Din hija il- Liturgija tad-Dsatax il-Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
In-Nisrani
huwa dak li jħobb lil Ġesù. Iħobbu
b’qalbu kollha u fuq kulħadd għax jaf minn xhiex ħelsu l-Mulej. Jaf fejn kien, f’liema jasar, f’liema dieqa u
solitudni ta’ Ħajja bla Alla u jaf kemm hu kbir l-għana li rċieva permezz ta’
Dak li ta Ħajtu għalih u li ħabbu Hu l-ewwel meta kien għadu tiegħU. In-Nisrani hu dak li jaf li l-merti tiegħu
huma tassew fqar u msejkna iżda hu ġie mlibbes merti eterni u bla qjies li
kiseb għalih Kristu bl-ubbidjenza tiegħu fuq is-Salib. Hija din l-Imħabba gratis u mhix mistħoqqa li
tagħmel min-Nisrani bniedem innamrat.
Għax
in-Nisrani veru mhux Nisrani għax biss ġie mgħammed. Mhux Nisrani għax twieled f’pajjiż
Nisrani. Mhux Nisrani għax hu parti minn
soċjetà li għandha kultura Nisranija.
Mhux Nisrani għax trabba u kiber fi drawwiet, festi u ċikli li jkellmuh
dwar tagħrif Nisrani. Huwa Nisrani għax
ġie sorpriż, maħsud mill-Imħabba ta’ Kristu għalih. Din l-Imħabba ma baqgħetx teorija, tagħlim,
kważi, kważi “brainwashing”, imma saret realtà enormi bi Grazzja li hu biss jaf
kif irċeviha, kif ġiet għandu, kif ħasditu u bidlitu. Mhix ċajta din li qed nitkellmu fuqha! In-Nisrani hu dak li għandu l-Mewt tiegħu
maqsuma, maqtula, mikxufa bħala gidba għax hu ġie mdawwal bid-Dawl ta’ Kristu
permezz tal-Ispirtu s-Santu.
Dan
hu l-ikbar għana li jista’ jakkwista l-bniedem.
Fih tkun seħħet fil-milja tagħha l-Magħmudija, għax tassew ikun ġara li
l-bniedem il-qadim, il-bniedem naturali li bih nitwieldu lkoll, ġie mgħarraq
fl-ilmijiet tal-Ispirtu s-Santu. Kristu
qatilulu biex minflok tnissel fih bniedem ieħor, natura oħra, xbieha ta’ Kristu
nnifsu. In-Nisrani jiskopri li dak li
qabel kien impossibbli li jagħmlu, issa sar naturali, skont in-natura ġdida li
nagħta. Kif igħid San Ċiprijanu: “Dak li
qabel kien impossibbli għalija, issa sar possibbli!” Dak li qabel kien idarsu, idejqu u jarah
bħala kmandament tqil u iebes, issa sar jattirah, jixtiequ, jagħraf li hemm
biss tinsab il-Ħajja.
San
Ġwann l-Evanġelista għandu Kliem meraviljuż li bih jiddiskrivi din il-bidla li
j’Alla aħna lkoll nixtiquha. Hu jgħid li
n-Nisrani huwa mwieled minn Alla (1 Ġw.
5, 18). Meta aħna twelidna mill-ġenituri tagħna, aħna inagħtajna
n-natura tagħhom, imma meta jseħħ il-proċess ta’ bidla permezz tal-Magħmudija
tagħna, aħna nitwieldu minn Alla u nirċievu n-natura tiegħU. Hija din in-natura
li tagħmilha possibbli għalina li aħna ngħixu b’mod differenti mill-pagani u nkunu reklam għal Kristu u
nħajru lill-oħrajn jixxennqu għaliH għax jibdew
jarawna tassew Ħajjin, nies li sabu affarijiet li huma fittxew
kullimkien, anke fid-dnub, bla ma sabuhom.
Għalhekk Ġwanni jkompli jgħid li “kull
min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn Alla” (1 Ġw. 5, 1) u li
għal dan il-bniedem “il-kmandamenti
mhumiex tqal għax kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja.” (1 Ġw. 5, 3-4).
Altru
li Kristu ma jridx li jeħdilna xi ħaġa.
Ħafna jibżgħu jimxu warajH għax jissuspettaw li l-Mulej se jċaħħadhom
minn dak li jferraħhom. Għax ma nagħtux
ħarsu madwarna u b’sinċerità nammettu li barra minn Kristu dejjem ġarrabna
tensjoni, tħassib, xewqat li ddiżappuntawna, ferħ irħis li malajr jgħaddi,
dejjem ittallabna l-affetti ta’ ħaddieħor imma ħaddieħor ħabbna biss meta
għoġobnieh. X’hemm barra minn Kristu?
Ngħidlek jien: id-dinja hi tellieqa u minn mhux fuq tiegħu jispiċċa
jaqa’ lejn l-aħħar u jiġi mwarrab u tellief.
“No time for losers!” tkanta d-dinja li aħna nippreferuha minn Kristu!
Kristu
hu l-waħdieni li lilek iħobbok anke meta int għadu tiegħu! Imma din trid tiskopriha bis-serjetà,
tiskopriha int mhux għax jgħidhielek ħaddieħor.
Ix-xhieda li tisma’ dwar Ġesù hi mportanti, imma int għandek bżonn
tiskopri għalik li tassew li fi Kristu biss hemm il-Ħajja, fiH biss hemm
l-Imħabba għalik hekk kif int, anke meta m’intix “bravu”. Hu biss jiġi maġenbek fil-mumenti suwed meta
inti waħdek u jagħtik esperjenza ta’ faraġ li tibqa’ tiftakarha Ħajtek kollha.
Minn
dan irid jgħaddi l-bniedem biex tassew ikun Nisrani u ma jibqax sempliċi
“reliġjuż” dilettant tal-“Knisja”. Dan
hu l-bniedem li ma jibqax jikkalkula quddiem il-bżonn li jiddefendi l-Isem
tal-Mulej tiegħu. Imma noqogħdu attenti: Kristu mhux bħad-dinja. Ma jigdiblekx! Ma jgeżwirx ir-rigal tiegħu f’wrapping paper
li kultant tiswa iktar mir-rigal. Hu
jgħidilna: “Fid-dinja tbatu jkollkom,
imma agħmlu l-qalb, jiena rbaħtha d-dinja!”
(Ġw. 16, 33). Mhix Ħajja
paxxuta din li qed iwegħedna. Kristu
mhux bħas-saħħar ta’ Aladdin li kien joħroġ mil-lampa kull meta jħokkha u
jgħidlu: “X’jonqsok, sinjur?” Kristu
jgħidlek: “Min ma jerfax salibu u jimxi
warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.”
(Lq. 14, 27). Kulħadd b’xi salib f’din id-dinja marida, min
jemmen u min ma jemminx, pagan jew Nisrani.
Id-differenza hi fl-atteġġjament.
Min jiġġieled lis-salib, is-salib jgħaffġu. Min jerfgħu, jiħfieflu. Hawn jinsab is-sigriet tal-Ħajja.
U
jgħid ukoll: “Għaddu mill-bieb
id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża
t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq
li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!”
(Mt. 7, 13-14). Imma hawn
jinbet Misteru. Għadni ma rajtx wieħed
li għażel it-triq il-wiesa’ u hu kuntent iktar minn ieħor li għażel
id-dejqa! X’kuntradizzjoni, hux? Fit-triq il-wiesa’ hemm il-piki, l-għira
għas-suċċess ta’ ħaddieħor, il-mibegħda għal min iġagħlek titħasseb, nuqqas ta’
sigurtà, vojt li ma jista’ jimtela’ b’xejn tant li min għandu ħafna dejjem irid
iktar, iktar, iktar!
Fit-triq
l-oħra hemm is-serħan tal-moħħ, is-sliem, għana ġewwieni li ma jista’ jmissulek
ħadd u li jfejqek mill-egoiżmu, xewqa li tgħin lil ħaddieħor u mhux timpika
miegħu. Dan qed ngħiduh illum għax
il-Kelma tal-Liturġija Ewkaristika ta’ dan il-Ħadd tkellimna ħafna fuq
it-taħbit u t-tbatija li niltaqgħu magħhom f’did-dinja, imma li jiltaqa’
magħhom ukoll in-Nisrani. Għax,
imbagħad, hemm tbatijiet li huma partikulari għal dawk li huma ta’ Alla. Il-persekuzzjoni, per eżempju. Elija jaħrab mill-Istat li kien ifittxu għax
ma riedx joqgħod għall-kultura dominanti ta’ żmienu. Pawlu kien kburi li kien Lhudi imma qalbu
kienet dejjem magħfusa għax meta Iżrael ra lill-Messija li kien ilu tant
jistenna, ma għarfux anzi ħaseb li kien midgħi.
In-Nisrani jgħaddi minn ħafna fallimenti! U hemm ukoll l-iljieli mdallma tal-Fidi. L-Appostli kienu jinqdew bi Kristu biex
jikbru u jintefħu, bħal meta tema’ ħafna iktar minn ħamest’ elef ruħ, imma ftit
wara, quddiem il-maltemp fuq il-baħar, xbieha tal-Mewt li tiddominana, huma
twerwru u ma kellhomx Fidi fuqhiex iserrħu.
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum.
Qari I
Oqgħod fuq il-muntanja
quddiem il-Mulej.
1 Slat 19, 9a.11-13a
Qari mill-Ewwel Ktieb
tas-Slaten
F’dak iż-żmien: Elija
wasal fil-Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej. Hemmhekk daħal fl-għar u għadda l-lejl
ġo fih. U Alla qallu: “Oħroġ, u oqgħod fuq
il-muntanja quddiem il-Mulej”. U ara, il-Mulej għadda. Riħ qawwi, b’saħħa li
jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem il-Mulej; imma l-Mulej ma
kienx f’dan ir-riħ. U
wara dan ir-riħ theżhżet l-art imma l-Mulej ma kienx f’din it-theżhiża. U wara
t-theżhiża kien hemm in-nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar inħasset
żiffa ħelwa. Elija, kif ħassha, għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ barra, u waqaf
f’bieb l-għar.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14
R/. (8): Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek
Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
il-Mulej is-sliem ixandar,
għall-poplu u l-ħbieb tiegħu.
Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.
It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.
Il-fedeltà mill-art tinbet,
u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.
Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
u artna tagħti l-frott tagħha.
Il-ġustizzja quddiemu timxi,
u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.
Qari II
Nixtieq li jiena nnifsi
kont maqtugħ minn Kristu minħabba f’ħuti.
Rum 9, 1-5
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti,
ngħidilkom is-sewwa fi Kristu, m’iniex nigdeb, tixhidli l-istess kuxjenza
tiegħi fl-Ispirtu s-Santu, li jiena mnikket għall-aħħar, u dejjem qalbi
maqsuma; nixtieq li kont jiena stess maqtugħ minn Kristu minħabba f’ħuti, nies
ġensi skond il-ġisem: l-Iżraelin.
Tagħhom
hija l-adozzjoni ta’ wlied Alla u l-glorja, il-pattijiet u l-Liġi, il-liturġija
u l-wegħdiet, tagħhom huma l-patrijarki; u kien minnhom li, skond il-ġisem,
ħareġ Kristu, li hu fuq kollox, Alla mbierek għal dejjem ta’ dejjem. Amen!
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Salm 129 (130), 5
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jien lill-Mulej nistenna,
ruħi f’kelmtu tittama.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ordnali niġi ħdejk fuq
l-ilma.
Mt 14, 22-33
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
Wara lin-nies kielu u
xebgħu, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru
qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’
waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq,
waħdu.
Id-dgħajsa kienet diġa’
f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom.
Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh
miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!”. qalu; u qabdu jgħajtu
bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jien hu,
tibżgħu xejn!”. Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi
ħdejk fuq l-ilma”. “Ejja”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq
l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat
jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd idu u
qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira”, qallu, “għaliex iddubitajt?”.
Meta mbagħad it-tnejn
telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u
qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|