Tuesday, 11 May 2021
           
Home
IL-HADD FUQ L-1 TA’ JANNAR (2021) L-EPIFANIJA: KRISTU MURI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 02 January 2021

Din hija il-Liturgija tal- Hadd  fuq l-ewwel ta' Jannar  L-Epifanija : Kristu Muri ( 2021 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

tre_re.png

 

Matul dawn il-ġranet glorjużi tal-Milied, smajna, u se nerġgħu nisimgħu il-Kelma ta’ Alla li titkellem fuq Dawl li se jinfed id-dlamijiet ta’ din id-dinja; Dawl li se jimla bil-ferħ lil dawk li jiddawlu bih.  Fil-lejl tal-Milied smajna lil Isaija jgħid: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir, in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl kbir idda fuqhom. Int kattart il-hena, kabbart il-ferħ; huma ferħu quddiemek, bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad, bħalma jifirħu fi żmien il-priża.  Għax il-madmad li kien itaqqlu, u l-ħatar ta’ fuq spallejh, u l-bastun tal-argużin, int kissirthom.”  (Is. 9, 1-3). 

 

Fil-Liturġija tal-Kelma tal-lum, l-istess Profeta jerġa’ jinfexx f’għajta ta’ ferħ tixbaħ li din.  Aħna nassoċċjaw lill-profeti ma’ nies b’għajnejhom jarmu n-nar, xagħarhom itir imħabbel fiċ-ċaħda tagħhom tal-mundanità, nies bla vanità li jiġu jaqgħu u jqumu minn dak li ħaddieħor jaħseb fuqhom, nies bla   xkiel, b’madmad wieħed itaqqalhom: li jwasslu l-Kelma li nagħtat lilhom minn Alla.  Sikwit kienu mbuttati minn riħ ta’ qilla għax ma kinux jitkellmu fuq temi ‘safe’ imma fuq ħwejjeġ jaħarqu li l-poplu kien komdu jaħbihom.

Imma dawn in-nies kienu jafu jifirħu wkoll meta kien jiċċara f’moħħhom il-Pjan ta’ Mħabba li Alla kien qed ilesti għall-poplu tiegħu, l-aktar meta kienu jitkellmu fuq l-Imwiegħed, il-Mibgħut, Dak li kellu jiġi, il-Midluk tal-Mulej, il-Messija li kellu jirranġa kollox, Dak li għalih Żakkarija, missier l-Għammiedi, mar jgħid: “Hu bħax-xemx tielgħa li jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.  (Lq. 1, 78-79).  Illum għandna mill-ġdid lil Isaija, il-Ħabbar tal-Aħbar it-Tajba, li se jgħidilna fl-Ewwel Qari:  “Ara, id-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed lill-popli; iżda fuqek jiddi l-Mulej u s-sebħ tiegħu jfeġġ fuqek. Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek, u s-slaten fid-dija tiegħek.”  (Is. 60, 2-3).

 

Kristu huwa d-Dawl mibgħut mill-Missier biex idawwal id-dlam li jaħkem qalb tant u tant nies.  Ma setax jibqa’ magħluq ġo Iżrael, moħbi bħal bħal mubieħ taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar.  Iżrael nissel lil Alla fil-ġisem imma b’risq il-ġnus kollha kif tħabbar lil Abraham fil-bidu: jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art. (Ġen. 22, 18).  Kristu kellu jiġi “muri” lid-dinja permezz tal-predikazzjoni tal-ewwel dixxipli.  Il-Kelma “Epifanija” dan hu li tfisser: “wirja”, “esibizzjoni”, “splużjoni ta’ għarfien f’daqqa waħda” ġejja mill-Grieg: “Epiphaneia”.  Kull min emmen lil dawk li xandru lil Kristu, Kristu sar Dawl għalihom, u huma li kienu dlam saru Dawl ukoll u hekk id-Dawl ta’ Kristu beda jinfirex sat-truf tal-art.

 

Allura l-Epifanija tiċċelebra xi ħaġa ferm ikbar u li żgur tisboq il-miġja tal-Maġi.  Mattew, il-waħdieni li niżżilha fl-Evanġelju tiegħu, induna li warajha, din l-istorja ta’ xi nies misterjużi li telqu minn arthom, bħal Abraham, biex bħalu jikbru fil-Fidi billi jfittxu tarbija, kien hemm xi ħaġa “ġdida” moħbija: il-ftuħ tal-Ħniena u l-Imħabba ta’ Alla fuq il-ġnus kollha tal-art.  Smajna kemm-il darba li Iżrael kien jemmen li hu kien il-poplu waħdieni ta’ Alla u li kellu l-monopolju fuq il-Grazzja.  Għadu sal-lum dan il-poplu ma fehemx li l-Glorja mmensa tiegħu hi li d-Dawl żiġġ minnu biex dawwal id-dinja kollha u l-univers kollu. 

 

Ħafna ma japprezzawx din l-“Epifanija” tal-Imħabba ta’ Alla.  Hu misteru li jgħaġġeb kif ħafna lid-Dawl jaħsbuh dlam, u l-kontra.  Min hu mdorri fid-dlam, magħluq ġewwa ħajtu kollha, id-Dawl li jiddi f’daqqa jweġġagħlu għajnejh u jindiehex minnu.  X’inhu dan id-dlam?  Irridu nifhmu x’inhu d-dlam biex napprezzaw x’Dawl qawwi hu Kristu.  San Ġwann jgħid li min hu fid-dlam mhux kapaċi jħobb.  (ara 1 Ġw. 9-11).  Id-dlam huwa l-Mewt, bit-tifsiriet kollha tagħha.  Il-Mewt hi biża’, insigurtà, theddid, egoiżmu.  Dawn ġew mid-dnub.  Liema dnub?  Id-“Dnub” li minnu tnisslu d-dnubiet kollha.  Id-“Dnub” tal-Għeden meta l-bniedem emmen il-katekeżi tax-xitan li Alla mhux Imħabba, u beda jissuspetta fih.  Qabel tawwal idu lejn “is-siġra”, id-“Dnub” kien ġa jgħammar fil-bniedem li kien tilef l-innoċenza tiegħu.  Infired minn Alla.  Inqata’ mill-Imħabba.  Vojt.  Biża’ minn x’jista’ jiġri.  Il-biża’ tal-Mewt.  Id-Dlam!  Il-bniedem dan ma jissaportihx.  X’jagħmel?  Jew idur lura lejn Alla li ħalqu, jew ifittex il-Ħajja li tilef fl-aptiti ta’ kull xorta: poter, flus, gula, żina, vjolenza, ġlied, rabja, għajat, ambizjoni, jagħmel “alla” minn kollox.  Bniedem bħal dan ma jistax jinsa lilu nnifsu biex iħobb, jinagħta għall-ieħor.  Maż-żmien id-Dawl intesa’.

 

L-istorja tal-Epifanija, hi storja ħelwa ta’ tliet karattri li fid-dlam tagħhom dehret “Kewkba”, xrara Dawl minn Alla biex ifittxu li joħorġu minn dar l-għeluq fejn kollox kien dlam. Hi tal-għaġeb kif din l-istorja “innoċenti” hi mdawwra bil-vjolenza u jitfa’ dell fuqha karattru aħrax, iebes, kollu kemm hu dlam: Erodi l-Kbir.

 

Kien bniedem li baqa’ msemmi fl-Istorja.  Kien politiku kapaċi ħafna li rnexxilu jikkontrolla l-Palestina b’id tal-ħadid.  Fl-istess ħin kien “artist” u l-arti tiegħu ħarġet fl-arkitettura.  Kien bennej kbir.  Bena palazzi, fortifikazzjonijiet, belt sħiħa li kienet ukoll port artifiċjali: Ċesarija Marittima, u, b’makakkerija politika, u mhux għax kellu l-Fidi, bena wkoll it-Tempju majestuż ta’ Ġerusalemm minflok wieħed fqir li kien inbena wara l-Eżilju flok dak ta’ Salamun li kien inqered fil-gwerra.  Dan kollu, anke jekk sabiħ, kien xogħol id-Dlam għax Erodi huwa l-bniedem imdallam per eċċellenza.

 

Id-dlam iġagħlek temmen biss fik innifssek u tħares lejn ħaddieħor bħala xi ħadd li jista’ jkun rival tiegħek.  Għalhekk int dejjem għassa, “on guard” għal li jista’ jinqala’, dejjem taħseb għal rasek, tiġbed lejk, ma tagħmel xejn jekk mhux għall-gwadann.  Jekk “tħobb” lil xi ħadd, dejjem hemm taħlita ta’ egoiżmu mħallat mal-imħabba, u tħobb sakemm l-ieħor, l-oħra jibnuk, jogħġbuk, iferrħuk.  Dan il-bniedem jista’ jkollu karattru li jiġbdek, imma hu kapaċi joqtol.  Hu vjolenti anke jekk jidher beżżiegħi.  U hu beżżiegħi anke jekk jidher kuraġġuż u “bully”.  Dan hu Erodi, li malli sema’ bit-tarbija ta’ Betlehem imtela b’tensjoni u suspetti u biża’ li xi ħadd qed jheddidlu s-saltna.  Il-bniedem li ħalla isem fl-Istorja politika tal-pajjiż spiċċa biex ħareġ il-ħażen tiegħu fuq ftit trabi.

 

Imma min hu “Erodi”?  Hu ħafna iktar komuni milli naħsbu.  Hu bniedem dgħajjef, mhedded, insigur, bla Alla, li kellu s-saħħa jagħmel li jrid għax kien is-Sultan.  Imma hu, bħala bniedem, mhux ’il bogħod minna wisq!  Saħansitra, ħafna minna jridu joqtlu t-trabi bħalu, bl-abort, għax jibżgħu li tarbija tista’ tisirqilhom ħajjithom!

 

Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

1 QARI I
Is-sebħ tal-Mulej jiddi fuqek.
Is 60, 1-6

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Qum! Ħa jiddi wiċċek!
Id-dawl tiegħek wasal!
Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!
Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli:
iżda fuqek jiddi l-Mulej, u s-sebħ tiegħu jfiġġ fuqek.
Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,
u s-slaten fid-dija tas-sebħ tiegħek.
Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara:
ilkoll miġbura ġejjin għandek.
Uliedek ġejjin mill-bogħod,
u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.
Imbagħad tħares u wiċċek jiddi,
u tħabbat u timtela qalbek,
għax fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid tal-ibħra,
u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.
Imrieħel ta’ iġmla għad jgħattuk,
l-iġmla żgħar ta’ Midjan u Għefa;
ilkoll minn Seba jiġu, mgħobbija bid-deheb u l-inċens,
u jxandru t-tifħir tal-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 71 (72), 1-2.7-8.10-11,12-13

R/. (ara 11): Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,
il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,
biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,
u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. R/.

Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,
u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.
Isaltan minn baħar sa baħar,
u mix-xmara sa truf l-art.
R/.

Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,
is-slaten ta’ Seba u ta’ Saba għotjiet iġibulu.
Iqimuh is-slaten kollha,
il-ġnus kollha lilu jaqdu. R/.

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,
u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.
Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;
il-ħajja tal-fqajrin isalva. R/.

QARI II
Issa ġie rrivelat li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wegħda.
Ef 3, 2-3a. 5-6

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għall-ġid tagħkom, jiġifieri, li permezz ta’ rivelazzjoni għarrafni l-misteru. Dan hu l-misteru li fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa ġie rrivelat lill-appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri, li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri tal-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz tal-Evanġelju.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 2, 2

Hallelujah. R/. Hallelujah
Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa mil-Lvant,
u ġejna nqimu l-Mulej.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ġejna mil-Lvant nagħtu qima lis-Sultan.
Mt 2, 1-12

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Il-Kelma tal-Mulej
R/.
Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >