Din hija il- Liturgija tal-Wiehed u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
L-iktar diskors famuż ta’ Ġesù, id-Diskors
tal-Muntanja, jibda bit-tmien beatitudnijiet.
Għal tmien darbiet, Ġesù jsejjaħ “hienja, “beati”, xortihom tajba lil
kategoriji differenti ta’ nies li kollha kienu għal qalbU, u li kollha nistgħu
inpoġġuhom taħt titlu wieħed: “ic-ckejknin”.
Hu jgħid: “Henjin il-foqra
fl-ispirtu”, “henjin l-imnikkta”, “henjin ta’ qalbhom ħelwa”, “henjin dawk li
huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja”, “henjin dawk li jħennu”, “henjin dawk li
huma safja f’qalbhom”, “henjin dawk li jġibu l-paċi”, “henjin dawk li huma
ppersegwitati minħabbba s-sewwa”, u “henjin intom, meta jgħajrkom u
jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom
minħabba fija”. (Mt. 5, 3w). Il-problema hi li aħna, ta’ bnedmin li
aħna, bin-natura mwaqqa’ li għandna u li writtna minn Adam, ma tantx narawhom
“hienja” li dawn in-nies. Min għandu
raġun, aħna... jew Kristu?
Min huma ċ-ċkejknin? Huma dawk li huma umli. Xi tfisser tkun umli? L-umli hu dak li jaf lilu nnifsu. Hija l-verità dwarek li tagħmlek umli. Min hu supperv, iridha ta’ ‘bully’, jgħaffeġ
fuq l-oħrajn... dan il-bniedem hu agħma.
Għax wara kollox x’inhi l-verità dwar kull bniedem? Il-bniedem huwa ħlejqa li bħal sufarell
tal-festa, jista jagħmel qabda storbju u jtajjar in-nar u jiġbed
l-attenzjoni... imma l-ħin kollu qed jintemm, jinħela... il-ħin kollu qed
imut. Kull min kellu l-poter fid-dinja
kollha temmew il-ġirja tagħhom u waqgħu.
Kull ħajja tintemm. Issa billi
tistinka biex tħalli isem warajk, biex
jiktbuk fuq xi ktieb tal-Istorja jew jagħmlulek monument jew xi plakka
jew irħama mill-Kunsill Lokali... miskin, int illum hawn u għada ma tkunx, u
taf kemm se tfarrġek il-plakka!
Il-ħajja tagħna hi bħal żiffa, dgħajfa daqs
iċ-ċpar, u hieni l-bniedem li jagħraf li hu ċkejken u ftit jiswa, għax jispiċċa
jgawdi din il-ħajja ħafna iktar minn dak
li jgħaddiha l-ħin kollu jitħabat, jikkomplotta, jipprova jistagħna,
qatt m’għandu xabgħa u lest li jagħmel kollox basta jikber. Qed jaħli ħajtu fl-inkwiet għalxejn. Li nagħrfu x-xejn tagħna jagħmilna umli u
żgħar u bla pretensjoni u nirringrazzjaw lil Alla għal kollox, għall-bard u
għas-sħana, għall-ġid u għall-faqar, għas-saħħa u għall-mard, għall-ferħ u
għad-dieqa, għall-festi u għal-luttu.
Għax, jekk toqgħod taħseb ftit, kollox hu rigal, kollox inagħtalek
b’xejn.
Qatt staqsejt għaliex ġejt int fid-dinja u ma
ġiex ħaddieħor flokok; għaliex int drajt tara x-xemx tiela’, l-għasafar itiru,
ir-raba’ jibdel lewnu mal-istaġuni; għaliex tgawdi familja, ħbiberiji, saħħa;
għaliex tistagħġeb bil-baħar immens, bil-kwiekeb tas-sema, bl-annimali ta’ kull
tip? Imma trid tkun ċkejken u sempliċi
(f’sens tajjeb) biex tiggosta tant dettalji li jsebbħu l-ħajja.
Normalment, in-nies ma tara xejn minn
dan. Kulħadd mgħaġġel, imferfex,
m’għandu ħin għal xejn ħlief għall-ġenn u l-ossessjoni ta’ moħħu. L-għaxqa tagħna hi li nirnexxu. Aħna jiġrilna dak li kien jibża’ minnu Santu
Wistin: jgħaddi Alla minn quddiemna u ma nintebħux għax ikun ħsiebna fit-tajn
tal-art. Alla jgħaddi minn quddiem kull
wieħed minna f’xi mumenti jew mumenti ta’ ħajjitna u lanqas nindunaw. Isaija għandu sentenza profonda fuq dan: “Il-gendus jagħraf lil sidu, u l-ħmar il-maxtura ta’
sidu; imma Iżrael ma jagħrafx, il-poplu tiegħi ma jifhimx.” Kważi profezija din dwar il-baqra u
l-ħmara tal-għar ta’ Betlehem li stagħġbu b’dak li kienu qed jaraw waqt li
Betlehem kompliet għaddejja bil-ġennati tagħha bla ma ndunat li fiha kien qed
iseħħ dak li l-profeti u tant nies ġusti xtaqu mqar jilmħu mill-bogħod. U band’oħra l-Kelma tgħid: “Għax
tnejn huma d-dnubiet tal-poplu tiegħi: telqu lili, l-għajn tal-ilma ġieri, biex
ħaffru bjar għalihom, bjar miksura li ma jżommux ilma.” (Ġer. 2, 13).
Ngħiduha kif inhi, il-bniedem jixba’ b’Alla, ilkoll
nixbgħu minnu u nivvintaw għalina allat u lkoll aħna konvinti li dawn se
jagħtuna l-Ħajja, se jagħtuna l-“esseri” tagħna, is-sens tal-ħajja u nemmnu li
mingħajrhom niġġennu għax huma biss jeżistu għalina.
Ħafna nies sabu lil Alla għax ġew imċekkna
mill-fallimenti li sofrew fid-dinja.
Huma ġrew wara dak li toffri hi u kienu ċerti li għandha biss setgħu
isibu l-milja, l-eliżir tal-Ħajja. U
weġġgħu, imma kibru fl-għerf. Indunaw li
l-Ħajja daħket bihom, baxxew rashom u ammettew li kien żbaljaw it-triq. Xi Grazzja!
Daru lejn it-triq umli li tant kienu żżuffjettaw biha qabel. Saru ċkejknin. Għajruhom boloh imma kienu jafu li boloh
kienu qabel. Il-Ħajja bidlet il-kulur
għalihom. Indunaw kemm kellu raġun Pawlu
meta qal: “Imma dak kollu li għalija kien
qliegħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu. Jien ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ
kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef
kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih.” (Fil. 3, 7-9). Imma din mhix l-esperjenza ta’ xi wieħed
f’miljun. Kristu huwa t-Teżor li
l-Missier ta lil kull maħluq biex iħaffer għalih, isibu u jistagħna għal
dejjem. U dan lanqas ma hu xogħol
il-bniedem. Il-Missier qiegħed joffri
lil Ibnu b’xejn, għax ħadd u xejn ma jista’ jimmeritaH, jixtriH,
jistħoqqU. Jasal dak il-mument ta’ għerf
enormi, dawl mill-Ispirtu s-
Santu, meta int tgħid li tassew kollox hu knis, kulma hu
għażiż għall-bniedem kollox hu knis ħdejn il-qliegħ enormi li hemm f’illi nakkwistaw
il-Ħajja ta’ Dejjem fi Kristu. U dan
il-qliegħ huwa tassew eżistenzjali għax il-Ħajja ta’ Dejjem tibda ġa minn hawn,
tagħmel differenza enormi diġa minn hawn f’din il-ħajja.
Huma l-umli, iċ-ċkejknin, l-anawim bil-Lhudi, il-fdal, li jistgħu jindunaw li t-Teżor li dejjem
fettxew barra minnhom infushom, fl-oġġetti jew fil-persuni ta; madwarhom, jinsab,
oħroġ il-għaġeb, ġewwa fihom stess. Hemm
jgħammar, moħbi, il-Waħdieni li jista’ jdawwal il-Ħajja. Ġesù qal:
“Infaħħrek, Missier, Sid is-sema
u l-art, għax dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u
wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok.” (Mt. 11, 25-26). Mhux “ċkejkna” kienet dik il-Mara meraviljuża
li ltqajna magħha fil-Vanġelu tal-Ħadd li għadda li poġġiet ruħha mal-klieb li
jieklu l-frak li jaqgħu minn fuq il-mejda ta’ Alla? L-Umiltà tagħha mhux frak mill-art
qalegħtilha imma post tal-unur fil-pranzu etern tal-Ħajja ta’ Dejjem, fejn, kif
jgħid l-Apokalissi: “Jien nidħol għandu
u niekol miegħu... u nagħtih li joqgħod maġenbi.” (Apok. 3, 20.21).
Fid-dinja bħalissa qegħda sseħħ rivoluzzjoni enormi,
taqliba fil-mentalità, niżla għall-bniedem fl-istima esaġerata li għandu tiegħu
nnifsu. Din l-Istorja tal-pandemija li
Alla ppermetta qegħda ċċekken lill-bniedem li qed jagħraf kemm kollox hu
prekarju, kemm sigurtà fl-għerf tiegħu, fil-kapaċità tiegħu hi gidba, fl-aħħar
mill-aħħar. Il-bniedem ġie tradut mill-kburija
tiegħu, mill-kultura li ttambar li l-bniedem hu “alla” u li hu għad jegħleb
kull ostaklu, għad jinfed kull fruntiera, għad jixxabbat u jtir ’il fuq
mix-xemx u joħloq għalih, hu, ġenna fl-art għal dejjem. Hu tassew meravilja l-moħħ li Alla ta lill-bniedem,
u li l-bniedem għadu skopra biss perċentaġġ żgħir minnu, imma doża ta’ umiltà
ilkoll tagħmlilna tajjeb ħafna, tmellaħ u tagħti togħma qaddisa lill-ħolqien
kollu.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Inqiegħed fuq spallejh
il-muftieħ tad-dar ta’ David.
Is 22, 19-23
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Dan jgħid il-Mulej lil Sebna, dak li jieħu
ħsieb il-palazz tas-sultan:
“Inwarrbek minn postok,
u nneħħik minn fejn qiegħed.
Dakinhar insejjaħ lill-qaddej tiegħi
Eljakim, bin Ħilkija,
inlibbsu l-libsa tiegħek,
u nħażżmu bit-terħa tiegħek,
u nagħtih f’idejh il-ħakma tiegħek.
U jkun missier għal min jgħammar
f’Ġerusalemm,
u għad-dar ta’ Ġuda.
Inqiegħed muftieħ dar David fuq spallejh.
Jiftaħ hu, u ħadd ma jagħlaq;
jagħlaq hu, u ħadd ma jiftaħ.
U nwaħħlu bħal musmar ma’ ħajt fis-sod,
u jkun tron glorjuż għal dar missieru”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 137 (138), 1-2a.2bc-3.6.8bc
R/. (8b): It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem
Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
għaliex int smajt kliem fommi.
Quddiem l-allat irrid ngħannilek.
B’wiċċi fl-art ninxteħet
quddiem is-santwarju tiegħek. R/.
Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,
għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek, int weġibtni,
kattarli l-qawwa f’ruħi. R/.
Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar;
u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.
Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.
It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem. R/.
Qari
II
Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih.
Rum 11, 33-36
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, kemm huma kbar l-għana, l-għerf u
l-għaqal ta’ Alla!
Kemm tassew ħadd ma jista’ jgħarbel
il-ġudizzju tiegħu u jifhem it-triqat tiegħu!
Għax min qatt għaraf moħħ il-Mulej?
Min qatt kien il-kunsillier tiegħu?
Min qatt tah l-ewwel biex jistħoqqlu l-ħlas?
Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu,
kollox għalih.
Lilu l-glorja għal dejjem ta’ dejjem. Amen!
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 16, 18
Hallelujah. R/. Hallelujah
Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni
l-Knisja tiegħi,
u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Inti Pietru: jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet.
Mt 16, 13-20
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
F’dak iż-żmien, meta
wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u
qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?”. U huma weġbuh: “Xi
wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed
mill-profeti”.
“Imma intom min tgħidu li
jien?”, staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u
qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”. U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int,
Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li
hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni
l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik
l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut
fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”.
Imbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex
ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li huwa l-Messija.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|