Tuesday, 11 May 2021
           
Home
IT-TIENI HADD TAL-AVVENT (2020) IL-FIGURA TA’ GWANNI L-BATTISTA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 06 December 2020

Din hija il-Liturgija tat-tieni Hadd ta' l-Avvent ( 2020 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

johntb.jpg

 

Kull sena, fi Zmien L-Avvent, almenu fl-ewwel parti tiegħu, tidher tiddomina l-figura unika ta’ Ġwanni l-Battista, il-profeta li mid-deżert fejn ġie ffurmat fin-nar tat-tiġrib u s-solitudni, jidħol fil-qalba tal-poplu tiegħu, mgħobbi b’missjoni tqila u serja: li jikkonverti lil Iżrael.  Qablu, Alla kien bagħat sensiela ta’ Profeti, nies maħruqa minn Nar ġewwieni ta’ ħeġġa għal Alla u għall-poplu tagħhom, nies li mmarkaw l-Istorja ta’ Iżrael iktar milli mmarkawha n-nies ta’ setgħa politika, jew dawk li stagħnew u għamlu suċċess materjali minn ħajjithom.  Dawn in-nies ta’ Alla ma kellhom xejn x’jitilfu, għax ġo fihom kellhom kollox, għana li ħadd ma seta’ jmissulhom u għalhekk kienu problema għal ħafna, u ta’ faraġ għall-Fdal ta’ Iżrael, dawk li tassew kienu qed jistennew u jishru għad-dehra ta’ Dak li kien imwiegħed.

 

Imma Ġwanni kien Profeta partikulari.  Kien l-aħħar messaġġier ta’ Alla lil Iżrael.  Kien bħal mara fl-uġigħ tal-ħlas.  Hu kien tqil bil-bxara li ġie mibgħut jagħti u bħal Kristu seta jgħid: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġa qabad!  Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ!” Għax Ġwanni kien jaf li kien se jkun ippersegwitat u li dak li kellu jwassal mhux se jkun aċċettat minn dawk li kienu qegħdin tajjeb.  U fi żmienu wkoll, bħal fi żmienna, kienet teżisti l-“political correctness”, jiġifieri ara kif titkellem, tkunx goff, agħmel kompromess, sib it-triq tan-nofs, ipprova ikkonvinċi bid-diplomazija.  Ġwanni ma kienx dan it-tip u kien jaf li ġej l-għawġ. 

Kien l-aħħar messaġġier għax issa mhux Ġwanni biss kien bħal mara tqila imma anke Iżrael, l-Għarusa ta’ Jahweh, kien waslilha żmienha biex wara tqala twila sekli, tagħti għad-dinja lil Dak li għaliH u biH inħalaq kollox.  Il-missjoni tal-ġens ta’ Abraham kienet li jwelled il-Messija, mhux għalih imma għad-dinja.  Ġwanni kien “il-Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert”  (Mk. 1, 3), kien “il-faraġ tal-poplu li jkellem lill-qalb ta’ Ġerusalemm u jgħidilha li ntemm il-jasar tagħha.  (Is. 40, 1-2), għax il-ħolqien kollu kien f’tensjoni għal Ġrajja li kellha treġġgħu lura lejn il-bidu, lejn l-oriġini tiegħu, lejn l-innoċenza. 

 

Dan kollu kien qed iġorru dan l-eremita tad-deżert.  Hu kien bħall-Għollieq jaqbad bla ma jinħaraq li ra Mosè għax kien qed iġorr Kelma li kienet Alla; kien qed iġorr lil Alla nnifsu, bħalma l-Verġni Marija ġarritu f’ġufha.  Xi grazzja niltaqgħu ma’ Profeta fiż-żminijietna meta l-bniedem li jfittex lil Alla jħossu mitluf f’labirint ta’ taħwid, ta’ Babel li sikwit jaħkem lill-Knisja nnifisha.  Ninsabu ngħixu fi żmien ta’ medjokrità ta’ Fidi fejn it-tajjeb sar ħażin u taċ-ċajt, waqt li d-dnub tajnih ċittadinanza rispettabbli b’ċorma liġijiet li jġennbu l-kultura Nisranija. 

 

Imma Alla jibqa’ jibgħat il-Profeti tiegħu li jwasslu kelma ta’ faraġ għal dawk li għandhom widnejn biex jisimgħu.  Imma l-ewwel ħaġa li l-Profeta veru jgħidilna hi li għandna bżonn nikkonvertu, infiequ.  Widnejn ma jisimgħux, għajnejn ma jarawx għandna, aħna lkoll.  Għandna widnejn u għajnejn tajbin għall-ħwejjeġ materjali imma torox u għomja għall-ħwejjeġ tal-Ispirtu li huma l-ħwejjeġ tal-Ħajja vera.  Ġwanni l-Battista jxandar il-Miġja tal-Ħajja!  Ħafna, malli ssemmilhom lil Alla, jagħmlu pass lura għax jemmnu li Alla qiegħed hemm biss biex jeħdilhom, ixekkilhom, jillimitahom... dejjem kontra r-rieda u l-pjanijiet tagħhom.  Kemm hi iebsa l-ħajja tal-Profeta!

 

Ġeremija, prototip ta’ Ġwanni, darba lil Alla qallu: “Ma nxandarx iktar!”  Imma hu stess jgħid:  “F’qalbi hemm bħal nar jaqbad magħluq f’għadmi.  Għejjejt inżommu magħluq ġo fija.”  (Ġer. 20, 9).    Għax Alla jħobbu lill-midneb u jrid jurih li l-ħajja li qed  jgħix mhix Ħajja, li hu possibbli li l-ilma li għandu, bla togħma, jiġi mibdul f’inbid tal-festa, f’inbid tal-Ħajja vera.  Alla dejjem jagħti, jagħti, jagħti... u l-Profeta hawn jasal dejjem: li jxandar li Alla sar Ħaruf għall-midneb; Ħaruf li jinqatel biex il-lupu jgħix!  X’għaġeb; x’meravilja.

 

Ġwanni deher biex ixandar il-Wasla tal-Ħaruf, it-tqaċċit ta’ għerq il-ħażen u l-egoiżmu minn qalb il-bniedem.  Bil-mewt tiegħu, il-Ħaruf jixtri l-Ħajja vera għal-lupu!  Din l-Aħbar twieldet f’għar tal-annimali ġewwa belt ta’ Iżrael.  Min se jismagħha din l-Aħbar?  Min se jaraha din il-Ġrajja?  Min għandu widnejh u għajnejh imfejqa minn Alla permezz tal-konverżjoni.  Li wieħed jikkonverti jfisser li jagħraf lilu nnifsu.  Jinduna li hu mhux dak li kien jaħseb li hu imma xi ħadd ieħor.  Ġwanni ġie jippriedka din l-indiema. 

 

Din mhix indiema xogħol il-bniedem.  Il-marid ma jfejjaqx lilu nnifsu, lanqas ma jista’ l-mejjet iqajjem lilu nnifsu.  Erfa’ għajnejk u stenna ħwejjeġ kbar mingħand il-Mulej li jħobbok hekk kif int, imma jrid jerfgħek mix-xejn li int issejjaħlu “ħajja”.  Il-konverżjoni li jħabbar il-Profeta hi GRAZZJA.  Din hi kelma li neżżgħajniha mill-qawwa tagħha.  Ġej il-Mulej imlibbes bil-kobor biex iwettaq dak li d-dinja ilha tixtieq u tivvinta u tiġri biex issib fi ħwejjeġ oħra.  Kemm ġiri wara r-riħ!

 

Ġwanni kien sinjal ta’ faraġ għal poplu li kien ilu jistenna li Alla jikser is-skiet tiegħU.  Leħen jgħajjat: “Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert, wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri... U tfiġġ il-glorja tal-Mulej u l-bnedmin jarawha kollha f’daqqa, għax fomm il-Mulej tkellem.”  (Is. 40, 3w).  Hu ħafna probabbli li anke int li qed taqra dawn il-versi, u jien miegħek, ninsabu għaddejjin minn nixfa spiritwali.  din il-pandemija hija ħofra ta’ dippressjoni li kienet qegħda tistenniena fit-triq tal-Ħajja tagħna.  Se jkun il-vaċċin il-faraġ li għandna bżonn?  Jew, bħalma qed ibassru xi wħud, il-Covid-19 hu biss il-“prekursur” (sic!) ta’ pandemiiji oħra li għad jitnisslu minn natura li ilha l-vittma ta’ vjolenza ambjentali minn bniedem miklub għall-flus?

 

Il-Mulej jaf li għandna bżonn il-faraġ tal-Kelma ħallieqa tiegħU, li toħloq poplu ġdid għall-Mulej.  Hemm bżonn tinbidel il-qalb.  Għax aħna lkoll tlaqna lilu, l-għajn tal-ilma ġieri, biex ħaffirna bjar għalina, bjar miksura li ma jżommux ilma.  (Ġer. 2, 13).  Mejtin bil-għatx morna nfittxu l-ilma tal-Ħajja u ma sibniex.  Għandna bżonn nikkonvertu, u ma nimlewx rasna bil-“Quddiesa tal-Ħadd” għax anke Iżrael inganna ruħu bit-Tempju, u mhux darba u tnejn Alla nnifsu ħalla li dan jiġi meqrud.

 

Iżda t-tweġiba ta’ Alla għad-dnub u l-ġiri wara r-riħ tagħna dejem hi ħniena fehma (“understanding”), mogħdrija.  Hu jerħi lil Ibnu f’idejna biex noqtluH, iżda Hu jdawwar id-dnub tagħna fi Grazzja u l-mewt ta’ Ibnu dejjem tiftaħ għarar ta’ konverżjoni, indiema, tiġdid ritorn lura.  “Xi ħtija hienja”, tkanta l-Knisja, “li stħaqqilha Feddej kbir bħal dan!  Xi ħtija hienja!”  (mill-Prekonju Paskwali).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Ħejju t-triq għall-Mulej.

Is 40, 1-5.9-11

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi

– jgħid Alla tagħkom.

Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha

li ntemm il-jasar tagħha,

tħallset ħżunitha,

ħadet mingħand il-Mulej

darbtejn għal dnubietha kollha”.

 

Leħen jgħajjat:

“Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert,

wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.

Jintradam kull wied,

u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet;

kull art imħattba titwitta,

kull art imħarbta ssir maqgħad.

U tfiġġ il-glorja tal-Mulej,

u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa,

għax fomm il-Mulej tkellem”.

 

Itla’ fuq il-muntanja għolja,

int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon;

għolli leħnek bil-qawwa kollha,

int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm;

għajjat, la tibżax.

                                                       

Għid lill-ibliet ta’ Ġuda:

“Hawn hu Alla tagħkom!

Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa,

u jaħkem bil-qawwa ta’ driegħu.

Hawn hu bi ħlasu miegħu,

u r-rebħa tiegħu quddiemu.

Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu;

bi driegħu jiġmagħha,

u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom;

u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 84 (85), 8-9ab.10-14

 

R/. (8): Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,

u s-salvazzjoni tiegħek agħtina

 

Ħa nisma’ xi jgħid Alla;

il-Mulej is-sliem ixandar,

għall-poplu u l-ħbieb tiegħu.

Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu

għal dawk li jibżgħu minnu,

biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.

 

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,

il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet,

u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.

 

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,

u artna tagħti l-frott tagħha.

Il-ġustizzja quddiemu timxi,

u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.

 

Qari II

Nistennew li jiġu smewwiet ġodda u art ġdida.

2 Piet 3, 8-14

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu

 

Ħuti għeżież, dan għandkom tkunu tafu: li quddiem il-Mulej jum wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed. Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma, li kulħadd jersaq għall-indiema.

 

Jasal, tabilħaqq, Jum il-Mulej bħal ħalliel; jintemmu mbagħad is-smewwiet bi ħsejjes kbar, jinħallu bin-nar l-elementi tad-dinja, u l-art b’kull ma fiha tkun maħruqa min-nar.

 

Ladarba hekk kollox għandu jintemm, araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, kemm għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitkom, waqt li tistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum ta’ Alla. Hu minħabba f’dan il-Jum li s-smewwiet jinħarqu u jinħallu, u l-elementi tad-dinja jinqerdu bin-nar. Imma aħna, skont il-wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.

 

Għalhekk, ħuti għeżież, waqt li nistennew dan kollu, qisu li jsibkom fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 3, 4.6

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ħejju t-triq tal-Mulej,

iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu:

u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.

Mk 1,1-8

 

Bidu tal-Evanġelju skont San Mark

 

Il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta: “Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

 

Hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.

 

Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ. U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jien għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >