Din hija il-Liturgija tat-Tieni Hadd matul is-sena ( 2021 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Inti li qed taqra dawn il-versi, qed tagħmel
hekk għax Kristu jinteressak. Aħna li
jinteressana Kristu għandna nħossuna grati u onorati li ninsabu qalb kotra ta’
aħwa li matul il-ġenerazzjonijiet ħassewhom miġbuda lejH. Ir-ragħajja inġibdu għax kellimhom anġlu;
il-Maġi raw kewkba li xegħelitilhom l-immaġinazzjoni; midinbin u pubblikani
inġibdu minn Kliemu kollu mogħdrija; Indrija, wieħed mill-ewwel żewġ dixxipli
ta’ Kristu, sema’ lill-Għammiedi jitkellem fuqU; u aħna lkoll għandna l-Istorja
tagħna.
Li tkun miġbud lejn Kristu hija Grazzja
mogħtija lilek u lili bla ma jistħoqqilna.
Mhux kulħadd jirċievi din il-Grazzja.
Erodi ma rċivihiex. Oħrajn forsi
rċivewha u ma tawx kas. Mhux għax dawn
huma agħar minn dawk li aċċettaw is-Sejħa tal-Mulej, għax fl-aħħar mill-aħħar
ħadd ma jistħoqq Grazzja kbira bħal din.
Dan hu Misteru. Kull bniedem
għandu l-libertà tal-għażla għax l-Imħabba ma tisforza lil ħadd. Ħaġa hi ċerta: lil dawk li laqgħu is-Sejħa
ta’ Alla biex jikbru fil-Fidi, Alla tahom din il-Grazzja b’risq l-oħrajn, għax
Alla jħobb lil kulħadd l-istess. Hemm
min se jsalva għax laqa’ s-Sejħa, u ħafna oħrajn isalvaw permezz ta’ dawk li
laqgħuha. Għax in-Nisrani hu bħal melħ fil-borma:
il-melħ qiegħed hemm b’servizz għall-ikel li hemm jissajjar biex toħroġ
it-togħma tiegħu. Ħadd ma jgħid: kemm hu
tajjeb il-melħ; id-dinja titjieb
bl-Insara li jimxu wara Kristu u hekk issalva.
Dari, kienu jaħsbuha b’mod differenti mil-lum
dwar is-Sejħa ta’ Alla. B’xi mod kulħadd
kien imsejjaħ għax kulħadd kien jieħu sehem fil-Ħajja liturġika tal-Knisja u
kienu jistmaw il-Magħmudija li rċivew.
Imma f’moħħhom kien hemm Sejħat speċjali għas-saċerdozju jew għall-ħajja
kkonsagrati f’xi kunvent. Illum, anke
fid-dawl tal-Konċilju, qegħdin nifhmu li hemm ħafna tipi ta’ Sejħat, ilkoll
importanti għall-Knisja u għad-dinja.
Jista’ jkun li Alla qed isejjaħlek biex tifforma familja Nisranija,
familja li tikber flimkien fil-Fidi, familja li tixxennaq li tkun “Knisja
Domestika”, Knisja tad-Dar. Familja li
fiha jitrawmu Sejħat ta’ Alla b’risq il-poplu tiegħU. Illum qegħdin nindunaw li l-familja hija
l-benniena tal-Knisja... tinqered hi, tinqered il-Knisja.
Iżda barra dawn is-Sejħat li semmejna, hemm
is-“Sejħa” prinċipali li hi l-bażi tas-Sejħat kollha. Is-Sejħa tiegħi u tiegħek bħala Nsara hi li
l-ewwel u qabel kollox nidħlu dejjem iktar fil-Misteru ta’ Ġesù, l-Iben ta’
Alla, Dak li ta Ħajtu biex aħna ngħixu għal dejjem. Dan hu Misteru li wieħed jista’ jasal biex
jifhmu, fil-qjies li jagħtih Alla.
Kollox jiddependi mill-Grazzja ta’ Alla.
San Ġwann tas-Salib, waqt li jikkwota l-Iskrittura, jgħid li fi Kristu,
l-Missier tana kollox u ma għadx baqagħlu x’jagħtina iktar. Forsi aħna noħolmu li nsiru sinjuri, jew li
nagħmlu suċċess mill-karriera, jew li nkunu stmati, jew li ma nimirdu qatt u
ngħixu sa mitt sena jew aktar...
Ikbar minn dawn u minn kull ħaġa oħra huwa
r-Rigal il-Kbir li l-Missier tana meta ċeda lil Ibnu biex ikun “il-Ħaruf
ta’ Alla” (Ġw. 1, 35). Aħna ġejna maħluqa, u iktar u iktar
mgħammda, għal għan wieħed li jiddomina kollox, li jagħti sens lil kollox. Ħafna, ħafna jinsabu fi kriżi għax ma jafux
x’sens għandha l-Ħajja u jħossu vojt li ma jistgħu jimlewh b’xejn. Dan il-vojt li qed iġennen tant nies għandu
l-forma ta’ Kristu, l-Iben ta’ Alla, il-Mibgħut għal kull bniedem. Kristu biss jista’ jimla l-vojt tal-eżistenza
tagħna, u la l-flus, la s-saħħa, la l-pjaċiri, la l-affarijiet li huma tajbin u
lanqas dawk li huma ħżiena u jagħmlu l-ħsara lil ħaddieħor. Kristu huwa l-Imħabba ta’ Alla li ġie biex
jikkonvinċina li kollox se jispiċċa tajjeb għalina; li anke jekk ġisimna jmut
b’mewta naturali, lanqas xagħra waħda ma tintilef ?????
Imma din l-Aħbar tremenda, l-bniedem ma jemminhiex kif
ġieb u laħaq. Għandu katekeżi profonda
ġewwa fih li tgħidlu li kollox u kulħadd se jmut u jispiċċa kollox. Għalhekk aħdem ħa jkollok x’tonfoq,
x’tiddeverti u ħallik mit-“tajjeb” u l-“ħażin” għax hawn niġu darba mbagħad
daqshekk. Dan hu mwaħħal ġo moħħna, u
anke jekk bosta jgħidu li jemmnu f’Ħajja oħra, huma jgħixu, bla ma tati tort lil ħadd (!), qisu
din il-ħajja biss teżisti. Huwa dan li
jagħmilna mdejqin, għax għalkemm kollox jagħtina gost għall-ewwel, jispiċċa
biex jindara malajr u arana nfittxu ħwejjeġ biex intajru l-menti tagħna.
Kif jista’ jkun li l-Missier li jħobbna tant, li mingħajr
l-Imħabba tiegħu xejn ma fih sens... għax jew kollox inħalaq minn Imħabba
enormi jew kollox hu diżastru, tal-biża’... kif jista’ jkun li l-Missier jibqa’
b’idU marbutin quddiem il-bniedem mitluf f’dan l-ispazju ta’ non-sens? Din is-solitudni tinkiser minn Sejħa li
tinfed, bi Grazzja, id-dlam ta’ ġo fina u timbuttana biex nifhmu/nemmnu
fil-Misteru ta’ Kristu.
X’inhu dan il-Misteru?
Huwa l-Misteru tas-Salvazzjoni tiegħek u tiegħi. Huwa l-Misteru tal-Għid li għex l-Iben ta’
Alla biex jaħtafna mill-abbiss tal-ispazju u jpoġġina fi Knisja ħajja fejn
inħossu li hu postna, inħossu li bdejna nħobbu u li aħna maħbubn. L-Imħabba tfejjaq kollox. Aħna ġejna maħluqin biex nagħrfu lil Kristu u
x’għamel għalina, għal kull wieħed minna.
Pawlu minn dan ma kien jaf xejn, imma l-Grazzja, ir-Rigal mogħti b’xejn
lilu minn Alla tant ġennu bis-sbuħija tiegħu li ma ried jagħmel xejn aktar
b’Ħajtu ħlief li jxandar lil kull bniedem li jiltaqa’ miegħu l-“għaġeb” kbir
tal-Misteru ta’ Kristu li hu moħbi imma li jrid jinkixef għalina.
Ġwanni l-Għammiedi jxandar lil Kristu bħala l-Ħaruf ta’
Alla. Din l-espressjoni hija profonda
mmens u tiddiskrivi tajjeb il-Misteru ta’ Kristu. Bid-demm tal-Ħaruf il-Lhud ġew ordnati
jċappsu l-blatiet u l-ġnub tal-bibien
tagħhom fl-Eġittu għax il-Mewt kienet se tgħaddi u tħalli ħerba warajha. Imma d-demm imċappas mal-bibien beżża’
lill-Mewt u hi qabżet kull dar li fiha għammru dawk li emmnu fil-valur
tal-prezz li ħallas għalihom il-ħaruf.
Dan hu n-Nisrani.
Nistgħu ngħidu ħafna xorti u nsemmu ħafna dommi u preċetti u drawwiet,
imma ma jistax ikun hemm Nisrani li ma jemminx fil-valur tad-Demm ta’ Kristu
mxerred għalih. Kristu miet biex jien
ngħix! Kristu miet biex id-Dnub tiegħi,
id-Dnub sħiħ ta’ Ħajti kollha, jinħasel minn fuqi. Kristu miet biex jien nidher “ġust” quddiem
il-Missier u niret il-Ħajja ta’ Dejjem għax hemm il-Ħaruf li juri l-pjagi
tiegħU lill-Missier b’difiża għalija.
Imma dan mhux bil-paroli.
Kif nafu li għandna l-Fidi f’dan kollu?
Għax il-Fidi trid tidher mill-għemil.
Għax nerġa ngħid, lid-dinja mhux lakemm tgħidilha li l-Mewt intrebħet u
issa quddiemna għandna t-Triq li tieħu għal Ħajja li ma tispiċċax. Mhux lakemm temmen id-dinja li teżisti Mħabba
meraviljuża bħal din għax hi flaġellata minn piki, għira, vjolenzi, gwerer,
qtil, inġustizzji, egoiżmi, kilba għaż-żina u għall-flus...
Id-dinja hi mxennqa biex tara l-“Insara” li huma meħlusa
mill-biża’ tal-Mewt. L-iktar
Evanġelizzazzjoni efffettiva hi dik tax-xhieda siekta li hi l-frott
tal-Preżenza ta’ Kristu fin-Nisrani. Dan
il-bniedem imfejjaq minn ġewwa jista’ jħobb lill-għadu għax Kristu rebaħ
il-Mewt ġewwa fih. Dwar Indri u sieħbu,
l-Vanġelu tal-lum jgħid li marru miegħu
u raw fejn kien joqgħod u dakinhar baqgħu miegħu. (Ġw. 1, ????). U baqgħu miegħU sal-Mewt. Għaliex?
Għax raw fiH dak li d-dinja tixxennaq li tara llum.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Tkellem,
Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.
1 Sam 3:3b-10,19
Qari
mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel
F’dak
iż-żmien, Samwel kien mimdud fit-tempju tal-Mulej, fejn kien hemm l-arka ta’
Alla.
Il-Mulej
sejjaħ: “Samwel!”. U dan wieġeb: “Hawn jien!”. U mar jiġri għand Għeli. “Hawn
jien”, qallu, “għalfejn sejjaħtli?”. “Ma sejjaħtlekx”, wieġeb, “erġa’ mur
imtedd”. U raġa’ mar jorqod.
U
ssokta l-Mulej isejjaħ: “Samwel!”. U Samwel qam u mar għand Għeli u qallu:
“Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?”. “Ma sejjaħtlekx, ibni”, wieġeb, “erġa’ mur
orqod”. Samwel kien għadu ma għarafx il-Mulej, u anqas kienet għadha ma
ttgħarrfitlu l-kelma tal-Mulej.
U
ssokta l-Mulej isejjaħ: “Samwel!” għat-tielet darba. U dan qam, u mar għand
Għeli, u qallu: “Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?”. U Għeli fehem li l-Mulej kien
qiegħed isejjaħ iż-żagħżugħ. U qal lil Samwel: “Mur orqod. Jekk jerġa’
jsejjaħlek, wieġeb: ‘Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’’”. U
Samwel mar jorqod f’postu.
U
l-Mulej ġie, waqaf ħdejh, u sejjaħ bħal drabi oħra: “Samwel! Samwel!”. U Samwel
wieġeb: “Tkellem, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’”.
Samwel
kiber, u l-Mulej kien miegħu, u ma ħalla ebda kelma milli qal tmur fix-xejn.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 39(40):2,4ab,7-8a,8b-9,10
R/.
(8a.9a): Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.
Ittamajt
b’tama qawwija fil-Mulej;
hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.
Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,
għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna. R/.
Int
ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.
Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej”. R/.
“Fil-bidu
tal-ktieb hemm miktub fuqi
li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, dan jogħġobni;
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”. R/.
Xandart
il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
xufftejja ma żammejthomx magħluqa.
Mulej,
dan inti tafu. R/.
QARI II
L-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu.
1 Kor 6:13c-15a,17-20
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Korintin
Ħuti, il-ġisem mhuwiex għaż-żína iżda
għall-Mulej, u l-Mulej huwa għall-ġisem. U Alla qajjem il-Mulej u jqajjem lilna
wkoll bil-qawwa tiegħu. Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu? Min
jingħaqad mal-Mulej hu ruħ waħda miegħu. Aħarbu ż-żína! Kull dnub li wieħed
jagħmel hu ’l barra minn ġismu, iżda min jagħmel iż-żína jkun qiegħed jidneb
kontra ġismu stess. Jew ma tafux li ġisimkom hu tempju tal-Ispirtu s-Santu, li
jinsab jgħammar fikom, li għandkom minn Alla? Ma tafux li intom m’intomx
tagħkom infuskom? Bil-għoli kontu mixtrija! Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz
ta’ ġisimkom.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI
QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 1:41,17b
Hallelujah. R/. Hallelujah.
“Sibna l-Messija”:
il-grazzja u l-verità seħħu permezz tiegħu.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Marru u raw fejn kien jgħammar il-Mulej.
Ġw 1:35-42
Qari
mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak
iż-żmien, Ġwanni kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li
kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”. Iż-żewġ dixxipli
semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.
Ġesù
dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?”. Iżda huma staqsewh: “Rabbi”
– li tfisser, Mgħallem – “fejn toqgħod?”. Hu weġibhom: “Ejjew u taraw”. U marru
miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dakinhar baqgħu miegħu. Kien ħabta tal-erbgħa
ta’ wara nofsinhar.
Wieħed
mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun
Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” –
li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin
Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|