Alla
għax min jaf x’jista’ jiġrilu.
Ir-relazzjoni tagħna mal-Mulej ma jistax ikun li tibqa’ mibnija fuq
drawwiet, kultura, “għax hekk mgħalllmin”.
Alla m’għandux bżonn l-isforzi miskina tiegħi, il-bżonn li jien għandi
li niffirma kuljum ċetifikat ta’ kondotta tajba billi nagħmel xi ħaġa li naħseb
li Alla għandu bżonnha. Saħansitra, Alla
lanqas għandu bżonn li jien inkun “tajjeb” biex iħobbni u jgħinni fit-tagħbija
ta’ kuljum. Dawn l-affarijiet, dawn
l-imbuttaturi mhumiex “Fidi” anke jekk ħafna jaħsbu li huma hekk. Dawn huma “reliġjożità naturali”, il-bżonn
tal-bniedem li jipprova jogħġob lil Alla biex jimpressjonah, jagħmlu ħabib
tiegħu u jġibu favur tiegħu biex jagħtih dak kollu li għandu bżonn għal din il-Ħajja
ta’ hawn.
Lil
dan il-bniedem ma tantx jinteressah li jkolli intimità ma’ Alla. Jinteressah biss li hawn ma jbatix, ma jismax
b’aħbarijiet ħżiena u li ma jmurx jintilef jekk, “għalli jista’ jkun”, hemm Ħajja oħra
wara din. Meta jidher is-Salib fil-Ħajja
tiegħu, jarma jgerger kemm jiflaħ u ma jistax jifhem x’għamel ħażin biex kien
jistħoqqlu dan. Meta ma nirċevux
“il-paga” mingħand Alla, kif igħid San Pawl, għall-isforzi u s-sagrifiċċji
tagħna, nitħawdu għall-aħħar u narmaw ngħiru għal dawk li ma jagħtux kas ta’
Alla u, Alla jbierek, mhumiex mgħobbija daqsna.
Hemm
bżonn li jien u int niskopru xi ħaġa ġdida fil-Ħajja tagħna! Dehra ġdida ta’ Alla li twettaq rivoluzzjoni
mentali u fil-qalb. Hemm
bżonn li nġarrbu l-esperjenza stupenda tal-Vanġelu
tal-Ħadd li għadda, u li tant nies ġarrbuha, li nsibu t-Teżor li hu Kristu,
mirdum ġewwa fina taħt tant terrapien ta’ preġudizzji, idoli, tamiet fiergħa u
tħajjir tan-natura. Alla mhux Xi Ħadd li trid tissodisfaH, imma hu Xi
Ħadd li jrid jagħtik, jagħtik, u jibqa’ jagħtik!
Ngħiduha
kif inhi, aħna għandna ġuħ ġewwa fina li twelidna bih. Fl-aħħar mill-aħħar ħadd mhu aħjar minn ħadd
f’din il-ħaġa. Dan hu ġuħ li ma xxebbgħux
bl-affarijiet li tixtri, lanqas b’kemm għandek fama, lanqas b’kemm int
b’saħħtek, lanqas b’kemm għandek affetti u b’kemm għamilt suċċessi u għolejt
fil-ħajja. Dawn huma kollha affarijiet
tajbin imma nitolbu minnhom dak li ma jistgħux jagħtuna. Meta dawn ifallu, nduru għad-dnub għax
l-egoiżmu tagħna li hu mnissel minn dan il-ġuħ misterjuż li jnawwar fina,
jimbuttana lejn l-inġustizzja, is-serq, il-qerq, iż-żina, l-għira
għall-proxxmu, l-piki.
Kemm
drabi ngħidu: “Imma dan x’jonqsu? Għandu kollox u dejjem irid iktar, dejjem
igerger, m’għandux xaba’!” Dan nistgħu
ngħiduh għalina nfusna wkoll... L-għaref
hu dak il-bniedem li d-dinja għallmitu, mill-esperjenza, li qalb il-bniedem hi
ikbar mill-univers. Dan hu l-misteru
tal-bniedem maħluq xbiha ta’ Alla. Hemm
vojt fina li għandu sura ta’ Xi Ħadd u hu biss din ix-Xi Ħadd li kapaċi jimlih
eżatt. Santu Wistin jgħid: “Alla ħalaqna
għaliH u ma nsibux mistrieħ jekk mhux fiH.”
Alla
niżel jgħammar fostna fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret biex nagħrfuh u niskopru
fiH l-ikel li waħdu kapaċi jaqta’ l-ġuħ għas-sens tal-Ħajjja. Fi Kristu biss tinsab il-milja tal-Ħajja. Huwa Hu l-Waħdieni li rebaħ il-Mewt li
toqtolna bil-ġuħ għal Ħajja li ma tintemmx.
Hu huwa l-għana li ħadd ma jista’ jisraqulna la b’dak li jgħidulna,
lanqas b’dak li jagħmlulna. Meta
l-bniedem iħalli lil Kristu jiġi għandu, mill-ewwel jinduna kemm kien baħnan
meta kien jaħseb li Alla hu Xi Ħadd li jesiġi li dejjem irid, li jiġġudika, li
jikkastiga, li jtaqqal il-Ħajja, li ma jridx li int tiftaħ moħħok... Min jiskopri lil Kristu jimtela b’ansjetà u
xewqa kbira li jaqsam dak li rċieva mal-oħrajn li għadhom imdallma u bil-ġuħ
kif kien hu stess qabel. Din hi l-qabża
li, bħala Knisja għandna bżonn nagħmlu flimkien, qabża minn reliġjożità
naturali, egoista u iebsa, għal relazzjoni ta’ Mħabba, ta’ skoperta, ta’
ntimità, ta’ Fidi li tiċċaralek li
kollox hu rigal, anke s-Salib.
Imma
l-iskoperta l-kbira hu l-Misteru tal-Għid.
Alla niżel hawn fi Kristu Ġesù
biex iterraq lejn Mewt kiefra, jidħol fiha, jaqsamha u jirbħilha biex juri lil
dawk li jemmnu fiH li l-Mewt hi Gidba, li l-Imħabba hi akbar, li l-ispirtu li
Alla ta lill-bniedem meta ħabbu u ħalqu
ma jistax joqtlu satana bl-għira tiegħu.
L-Imħabba ta’ Alla murija fi Kristu Ġesù hi ikbar mill-għira tax-xjaten
kollha. Hu jgħidilna: “Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma;
intom ukoll li m’għandkomx flus. Ejjew,
ixtru u kulu b’xejn, inbid u ħalib bla ħlas. Għaliex taħlu fluskom f’dak li
mhuwiex hobż, u ġidkom f’dak li ma jxebbax?
Isimgħu minni u tieklu tajjeb u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.” (Is. 55, 1-2). Hu saħansitra jitbaxxa billi jitkarrab
biex nagħtuh widen!! Hu qed joffri dan
kollu anke lil dawk li “m’għandhomx
flus”, jiġifieri li assolutament ma għandhomx x’jagħtu lil Alla... anzi
jindunaw li dak li mingħalihom kienu jagħtuH ma kienx ħlief karfa, knis. Kristu jrid jagħtina kollox b’xejn, imma aħna
rridu naċċettawh, nilqgħuh, inħaddnu dak li jrid jagħtina, għax l-Imħabba ma
tisforza lil ħadd.
Għajnejn kulħadd fik jittamaw Mulej, u inti f’waqthom
tagħtihom jieklu: int tiftaħ idek, u ttaffi x-xewqa ta’ kull min igħix. (S. 145, 15-16). L-ikel ta’ Alla hu
l-Imħabba. Il-bniedem jgħix
bl-Imħabba. Min ifittex il-milja
x’imkien ieħor imut bil-ġuħ. Il-Knisja
tqassam dan l-ikel bil-Kelma jew bis-Sagramenti. Imma lil Alla ħadd ma jista’ jżommu milli
jiġi jżurek fl-Istorja tiegħek. Kull
bniedem jgħaddi minn dawn il-waqtiet għax kull bniedem hu mportanti mmens għal
Alla. Għalhekk San Pawl igħid xi ħaġa
meraviljuża: Min se jifridna
mill-imħabba ta’ Kristu? (Rum. 8,
34). Meta l-Istorja hi sewda għidha
f’qalbek u rrepetiha: Min se jifridni
mill-Imħabba ta’ Kristu? Meta qalbek
tħabbat sitta sitta quddiem xi aħbar li riesqa: Min se jifridni mill-Imħabba ta’ Kristu? Inkwiet fil-familja? Min
se jifridni mill-Imħabba ta’
Kristu? Meta xagħrek jibda jibjad u
tħoss l-umiljazzjoni tal-bżonn tal-oħrajn għal kollox: Min se jifridni mill-Imħabba ta’ Kristu? Saħansitra meta l-għaraq tħossu kiesaħ
ma’ wiċċek u tħossok se terħi l-ħabel tal-ħajja u tintelaq fil-baħħ, għidha
anke bl-aħħar nifs tiegħek: Min se
jifridni mill-Imħabba ta’ Kristu?!
Għax
Kristu ġie magħmul mill-Missier bħala Dak li jitma’ lin-nies bl-ikel li tassew
ixabba’. Ħafna jieklu l-ġandar. Imma kemm se jdumu jieklu ġandar? Jasal il-jum meta jagħtu daqqa ta’ sieq lil
kollox u jduru lejn Dak li waħdu jagħlaq u jsodd il-ħofra tal-vojt ta’ ġo
fihom. Għax jien żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la
ż-żmien ta’ issa u la ta’ li ġej, la setgħat la l-għoli u lanqas il-fond, u ebdfa ħliqa oħra ma jistgħu qatt
jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna. (Rum. 8, 38-39).
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum:
Qari I
Isimgħu minni u tieklu
tajjeb.
Is 55, 1-3
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Dan jgħid il-Mulej:
“Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma,
intom ukoll li m’għandkomx flus.
Ejjew, ixtru u kulu b’xejn,
inbid u ħalib bla ħlas.
Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhuwiex ħobż,
u ġidkom f’dak li ma jxebbax?
Isimgħu minni, u tieklu tajjeb,
u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.
Agħtuni widen u ersqu lejja,
isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Nagħmel patt magħkom għal dejjem,
biex iseħħu l-favuri mwiegħda lil David”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 144 (145), 8-9.15-16.17-18
R/. (ara 16): Mulej, inti ttaffi x-xewqat
tagħna.
Twajjeb u ħanin il-Mulej,
idum biex jagħdab u kollu tjieba.
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kull ma għamel. R/.
Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej,
u inti tagħtihom l-ikel f’waqtu.
Int tiftaħ idek,
u xxabba’ ’l kulħadd bil-ġid. R/.
Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.
Qari
II
Xejn ma jista’ jifridna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi
Kristu Ġesù Sidna.
Rum 8, 35.37-39
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti,
min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq,
il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? Imma f’dan kollu aħna
aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. Għax jiena żgur li la l-mewt u
la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la ta’ li ġej, la
setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt
jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 4, 4b
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Kulħadd kiel u xaba’.
Mt 14, 13-21
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
F’dak iż-żmien, meta
sama’ l-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni l-Battista, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa
u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh
bil-mixi mill-ibliet.
Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom,
u fejqilhom il-morda tagħhom.
Xħin sar filgħaxija
d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel
sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu”. Imma Ġesù
qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu”. U huma
qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet”.
“Ġibuhomli hawn”, qalilhom. Imbagħad ordna
lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix; ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ
ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom
lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies.
U kulħadd kiel u xaba’,
u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa. U kienu madwar
ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|