Din hija il- Liturgija tat-Tnejn u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Huwa skont in-natura li aħna nixtiequ, anzi, nixxennqu,
li ngħaddu ħajjitna hawn fil-kwiet, bla wisq tbatija, bla ma qatt jonqosna
xejn, u ngħixu għomor twil kemm jista’ jkun.
Għalhekk is-saħħa, il-flus, il-kumdità, in-nuqqas ta’ nkwiet saru
l-iktar affarijiet importanti għal qalb il-bniedem. Mhux ta’ b’xejn li l-biċċa l-kbira tat-talb tagħna
lil Alla huwa bbażat fuq dan u jirrifletti dak li nixtiequ u dak li nibżgħu
minnu.
Ir-reliġjonijiet tad-dinja kollha ġew imsawra fuq dan
it-tħannin tal-bniedem. Minn meta
l-bniedem kien għadu jgħammar fl-għerien hu ħass li xi Id setgħana kienet hemm
tmexxi kollox u għalhekk kien jitlobha lil din il-qawwa misterjuża biex tħarislu
ħajtu mill-annimali selvaġġi; biex tħarislu wkoll lill-annimali li kien immansa
u li kienu jaqduh; biex uliedu ma jmutulux żgħar imma jikbru b’saħħithom u biex
kemm in-nisa tal-klan tiegħu kif ukoll ir-raba’ tiegħu jkunu għammiela u jagħtu
ħafna wlied u frott kotran.
Bil-mod il-mod beda jinduna li tkun ħaġa tajba li jsib
post sagru fuq xi għolja li tkun eqreb lejn is-sema u hemm jibni speċi ta’
tempju fejn kien iħoss li dan Alla kien viċin u jisimgħu iktar. Imbagħad kien
hemm bżonn li xi ħadd jeħodlu ħsieb dan
il-post u jmexxi l-laqgħat li kienu jsiru fih u hekk dehru persuni sagri,
qassisin. U l-bniedem sawwar
“ir-reliġjon”. Pajjiżna jixhed għal dan
li qed ngħid għax hu mogħni b’numru kbir ta’ tempji megalitiċi li kienu ġa
jeżistu qabel ma’ Alla ndaħal f’ħajjet il-bniedem permezz ta’ Abraham.
Dawn ir-reliġjonijiet... għax nibtu numru mmens ta’
reliġjonijiet, b’kull ġens u tribù bl-alla jew allat tiegħu... ħafna drabi bdew
jiddeġeneraw, propju għax kienu invenzjoni tal-bniedem, u ħafna minnhom spiċċaw
bis-sagrifiċċji umani biex jippruvaw jimpressjonaw lill-allat u jaqilgħu dak li
kellhom bżonn mingħandhom.
Allura, r-reliġjon hija l-attentat tal-bniedem, kultant
ta’ min jammirah, imma kultant ta’ min jikkundannah fil-metodi tiegħu, biex
jagħmel kuntatt ma’ dan Alla misterjuż li hu l-prinċipju, l-bidu ta’ kollox,
għax il-bniedem għaraf mill-bidu li waħdu ma setgħax jgħix fuq din il-pjaneta
mitlufa fi spazju mmens u mudlam. Din
l-imbuttatura għadha teżisti fil-bniedem għax hi naturali, tant li fl-istudji
tal-bniedem inagħtat isem: “ir-reliġjożità naturali”.
La hi naturali, jfisser li ħalaqha Alla, poġġiha Hu
f’qalb il-bniedem u hija tajba. Hi l-intuwizzjoni
misterjuża li kull ħlejqa tħoss biex tfittex lil Alla. Iżda ħafna drabi “r-reliġjon” tesprimi
l-ħerqat tal-bniedem għal din il-ħajja biss, u għalhekk ma ssolvilux
il-problema l-kbira li għandu, li hi l-Mewt.
Jaqla’ kemm jaqla’ grazzji
materjali mingħand Alla, irid jasal il-waqt li hu jisparixxi minn hawn u dak
kollu li kien talab għalih u qala’ jgħib
fix-xejn.
Għalhekk kien hemm bżonn li issa, mhux il-bniedem ifittex
lil Alla, imma Alla jiġi jfittex lilu biex jiftaħlu quddiemu l-orizzont
meraviljuż tar-rebħa fuq il-Mewt. Hu
jagħżel poplu, Iżrael, biex fih jinkarna ruħU, jinżel jgħammar f’laħam
il-bniedem fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret.
Il-Missjoni tal-Kristu, tal-Midluk ta’ Alla, ta’ Alla magħmul bniedem
kienet, infatti, li jidħol f’taqbida epokali mal-monstru tal-Mewt u jirbħilha
darba għal dejjem u hekk jieħu l-bniedem lura lejn l-oriġini meta kien maħluq
xbieha tiegħU. Din it-taqbida li niżel
għaliha Alla għandha isem: il-Misteru tal-Għid.
Il-Knisja tħabbar lill-bnedmin kollha li dan il-Misteru
tal-Għid seħħ u r-rebħa ntrebħet b’risq tagħna lkoll. Dan hu li jagħmel lil Kristjaneżmu ħafna,
ħafna iktar minn reliġjon. “Reliġjon” =
sett ta’ kmandamenti li jekk tobdihom tieħu rigal, jekk le tieħu kastig. Dan hu li jimmarka r-reliġjonijiet
kollha. Din il-“moralità” tinsab ukoll
fil-Kristjaneżmu, imma hu jmur lil hemm minn hekk għax il-Liġi falliet billi
l-ebda bniedem m’għandu s-saħħa jkun ġust quddiem Alla. Bil-Liġi biss, mitlufin aħna għax il-biża’
tal-Mewt iġagħlu jkun egoista u jidneb u jerġa’ jidneb!
Il-Kristjaneżmu hu “Aħbar Tajba”. Ir-rebħa fuq il-Mewt Kristu kisibha għal
kulħadd u hi Grazzja għax tinagħta b’xejn lil kull min jemmen din
il-Bxara. Ħafna jidħku biha u jibqgħu
maqtugħin barra. Imma dawk li jemmnuha
jsiru bnedmin ġodda għax tikber fihom natura ġdida mhux iktar beżagħna mill-Mewt
għax huma konvinti li dak li kien ibeżżagħhom huwa gidba. Din in-natura ġdida hi l-istess waħda ta’
Ġesù li issa jgħix għal dejjem.
Imma biex kiseb għalina din il-Glorja nfinita, Ġesù kellu
jgħaddi mis-Salib. Hu lilna ġa rebbħilna
kollox u ġa salvana, imma sakemm għadna f’din id-dinja nibqgħu suġġetti
għat-tbatija, għall-mard, għall-inġustizzja, għal mumenti ta’ dieqa. Iżda
min tassew laqa’ l-Aħbar ta’ Kristu għandu t-tbatija, is-Salib tiegħu
imdawwal, jiddi, glorjuż. Fih jgħammar
l-Ispirtu ta’ Dak li ma jistax imut
iktar. Fih hemm iż-żerriegħa tal-“Mewt
tal-Mewt”. “Inbelgħet il-Mewt fir-rebħa.
Fejn hi ja Mewt ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja Mewt in-niġġieża tiegħek?” (1 Kor. 15, 54-55). Din l-għajta tal-għaġeb
ta’ San Pawl tidwi fil-profond ta’ kull bniedem mirbuħ minn Kristu bil-Fidi.
V
In-Nisrani hu dak li, kif jgħid San Ġwann l-Evanġelista, “Aħna nafu li għaddejna mill-mewt
għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx jinsab
fil-mewt.” (1 Ġw. 3, 14). Dan
ifisser li n-Nisrani jaf li hu mhu se
jmut qatt u li l-Ġenna tibda minn hawn għax ġo fih hemm l-Ispirtu s-Santu li
l-ħin kollu jixhidlu li hu ħaj għal dejjem.
Mhux l-istess, allura, t-tbatija tan-Nisrani u t-tbatija tal-pagan. Għall-pagan, u anke għal ħafna nies
“reliġjużi”, is-Salib hu saħta u nfatti ħafna mit-talb tagħna hu bħal ta’ dawk
in-nies tal-għerien: biex jitneħħa s-Salib min-nofs. Iżda aħna m’aħniex bħalhom! Kristu ma ġiex għalxejn fostna! Hu ma batiex għalxejn! Ma mietx għalxejn fuq is-Salib! Ma għaffiġx il-Mewt tiegħi u tiegħek
għalxejn!
Pietru kien jaħseb li s-Salib hu saħta wkoll, u Kristu
qallu: “Itlaq minn quddiemi ja xitan,
għax m’intix taħseb fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!” (Mk. 8, 33).
Miskin Pietru kien għad ma kellux il-Mewt
mirbuħa. Anke Ġeremija. Ara kif anke l-iktar nies ġusti kienu biss
“reliġjużi”. Imma min jemmen li Kristu
rebaħ il-Mewt tal-bniedem meta ġie lura miċ-ċimiterju, m’għadux iktar biss
“reliġjuż” iżda issa hu “Kristjan”, “Nisrani”, xbieha ta’ Kristu, Kristu
ieħor. Xbieha ta’ Kristu mhux għax minna
nfusna aħna xi ħaġa, xi tikka aħjar mill-oħrajn; minna nfusna. Imma għax bħal Kristu għandna
l-Mewt mirbuħa. Mhux aħna
rbaħnielha! Mur obsor. Rebaħha Kristu b’risq tagħna... jekk aħna
nemmnuh dan.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Il-Kelma tal-Mulej saret
għalija tagħjir u tmaqdir kuljum.
Ġer 20, 7-9
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija
Qarraqtni Mulej, u jien tqarraqt:
kont aqwa minni, u għelibtni.
Jien sirt id-daħka ta’ kuljum,
kulħadd jiddieħak bija.
Kull meta niġi nitkellem, jien ngħajjat,
u nxandar, “Moħqrija u ħsara!”.
Il-kelma tal-Mulej saret għalija
tagħjir u tmaqdir kuljum.
U jien għedt: “Ma nsemmihx aktar,
ma nitkellimx aktar f’ismu”.
Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad,
magħluq f’għadmi.
Għejejt inżommu magħluq ġo fija,
ma niflaħx aktar għalih.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 62 (63), 2.3-4.5-6.8-9
R/. (2b): Għalik imxennaq jiena, Mulej, Alla
tiegħi
Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik,
għalik imxennaq jiena,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. R/.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek. R/.
Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;
ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa. R/.
Għax int kont għajnuna għalija,
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi,
int tweżinni bil-leminija tiegħek. R/.
Qari II
Offru ġisimkom bħala
vittma safja.
Rum 12, 1-2
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Nitlobkom
ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob
lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom. Timxux max-xejra ta’ din
id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu
x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu ttajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni
qabel l-Evanġelju
Efes 1, 17-18
Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu,
jagħtikom spirtu ta’ għerf,
biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu.
Mt 16, 21-27
Qari mill-Evanġelju
skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù
beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri
ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum
iqum.
Pietru ġibdu lejh u beda
jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!”. Iżda
Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija,
għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li
int!”.
Imbagħad
qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu,
jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min
jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk
jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem
biex isalva ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru
flimkien ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed
ikun għamel”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|